Agħmel l-Avanz Tiegħek Jidher
“Immedita fuq dawn l-affarijiet; kun medhi fihom, biex kulħadd jara li qed tavanza.”—1 TIM. 4:15.
1, 2. X’nafu dwar meta Timotju kien għadu żgħir u dwar il-bidla li seħħet meta kellu madwar 20 sena?
META kien għadu tifel, Timotju kien jgħix fil-provinċja Rumana tal-Galazja, dik li llum hi t-Turkija. Hemmhekk, għadd taʼ kongregazzjonijiet Kristjani ġew stabbiliti fis-snin taʼ wara l-mewt taʼ Ġesù. Maż-żmien, iċ-ċkejken Timotju, ommu, u nanntu ħaddnu l-Kristjanità u saru attivi f’waħda mill-kongregazzjonijiet. (2 Tim. 1:5; 3:14, 15) Timotju żgur li gawda l-ħajja tiegħu bħala Kristjan żagħżugħ f’nofs dak l-ambjent familjari. Madankollu, f’ħakka t’għajn, l-affarijiet bdew jinbidlu.
2 Dan kollu beda bit-tieni żjara tal-appostlu Pawlu f’dawk l-inħawi. F’dak iż-żmien, Timotju għandu mnejn kellu madwar 20 sena. Matul iż-żjara tiegħu, x’aktarx f’Listra, Pawlu nnota l-fatt li ‘l-aħwa kienu jitkellmu tajjeb’ dwar Timotju fil-kongregazzjonijiet lokali. (Atti 16:2) Iż-żagħżugħ Timotju bilfors li wera maturità kbira għall-età tiegħu. Imbagħad, taħt id-direzzjoni tal-ispirtu qaddis, Pawlu u l-ġemgħa tal-anzjani lokali qiegħdu idejhom fuq Timotju, billi għażluh għal xogħol speċjali fil-kongregazzjoni.—1 Tim. 4:14; 2 Tim. 1:6.
3. Timotju rċieva liema privileġġ taʼ servizz mhux tas-soltu?
3 Timotju rċieva stedina mhux tas-soltu—biex jivvjaġġa flimkien mal-appostlu Pawlu! (Atti 16:3) Immaġina kemm kien sorpriż u eċċitat Timotju! Fis-snin taʼ wara, Timotju kien se jivvjaġġa maʼ Pawlu u kultant m’oħrajn, billi kien se jwettaq diversi inkarigi għan-nom tal-appostli u l-anzjani. Pawlu u Timotju ħadu sehem f’xogħol tal-ivvjaġġar li kkontribwixxa ħafna biex l-aħwa jinbnew spiritwalment. (Aqra Atti 16:4, 5.) Għalhekk, Timotju sar magħruf sew maʼ ħafna Kristjani għall-avanz spiritwali tiegħu. Wara xi għaxar snin jaħdem maʼ Timotju, l-appostlu Pawlu kiteb lill-Filippin: “M’għandi lil ħadd bl-istess attitudni [taʼ Timotju] li se jieħu ħsieb ġenwinament dak li għandu x’jaqsam magħkom. . .. Intom tafu xi prova ta tiegħu nnifsu, li bħal iben maʼ missieru tjassar miegħi biex iġib l-aħbar tajba ’l quddiem.”—Flp. 2:20-22.
4. (a) Timotju b’liema responsabbiltà kbira ġie fdat? (b) Liema mistoqsijiet nistgħu nistaqsu dwar il-kliem taʼ Pawlu li nsibu fl-1 Timotju 4:15?
4 Madwar iż-żmien li Pawlu kiteb lill-Filippin, hu fada lil Timotju b’responsabbiltà kbira—dik li jaħtar anzjani u qaddejja ministerjali. (1 Tim. 3:1; 5:22) Jidher ċar li Timotju kien sar indokratur Kristjan responsabbli u taʼ min jafdah. Madankollu, fl-istess ittra, Pawlu ħeġġeġ lil Timotju biex jagħmel l-avanz tiegħu jidher quddiem kulħadd. (1 Tim. 4:15) Ma kienx Timotju diġà għamel l-avanz tiegħu jidher b’mod straordinarju? Allura, Pawlu x’ried ifisser b’dan il-kliem, u kif nistgħu nibbenefikaw mill-parir tiegħu?
Nagħmlu l-Kwalitajiet Spiritwali Jidhru
5, 6. L-indafa spiritwali tal-kongregazzjoni t’Efesu kif kienet mhedda, u Timotju kif setaʼ jipproteġi l-kongregazzjoni?
