Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

‘Xandar il-Kelma t’Alla bil-Qlubija’

‘Xandar il-Kelma t’Alla bil-Qlubija’

‘Xandar il-​Kelma t’Alla bil-​Qlubija’

“Ilkoll imtlew bl-​ispirtu qaddis u bdew ixandru l-​kelma t’Alla bil-​qlubija.”—ATTI 4:31.

1, 2. Għala għandna nistinkaw biex inkunu effettivi fil-​ministeru tagħna?

 TLETT ijiem qabel mewtu, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-​tmiem.” Qabel ma telaʼ s-​sema, Ġesù rxoxtat inkariga lis-​segwaċi tiegħu biex ‘jagħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha u jgħallmuhom josservaw dak kollu li ordnalhom hu.’ Hu wegħedhom li se jibqaʼ magħhom “il-​jiem kollha sal-​konklużjoni tas-​sistema.”—Mt. 24:14; 26:1, 2; 28:19, 20.

2 Bħala Xhieda taʼ Ġeħova għandna sehem attiv f’xogħol li beda fl-​ewwel seklu. Ebda xogħol ieħor mhu importanti daqs ix-​xogħol tal-​ippritkar tas-​Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli—xogħol li jsalva l-​ħajjiet. Kemm hu vitali, mela, li nkunu effettivi fil-​ministeru tagħna! F’dan l-​artiklu se naraw kif permezz tad-​direzzjoni mill-​ispirtu qaddis inkunu nistgħu nitkellmu bil-​qlubija fil-​ministeru. Iż-​żewġ artikli li ġejjin se juru kif l-​ispirtu taʼ Ġeħova jistaʼ jidderiġina biex ngħallmu bis-​sengħa u nippritkaw b’mod kostanti.

Neħtieġu l-​Qlubija

3. Għala għandna bżonn il-​qlubija biex nieħdu sehem fl-​ippritkar tas-​Saltna?

3 Ix-​xogħol li tana Alla biex nipproklamaw is-​Saltna hu unur kbir għalina. Madankollu dan xi kultant ikun diffiċli. Filwaqt li xi nies jaċċettaw bil-​ħeġġa l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla, ħafna oħrajn huma bħan-​nies li kienu jgħixu fiż-​żmien Noè. Ġesù qal li huma “ma tawx kas sakemm ġie d-​dilluvju u kinishom ilkoll.” (Mt. 24:38, 39) Imbagħad hemm dawk li jwaqqgħuna għaċ-​ċajt jew jopponuna. (2 Pt. 3:3) L-​oppożizzjoni tistaʼ tiġi minn awtoritajiet governattivi jew reliġjużi, minn sħabna fl-​iskola jew fuq ix-​xogħol, u saħansitra minn membri tal-​familja. Barra minn dan, irridu nitqabdu wkoll mad-​dgħufijiet persunali, bħall-​mistħija jew il-​biżaʼ li niġu mwarrbin. Hemm ħafna fatturi li jistgħu jagħmluha diffiċli għalina biex ikollna “l-​libertà tal-​kelma” u biex nitkellmu l-​kelma t’Alla “bil-​qlubija.” (Ef. 6:19, 20) Neħtieġu l-​qlubija sabiex nipperseveraw f’li nxandru l-​kelma t’Alla. X’jistaʼ jgħinna biex niksbuha?

4. (a) X’inhi l-​qlubija? (b) L-​appostlu Pawlu kif għamel il-​qalb biex ikellem lit-​Tessalonikin?

4 Il-​kelma Griega tradotta “qlubija” tfisser “li titkellem bla tlaqliq, bis-​sinċerità, u b’mod ċar.” Din il-​kelma tagħti l-​idea li tkun kuraġġuż, kunfidenti, . . . u bla biżaʼ. Il-​qlubija ma tfissirx li tkun taʼ żaqqek f’fommok jew maledukat. (Kol. 4:6) Għalkemm irridu nkunu qalbenin irridu wkoll inżommu l-​paċi mal-​bnedmin kollha. (Rum. 12:18) Iktar minn hekk, waqt li nippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla, hemm bżonn li nżommu l-​bilanċ bejn li nkunu qalbenin u li nużaw it-​tattika sabiex ma noffendux lil xi ħadd bla intenzjoni li nagħmlu dan. Tabilħaqq, il-​qlubija tirrikjedi kwalitajiet li jeħtieġu ħafna sforz biex nikkultivawhom. Madankollu, biex niżviluppaw qlubija bħal din ma nistgħux niddependu biss fuq l-​abbiltajiet tagħna. Wara li l-​appostlu Pawlu u sħabu ġew “imżebilħin f’Filippi,” huma kif ‘għamlu l-​qalb’ biex ikellmu lil dawk f’Tessalonika? Pawlu kiteb: “Permezz t’Alla tagħna.” (Aqra 1 Tessalonikin 2:2.) Alla Ġeħova jistaʼ jneħħilna kull biżaʼ li jkollna u jagħtina qlubija bħal din.