5 Ejja neżaminaw il-kuntest tal-1 Timotju 4:15. (Aqra l-1 Timotju 4:11-16.) Qabel ma kiteb dan il-kliem, Pawlu kien ivvjaġġa lejn il-Maċedonja, imma kien talab lil Timotju biex jibqaʼ f’Efesu. Għala? Xi wħud f’dik il-belt bdew joħolqu firdiet fil-kongregazzjoni billi bdew jintroduċu tagħlim falz. Timotju kellu jipproteġi l-indafa spiritwali tal-kongregazzjoni. Kif kien se jagħmel dan? Mod wieħed kien billi jħalli eżempju tajjeb biex oħrajn jimitawh.
6 Pawlu kiteb lil Timotju: “Kun t’eżempju għall-uħud leali, fil-kliem, fil-kondotta, fl-imħabba, fil-fidi, fis-safa.” Pawlu żied jgħid: “Immedita fuq dawn l-affarijiet; kun medhi fihom, biex kulħadd jara li qed tavanza.” (1 Tim. 4:12, 15) Dan l-avanz kellu x’jaqsam mal-kwalitajiet spiritwali taʼ Timotju u mhux maʼ xi pożizzjoni t’awtorità. Dan hu t-tip t’avanz li kull Kristjan għandu jkun irid juri.
7. X’inhu mistenni minn kulħadd fil-kongregazzjoni?
7 Illum, bħal fi żmien Timotju, hemm diversi pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà fil-kongregazzjoni. Xi wħud jaqdu bħala anzjani jew qaddejja ministerjali. Oħrajn jieħdu sehem fis-servizz taʼ pijunier. Jerġaʼ oħrajn igawdu inkarigi fix-xogħol tal-ivvjaġġar, fis-servizz f’Betel, jew fil-qasam missjunarju. L-anzjani jieħdu sehem f’diversi programmi taʼ tagħlim, bħal fl-assembleat u l-konvenzjonijiet. Madankollu, il-Kristjani kollha—l-irġiel, in-nisa, u ż-żgħażagħ—għandhom il-potenzjal li jagħmlu l-avanz spiritwali tagħhom jidher. (Mt. 5:16) Fil-fatt, bħal fil-kas taʼ Timotju, anki Kristjani li għandhom pożizzjonijiet speċjali taʼ responsabbiltà huma mistennijin li jagħmlu l-kwalitajiet spiritwali tagħhom jidhru quddiem kulħadd.
Sir t’Eżempju fil-Mod li Titkellem
8. Liema effett għandu kliemna fuq il-qima tagħna?
8 Wieħed mill-oqsma li fihom Timotju kellu jkun t’eżempju kien fil-mod li jitkellem. Kif nistgħu nagħmlu l-avanz tagħna jidher f’dan il-qasam? Kliemna jgħid ħafna dwarna. Ġesù b’mod xieraq innota: “Mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm.” (Mt. 12:34) Ġakbu, ħu Ġesù mill-omm, irrikonoxxa wkoll l-effett li kliemna jistaʼ jkollu fuq il-qima tagħna. Hu kiteb: “Jekk xi bniedem jaħseb li jqim lil Alla tajjeb u madankollu ma jrażżanx ilsienu, imma jkompli jqarraq b’qalbu stess, il-qima taʼ dan il-bniedem hi fiergħa.”—Ġak. 1:26.
9. Kliemna b’liema modi għandu jkun t’eżempju?
9 Kliemna jistaʼ jirrivela lil oħrajn fil-kongregazzjoni kemm għamilna progress spiritwali. Għalhekk, minflok ma jużaw kliem mingħajr dinjità, negattiv, kritiku, jew li jweġġaʼ, Kristjani maturi jistinkaw biex jibnu, ifarrġu, jikkonslaw, u jinkuraġġixxu. (Prov. 12:18; Efes. 4:29; 1 Tim. 6:3-5, 20) Li nkunu ħfief biex niddiskutu l-konvinzjonijiet morali tagħna m’oħrajn u niddefendu l-livelli għoljin t’Alla jistaʼ jirrivela d-devozzjoni tagħna lejn Alla. (Rum. 1:15, 16) Dawk li għandhom attitudni xierqa ċertament li se josservaw il-mod kif nużaw l-għotja tal-kliem u għandhom mnejn isegwu l-eżempju tagħna.—Flp. 4:8, 9.
Inkunu t’Eżempju fil-Kondotta u fis-Safa Tagħna
10. Fidi mingħajr ipokrisija għala hi vitali għall-avanz spiritwali tagħna?
10 Biex Kristjan ikun t’eżempju tajjeb mhux biżżejjed li jgħid kliem li jibni. Individwu jkun ipokrita jekk jgħid affarijiet tajbin mingħajr ma jagħmilhom. Pawlu kien familjari sew mal-ipokrisija tal-Fariżej u mar-riżultat taʼ ħsara minħabba l-aġir tagħhom. Iktar minn darba, hu wissa lil Timotju kontra nuqqas taʼ sinċerità u qerq bħal dan. (1 Tim. 1:5; 4:1, 2) Imma Timotju ma kienx ipokrita. Fit-tieni ittra tiegħu lil Timotju, Pawlu kiteb: “Inġib quddiem għajnejja l-fidi li għandek mingħajr ebda ipokrisija.” (2 Tim. 1:5) Xorta waħda, Timotju kellu bżonn jagħmel il-ġenwinità tiegħu bħala Kristjan tidher quddiem oħrajn. Hu kellu jkun t’eżempju fil-kondotta.