5. Ġeħova kif għen lil Pietru, lil Ġwanni, u lid-​dixxipli l-​oħra juru l-​qlubija?

5 Meta ġew mheddin mill-​“ħakkiema [tal-​poplu] u x-​xjuħ u l-​iskribi,” l-​appostli Pietru u Ġwanni qalu: “Jekk hux sewwa f’għajnejn Alla li nisimgħu minnkom iktar milli minn Alla, iġġudikaw intom. Imma aħna ma nistgħux nieqfu nitkellmu dwar dak li rajna u smajna.” Minflok ma talbu lil Alla biex tieqaf il-​persekuzzjoni, huma u sħabhom fit-​twemmin talbu: “Ġeħova, agħti kas it-​theddid tagħhom, u agħmel li l-​ilsiera tiegħek jibqgħu jitkellmu l-​kelma tiegħek bil-​qlubija kollha.” (Atti 4:5, 19, 20, 29) Ġeħova kif wieġeb it-​talba tagħhom? (Aqra Atti 4:31.) Permezz tal-​ispirtu tiegħu Ġeħova għenhom jagħmlu l-​qalb. L-​ispirtu t’Alla jistaʼ jagħmel l-​istess għalina. Mela, kif nistgħu nirċievu l-​ispirtu t’Alla u nkunu gwidati minnu fil-​ministeru tagħna?

Ikseb il-​Qlubija

6, 7. Liema hu l-​iktar mod dirett kif nirċievu l-​ispirtu qaddis t’Alla? Agħti eżempji.

6 L-​iktar mod dirett kif nirċievu l-​ispirtu qaddis t’Alla hu permezz tat-​talb. Ġesù qal lis-​semmiegħa tiegħu: “Jekk intom, għalkemm ħżiena, tafu tagħtu għotjiet tajbin lil uliedkom, kemm iktar il-​Missier li hu fis-​sema jagħti l-​ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuh!” (Lq. 11:13) Tabilħaqq, għandna nitolbu bla heda għall-​ispirtu t’Alla. Jekk ibeżżgħuna ċerti aspetti tal-​ministeru bħalma huma l-​għoti taʼ xhieda fit-​toroq, ix-​xhieda informali, jew it-​territorju taʼ negozju, nistgħu nitolbu lil Ġeħova għall-​ispirtu tiegħu biex jagħtina l-​qlubija li għandna bżonn.—1 Tess. 5:17.

7 Hekk għamlet mara Kristjana jisimha Rosa. a Darba waħda, meta Rosa kienet fuq il-​post tax-​xogħol, għalliema li taħdem magħha kienet qed taqra rapport taʼ skola oħra dwar il-​maltrattament tat-​tfal. L-​għalliema tant inħasdet b’dak li qrat, li qalet: “X’waħda din, fiex waslet id-​dinja!” Rosa ma setgħetx tħalli din l-​opportunità għaddejja bla ma tagħti xhieda. X’għamlet biex tikseb il-​kuraġġ ħalli tibda konversazzjoni? Rosa tgħid: “Tlabt lil Ġeħova għall-​ispirtu tiegħu biex jgħinni.” Hi rnexxielha tagħti xhieda u tagħmel arranġament għal diskussjoni iktar fil-​fond dwar is-​suġġett. Ikkunsidra wkoll l-​esperjenza taʼ tifla taʼ ħames snin jisimha Milane, li tgħix fi New York City. Milane tgħid: “Qabel ma mmur l-​iskola, jien u ommi dejjem nitolbu lil Ġeħova.” Għal xiex jitolbu? Għall-​kuraġġ biex Milane titkellem b’wiċċha minn quddiem dwar l-​Alla tagħha! Ommha tgħid: “Dan għen lil Milane tispjega t-​twemmin tagħha għala ma tiċċelebrax għeluq sninha u l-​festi, u biex ma tiħux sehem fihom meta jiġu ċelebrati okkażjonijiet bħal dawn.” Eżempji simili juru kemm it-​talb jistaʼ jgħinna nkunu qalbenin.

8. X’nistgħu nitgħallmu mill-​profeta Ġeremija dwar kif inkunu qalbenin?

8 Irrifletti wkoll dwar x’għen lill-​profeta Ġeremija jsir qalbieni. Meta Ġeħova ħatru bħala profeta għall-​ġnus, Ġeremija wieġeb: “Jien ma nafx nitkellem, għax m’iniex ħlief naqra taʼ tifel.” (Ġer. 1:4-​6) Iżda, maż-​żmien Ġeremija tant sar persistenti u konvinċenti fl-​ippritkar tiegħu li ħafna qisuh bħala xi ħadd li kien jitkellem biss dwar gwaj. (Ġer. 38:4) Hu pproklama bil-​qlubija l-​ġudizzji taʼ Ġeħova għal iktar minn 65 sena. Tant kien magħruf f’Israel għall-​ippritkar tiegħu bla biżaʼ u bil-​kuraġġ, li madwar 600 sena wara, meta Ġesù tkellem bil-​qlubija, xi wħud ħasbu li kien Ġeremija li rxoxta. (Mt. 16:13, 14) Għalkemm il-​profeta Ġeremija għall-​bidu kien iżomm lura, kif għeleb il-​mistħija tiegħu? Hu jgħid: “F’qalbi [l-​kelma t’Alla] saret bħal nar jaqbad magħluq f’għadmi; u għejejt inżommha fija.” (Ġer. 20:9) Iva, il-​kelma taʼ Ġeħova kellha effett qawwi fuq Ġeremija u qanqlitu biex jitkellem.

9. Il-​kelma t’Alla għala tistaʼ teffettwana bl-​istess mod li effettwat lil Ġeremija?

9 Fl-​ittra tiegħu lill-​Ebrej, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Il-​kelma t’Alla hi ħajja u qawwija u taqtaʼ iktar minn sejf b’żewġt ixfar u tinfed tant li tifred ir-​ruħ u l-​ispirtu, u l-​ġogi u l-​mudullun tagħhom, u tistaʼ tagħraf il-​ħsibijiet u l-​intenzjonijiet tal-​qalb.” (Ebr. 4:12) Il-​messaġġ, jew il-​kelma, t’Alla jistaʼ jeffettwana bl-​istess mod li effettwa lil Ġeremija. Irridu niftakru li għalkemm intużaw xi bnedmin biex tinkiteb il-​Bibbja, din mhix xi ġabra taʼ kotba li fihom għerf uman, għax kienet ispirata minn Alla. Fit-​2 Pietru 1:21, naqraw: “Il-​profezija qatt ma ġiet bir-​rieda tal-​bniedem, imma xi bnedmin tkellmu minn Alla skond kif tmexxew mill-​ispirtu qaddis.” Meta nużaw il-​ħin biex nieħdu sehem fi studju persunali effettiv tal-​Bibbja, moħħna jimtela bil-​messaġġ ispirat mill-​ispirtu qaddis. (Aqra l-1 Korintin 2:10.) Dan il-​messaġġ jistaʼ jkun “bħal nar jaqbad” ġewwa fina, u ma nkunux nistgħu inżommuh għalina biss.

10, 11. (a) Jekk irridu nsiru qalbenin, kif għandhom ikunu d-​drawwiet tal-​istudju tagħna? (b) Semmi minn tal-​inqas pass wieħed li bi ħsiebek tieħu biex ittejjeb il-​kwalità tal-​istudju persunali tiegħek.

10 Sabiex l-​istudju persunali jkollu impatt qawwi fuqna, għandna nagħmluh b’tali mod li l-​messaġġ tal-​Bibbja jilħqilna qalbna u jeffettwa l-​persuna li aħna minn ġewwa. Pereżempju, il-​profeta Eżekjel ġie mogħti viżjoni fejn ġie mitlub jiekol romblu taʼ ktieb li kien fih messaġġ qawwi u li kellu jixxandar lil nies li ma ridux jisimgħu. Eżekjel kellu jifhem bis-​sħiħ il-​messaġġ u jagħmlu parti minnu. B’hekk, kien se jkun pjaċevoli għalih li jwassal dan il-​messaġġ—ħelu bħall-​għasel.—Aqra Eżekjel 2:8–3:4, 7-​9.