11. Pawlu x’kiteb lil Timotju dwar l-għana?
11 Fiż-żewġ ittri tiegħu lil Timotju, Pawlu pprovda twissijiet fuq diversi aspetti tal-kondotta. Pereżempju, Timotju kellu jevita li jiġri wara l-għana. Pawlu kiteb: “L-imħabba għall-flus hi l-għerq taʼ kull tip taʼ ħsara u, billi rawmu din l-imħabba, xi wħud ġew żvijati mill-fidi u ferew lilhom infushom b’ħafna weġgħat.” (1 Tim. 6:10) L-imħabba għall-għana hi sinjal taʼ dgħufija spiritwali. B’kuntrast, Kristjani li jikkuntentaw b’ħajja sempliċi, billi jkollhom ‘x’jieklu u biex jitgħattew,’ juru avanz spiritwali.—1 Tim. 6:6-8; Flp. 4:11-13.
12. Kif nistgħu nagħmlu l-avanz tagħna jidher fil-ħajja persunali tagħna?
12 Pawlu qal lil Timotju kemm kien importanti li n-nisa Kristjani “jiżżejnu bi lbies adattat, bil-modestja u b’moħħ f’loku.” (1 Tim. 2:9) Nisa li huma modesti u jkunu moħħhom f’loku fl-għażla tagħhom tal-ilbies u d-dehra, kif ukoll fi kwistjonijiet oħrajn tal-ħajja persunali tagħhom, iħallu eżempju eċċellenti. (1 Tim. 3:11) Dan il-prinċipju japplika għall-irġiel Kristjani wkoll. Pawlu wissa lill-indokraturi biex ikunu ‘moderati fi drawwiethom, ikollhom moħħ f’loku, [u] jimxu bl-ordni.’ (1 Tim. 3:2) Meta nuru dawn il-kwalitajiet fl-attivitajiet tagħna taʼ kuljum, l-avanz tagħna se jidher quddiem kulħadd.
13. Bħal Timotju, kif nistgħu nkunu t’eżempju fis-safa?
13 Timotju kellu jkun t’eżempju wkoll fis-safa. Meta uża dan it-terminu, Pawlu kien qed jirreferi għal kondotta speċifika ħafna, dik tal-moralità sesswali. Speċjalment fil-mod kif Timotju kellu jittratta lin-nisa, il-kondotta tiegħu kellha tkun mingħajr tmaqdir. Hu kellu jittratta lin-‘nisa xjuħ bħala ommijiet, u lin-nisa żgħażagħ bħala aħwa bis-safa kollu.’ (1 Tim. 4:12; 5:2) Saħansitra atti t’immoralità li għandhom mnejn jidhru li huma sigrieti, Alla jaf bihom u eventwalment żgur li se jsiru jafu bihom sħabna l-bnedmin. Imma huwa minnu wkoll li l-għemejjel tajbin taʼ Kristjan ma jistgħux jinżammu moħbijin. (1 Tim. 5:24, 25) Kulħadd fil-kongregazzjoni għandu l-opportunità li jagħmel l-avanz tiegħu jidher fil-kondotta u s-safa.
L-Imħabba u l-Fidi Huma Essenzjali
14. L-Iskrittura kif tenfasizza l-bżonn li jkollna mħabba bejnietna?
14 Aspett ewlieni tal-Kristjanità vera hu l-imħabba. Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġw. 13:35) Kif nistgħu nuru mħabba bħal din? Il-Kelma t’Alla tħeġġiġna biex nissaportu “lil xulxin bl-imħabba,” biex ‘inkunu qalbna tajba maʼ xulxin, nagħdru b’tenerezza, naħfru lil xulxin mill-qalb,’ u nkunu ospitabbli. (Efes. 4:2, 32; Ebr. 13:1, 2) “Ħa jkollkom affezzjoni tenera lejn xulxin bi mħabba lejn l-aħwa,” kiteb l-appostlu Pawlu.—Rum. 12:10.
15. L-imħabba għala hi vitali għal kulħadd, speċjalment għall-indokraturi Kristjani?
15 Li kieku Timotju kien aħrax jew ma kienx juri qalb tajba meta kien jittratta maʼ sħabu l-Kristjani, dan setaʼ jġib fix-xejn it-tajjeb li kien wettaq bħala għalliem u indokratur. (Aqra l-1 Korintin 13:1-3.) Min-naħa l-oħra, l-espressjonijiet t’affezzjoni ġenwini taʼ Timotju għal ħutu, flimkien m’atti t’ospitalità u għemejjel tajbin għan-nom tagħhom, ċertament li għamlu l-avanz spiritwali tiegħu jispikka. Mela, kien xieraq li fl-ittra tiegħu lil Timotju, l-appostlu Pawlu semma speċifikament l-imħabba bħala waħda mill-kwalitajiet li fiha Timotju kellu jkun t’eżempju.
16. Timotju għala kellu bżonn juri fidi b’saħħitha?
16 Matul il-waqfa tiegħu f’Efesu, il-fidi taʼ Timotju għaddiet minn prova. Ċerti wħud bdew jippromwovu duttrini li ma kinux fi qbil mal-verità Kristjana. Oħrajn bdew ixerrdu “stejjer foloz” jew ifittxu ideat li ma kinux jgħinu l-ispiritwalità tal-kongregazzjoni. (Aqra l-1 Timotju 1:3, 4.) Pawlu ddeskriva lil dawn l-individwi bħala li huma ‘minfuħin bihom infushom, ma jifhmu xejn, u jkunu morda mentalment fuq kwistjonijiet u dibattiti dwar il-kliem.’ (1 Tim. 6:3, 4) Setaʼ Timotju jirriskja saħansitra li jikkunsidra l-ideat taʼ ħsara li bdew jidħlu fil-kongregazzjoni? Le, għax Pawlu ħeġġeġ lil Timotju biex ‘jiġġieled il-ġlieda t-tajba tal-fidi’ u biex jitbiegħed “mid-diskors vojt li jipprofana dak li hu qaddis u mill-kontradizzjonijiet taʼ dak li b’mod falz jissejjaħ ‘għarfien.’” (1 Tim. 6:12, 20, 21) M’hemm l-ebda dubju li Timotju segwa l-parir għaqli taʼ Pawlu.—1 Kor. 10:12.
17. Il-fidi tagħna kif tistaʼ tgħaddi minn prova llum?
17 Huwa interessanti li lil Timotju ntqallu li “f’xi żminijiet iktar tard xi wħud [kienu se] jitbiegħdu mill-fidi għax jagħtu kas kliem imnebbaħ li jqarraq u tagħlim tad-demonji.” (1 Tim. 4:1) Kulħadd fil-kongregazzjoni, inkluż dawk li għandhom pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà, għandu bżonn ikun bħal Timotju f’li juri fidi b’saħħitha u soda. Billi nieħdu waqfa soda u niċħdu mill-ewwel il-propaganda apostata, aħna nistgħu nagħmlu l-avanz tagħna jidher u nkunu t’eżempju fil-fidi.
Stinka Biex Tagħmel l-Avanz Tiegħek Jidher
18, 19. (a) Kif tistaʼ tagħmel l-avanz tiegħek jidher quddiem kulħadd? (b) X’se jiġi kunsidrat darb’oħra?
18 Jidher ċar li l-avanz spiritwali taʼ Kristjan veru m’għandux x’jaqsam mad-dehra persunali, mal-abbiltajiet naturali, jew mal-prominenza tiegħu. U mhux bilfors jirrifletti fis-snin taʼ servizz fil-kongregazzjoni. Minflok, l-avanz spiritwali veru jkun jidher billi nobdu lil Ġeħova fil-ħsieb, fil-kliem, u fil-kondotta. (Rum. 16:19) Għandna nagħtu kas il-kmand biex inħobbu lil xulxin u biex nikkultivaw fidi b’saħħitha. Iva, ejja nimmeditaw fuq il-kliem taʼ Pawlu lil Timotju u nkunu medhijin fih sabiex l-avanz tagħna jidher quddiem kulħadd.
19 Kwalità oħra li tirrifletti fl-avanz spiritwali tagħna u l-maturità Kristjana hi l-ferħ, parti mill-frott tal-ispirtu qaddis t’Alla. (Gal. 5:22, 23) L-artiklu li jmiss se jiddiskuti kif nistgħu nikkultivaw u nżommu l-ferħ matul żminijiet t’inkwiet.
Int Kif Twieġeb?
• Oħrajn x’jistgħu jitgħallmu dwarna minn kliemna?
• Kif jidher l-avanz tagħna fil-kondotta u fis-safa tagħna?
• Il-Kristjani għala għandhom ikunu t’eżempju fl-imħabba u l-fidi?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 11]
Iż-żagħżugħ Timotju wera maturità kbira
[Stampi f’paġna 13]
L-avanz tiegħek jidher quddiem oħrajn?