11 Aħna qegħdin f’sitwazzjoni simili għal dik taʼ Eżekjel. Illum, ħafna sempliċement ma jridux jisimgħu dak li għandha x’tgħid il-​Bibbja. Sabiex nipperseveraw u nibqgħu nxandru l-​kelma t’Alla, hu importanti li nistudjaw l-​Iskrittura b’tali mod li nifhmu u nemmnu bis-​sħiħ dak li tgħid. Għandna nkunu regulari fid-​drawwiet tal-​istudju tagħna, mhux daqqa iva u daqqa le. Ix-​xewqa tagħna għandha tkun bħal dik tas-​salmista li kanta: “Ha jkunu kliem fommi u l-​meditazzjoni taʼ qalbi pjaċevoli quddiemek, O Ġeħova, il-​Blata tiegħi u l-​Feddej tiegħi.”(Salm 19:14) Kemm hu importanti li nieħdu l-​ħin biex nimmeditaw fuq dak li naqraw sabiex il-​veritajiet tal-​Bibbja jinżlu fil-​fond taʼ qalbna! Żgur li għandna nistinkaw biex intejbu l-​kwalità tal-​istudju persunali tagħna. b

12. Il-​laqgħat Kristjani għala jgħinuna biex niġu gwidati mill-​ispirtu qaddis?

12 Mod ieħor kif nibbenefikaw mill-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova hu billi “nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-​imħabba u l-​għemejjel tajbin, u ma nabbandunawx il-​laqgħat tagħna flimkien.” (Ebr. 10:24, 25) Modi eċċellenti kif niġu gwidati mill-​ispirtu huma li nistinkaw biex nattendu l-​laqgħat Kristjani regolarment, nisimgħu b’attenzjoni, u napplikaw dak li nitgħallmu. Wara kollox, huwa permezz tal-​kongregazzjoni li l-​ispirtu taʼ Ġeħova jagħti d-​direzzjoni.—Aqra Rivelazzjoni 3:6.

Il-​Qlubija Ġġib Benefiċċji

13. X’nistgħu nitgħallmu minn dak li wettqu l-​Kristjani tal-​ewwel seklu fix-​xogħol tal-​ippritkar?

13 L-​ispirtu qaddis hu l-​iktar forza qawwija fl-​univers, u jistaʼ jagħti l-​qawwa lill-​bnedmin biex jagħmlu r-​rieda taʼ Ġeħova. Permezz tal-​ispirtu, il-​Kristjani tal-​ewwel seklu wettqu biċċa xogħol kbira ħafna taʼ ppritkar. Huma ppritkaw l-​aħbar tajba “fil-​ħolqien kollu li hu taħt is-​sema.” (Kol. 1:23) Meta nikkunsidraw li l-​biċċa l-​kbira minnhom kienu nies “komuni u taʼ ftit skola,” huwa ovvju li kienu motivati minn forza iktar b’saħħitha.—Atti 4:13.

14. X’jistaʼ jgħinna nkunu ‘mħeġġin bl-​ispirtu’?

14 Meta ngħixu ħajjitna b’tali mod li nħallu lill-​ispirtu qaddis jidderiġilna ħajjitna nkunu nistgħu wkoll niġu motivati biex inwettqu l-​ministeru tagħna bil-​kuraġġ. Il-​benefiċċji kollha li jiġu meta nitolbu kontinwament għall-​ispirtu, inħabirku biex nagħmlu studju persunali sinifikanti, nimmeditaw bit-​talb fuq dak li naqraw, u nattendu regolarment il-​laqgħat Kristjani jistgħu jgħinuna nkunu “mħeġġin bl-​ispirtu.” (Rum. 12:11) Kien hemm Lhudi li wasal Efesu u “li kien jismu Apollo, imwieled Lixandra. Dan ir-​raġel kien jinqalaʼ biex jitkellem.” Dwaru l-​Bibbja tgħid: “Billi kien imħeġġeġ bl-​ispirtu, beda jitkellem u jgħallem b’eżattezza dwar Ġesù.” (Atti 18:24, 25) Meta nkunu “mixgħulin fl-​ispirtu,” nistgħu nsiru iktar qalbenin fil-​ministeru tagħna minn dar għal dar u f’li nagħtu xhieda informali.—Rum. 12:11, Karm Żammit.

15. Kif se nibbenefikaw meta nitkellmu b’iktar qlubija?

15 Li nagħtu xhieda b’iktar qlubija għandu effett pożittiv fuqna. L-​attitudni tagħna titjieb għax nifhmu iktar l-​importanza tax-​xogħol tagħna. L-​entużjażmu tagħna jikber minħabba li nkunu iktar ferħanin meta nkunu effettivi fil-​ministeru. Barra minn hekk, iż-​żelu tagħna jissaħħaħ minħabba li nkunu iktar konxji dwar l-​urġenza tax-​xogħol tal-​ippritkar.

16. Xi rridu nagħmlu jekk naqsilna ż-​żelu għall-​ministeru?

16 Xi ngħidu jekk tlifna ż-​żelu għall-​ministeru jew jekk iż-​żelu tagħna m’għadux dak li kien? Mela, jeħtieġ nagħmlu eżami onest tagħna nfusna. Pawlu kiteb: “Ibqgħu għarblu jekk intomx fil-​fidi, ibqgħu agħtu prova taʼ x’intom.” (2 Kor. 13:5) Staqsi lilek innifsek: ‘Għadni mħeġġeġ bl-​ispirtu? Nitlob lil Ġeħova għall-​ispirtu tiegħu? It-​talb tiegħi juri li jien nistrieħ fuqu biex nagħmel ir-​rieda tiegħu? Fih kliem taʼ apprezzament għax-​xogħol tal-​ministeru fdat lilna? Kif inhuma d-​drawwiet tal-​istudju persunali tiegħi? Kemm inqattaʼ ħin nimmedita fuq dak li naqra u nismaʼ? Kemm jien involut fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni?ʼ Jekk tirrifletti fuq mistoqsijiet bħal dawn tistaʼ tiġi megħjun tara fejn int dgħajjef u tieħu passi biex titjieb.

Ħalli l-​Ispirtu t’Alla Jagħmlek Qalbieni

17, 18. (a) Fuq liema skala qed isir ix-​xogħol tal-​ippritkar illum? (b) Kif nistgħu nuru l-​“akbar libertà tal-​kelma” f’li niddikjaraw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla?

17 Ġesù rxoxtat qal lid-​dixxipli tiegħu: “Meta l-​ispirtu qaddis jiġi fuqkom tirċievu qawwa u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm u fil-​Lhudija kollha u fis-​Samarija u sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art.” (Atti 1:8) Ix-​xogħol li beda dakinhar, illum qed isir fuq skala li qatt ma kien hawn bħalha. Iktar minn sebaʼ miljun Xhud taʼ Ġeħova qed ixandru l-​messaġġ tas-​Saltna f’iktar minn 230 pajjiż, u qed iqattgħu kważi 1.5 biljun siegħa fis-​sena fil-​ministeru. Kemm hu eċċitanti li jkollna sehem żeluż f’dan ix-​xogħol li qatt mhu se jerġaʼ jsir!

18 Illum, bħal fl-​ewwel seklu, ix-​xogħol tal-​ippritkar madwar id-​dinja qed isir taħt id-​direzzjoni tal-​ispirtu t’Alla. Jekk nobdu d-​direzzjoni tal-​ispirtu se nuru l-​“akbar libertà tal-​kelma” fil-​ministeru tagħna. (Atti 28:31) Mela ejja nħallu l-​ispirtu t’Alla jiggwidana hekk kif niddikjaraw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla!

[Noti taʼ taħt]

a L-​ismijiet ġew mibdulin.

b Sabiex tibbenefika iktar mill-​qari tal-​Bibbja u l-​istudju persunali tiegħek, ara l-​kapitli “Apply Yourself to Reading” (Agħmel Ħiltek fil-​Qari) u “Study Is Rewarding” (L-​Istudju Huwa Premjanti) mill-​ktieb Benefit From Theocratic Ministry School Education, (Ibbenefika mill-​Edukazzjoni tal-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku) f’paġni 21-​32.

X’Tgħallimt?

• Għala għandna bżonn inkunu qalbenin biex inxandru l-​kelma t’Alla?

• X’għen lid-​dixxipli tal-​bidu jitkellmu bil-​qlubija?

• Kif nistgħu nsiru qalbenin?

• Kif se nibbenefikaw meta nsiru qalbenin?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 7]

Il-​ġenituri kif jistgħu jgħinu lil uliedhom jsiru qalbenin?

[Stampi f’paġna 8]

Talba qasira tistaʼ tgħinek tagħmel il-​qalb fil-​ministeru