Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“In-Nies Sewwa Jiddu bħax-Xemx”

“In-Nies Sewwa Jiddu bħax-Xemx”

“In-​Nies Sewwa Jiddu bħax-​Xemx”

“F’dak iż-​żmien in-​nies sewwa jiddu bħax-​xemx fis-​saltna taʼ Missierhom.”—MT. 13:43.

1. Ġesù uża t-​tixbihat biex jispjega liema aspetti differenti tas-​Saltna?

 ĠESÙ KRISTU uża ħafna tixbihat, jew parabboli, biex jispjega aspetti differenti tas-​Saltna. Hu kellem “lill-​folol bit-​tixbihat. Tabilħaqq, ma kienx ikellimhom mingħajr xi tixbiha.” (Mt. 13:34) F’xi tixbihat dwar iż-​żrigħ taż-​żerriegħa tal-​verità tas-​Saltna, Ġesù enfasizza l-​irwol tal-​kundizzjoni tal-​qalb taʼ individwu biex jaċċetta l-​messaġġ, kif ukoll l-​irwol li għandu Ġeħova biex ikun hemm tkabbir spiritwali. (Mk. 4:3-​9, 26-​29) Ġesù ta tixbiha wkoll dwar it-​tkabbir li ma bħalu tal-​interessi tas-​Saltna hawn fuq l-​art anki jekk dan it-​tkabbir mhux dejjem ikun jidher mill-​ewwel. (Mt. 13:31-​33) Barra minn dan, hu enfasizza li mhux kull min iwieġeb għall-​messaġġ tas-​Saltna huwa neċessarjament sudditu xieraq taʼ din is-​Saltna.—Mt. 13:47-​50. a

2. Fit-​tixbiha taʼ Ġesù dwar il-​qamħ u s-​sikrana, iż-​żerriegħa t-​tajba x’tirrappreżenta?

2 Madankollu, waħda mit-​tixbihat taʼ Ġesù tiffoka fuq il-​ġbir taʼ dawk li se jaħkmu maʼ Ġesù fis-​Saltna tiegħu. Din spiss tissejjaħ it-​tixbiha tal-​qamħ u s-​sikrana u hija mniżżla f’Mattew kapitlu 13. Filwaqt li f’tixbiha oħra Ġesù jgħidilna li ż-​żerriegħa li tinżeraʼ hija “l-​kelma tas-​saltna,” f’din it-​tixbiha jgħidilna li ż-​żerriegħa t-​tajba tirrappreżenta xi ħaġa differenti—“ulied is-​saltna.” (Mt. 13:19, 38) Dawn mhumiex sudditi tas-​Saltna imma, minflok, “ulied,” jew werrieta, tas-​Saltna.—Rum. 8:14-​17; aqra Galatin 4:6, 7.

It-​Tixbiha tal-​Qamħ u s-​Sikrana

3. Spjega l-​problema li jiffaċċja r-​raġel fit-​tixbiha u kif jiddeċiedi li jittratta din il-​problema.

3 Din hi t-​tixbiha: “Is-​saltna tas-​smewwiet tixbah lil raġel li żeraʼ żerriegħa tajba fl-​għalqa tiegħu. Waqt li n-​nies kienu reqdin, ġie l-​għadu tiegħu u żeraʼ s-​sikrana qalb il-​qamħ, u telaq. Meta l-​qamħ nibet u ħareġ is-​sbul, imbagħad tfaċċat ukoll is-​sikrana. Għalhekk, l-​ilsiera tas-​sid ġew u qalulu, ‘Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-​għalqa tiegħek? Allura kif fiha s-​sikrana?’ Qalilhom, ‘Xi ħadd għadu tiegħi għamel dan.’ Qalulu, ‘Tridna mmorru niġbruha?’ Hu qal, ‘Le; li ma tmorrux, waqt li qegħdin tiġbru s-​sikrana, taqilgħu l-​qamħ ukoll. Ħalluhom jikbru t-​tnejn flimkien sal-​ħsad; u fi żmien il-​ħsad ngħid lill-​ħassada, Iġbru l-​ewwel is-​sikrana u orbtuha f’qatet biex taħarquha, imbagħad morru iġbru l-​qamħ fil-​maħżen tiegħi.’”—Mt. 13:24-​30.

4. (a) Min hu r-​raġel fit-​tixbiha? (b) Ġesù meta u kif beda jieħu sehem fiż-​żrigħ taʼ din iż-​żerriegħa?

4 Min hu r-​raġel li żeraʼ ż-​żerriegħa t-​tajba fl-​għalqa tiegħu? Ġesù jagħti t-​tweġiba iktar tard meta jispjega lid-​dixxipli tiegħu: “Dak li żeraʼ ż-​żerriegħa t-​tajba hu Bin il-​bniedem.” (Mt. 13:37) Ġesù, “Bin il-​bniedem,” ipprepara l-​għalqa għaż-​żrigħ matul it-​tliet snin u nofs tal-​ministeru tiegħu fuq l-​art. (Mt. 8:20; 25:31; 26:64) Imbagħad, minn Pentekoste tas-​sena 33 E.K. ’l quddiem, beda jiżraʼ ż-​żerriegħa t-​tajba—“ulied is-​saltna.” Dan iż-​żrigħ milli jidher seħħ meta Ġesù, bħala r-​rappreżentant taʼ Ġeħova, beda jsawwab l-​ispirtu qaddis fuq id-​dixxipli, u b’hekk dilikhom bħala wlied Alla. b (Atti 2:33) Iż-​żerriegħa t-​tajba kibret u saret qamħ lest għall-​ħsad. Allura, l-​objettiv fiż-​żrigħ taż-​żerriegħa t-​tajba kien biex eventwalment jinġabar in-​numru sħiħ taʼ dawk li kellhom isiru werrieta u ħakkiema bi sħab maʼ Ġesù fis-​Saltna tiegħu.

5. Min hu l-​għadu fit-​tixbiha, u s-​sikrana lil min tirrappreżenta?

5 Min hu l-​għadu, u s-​sikrana lil min tirrappreżenta? Ġesù jgħidilna li l-​għadu “hu x-​Xitan.” Is-​sikrana hija deskritta bħala “wlied il-​Ħażin.” (Mt. 13:25, 38, 39) Din il-​ħaxixa velenuża tixbah ħafna l-​qamħ meta tibda tielgħa, qabel ma tkun lesta għall-​ħsad. Xi stampa xierqa taʼ dawk li taparsi huma Kristjani, dawk li jsostnu li huma wlied is-​Saltna imma li ma jagħmlux frott ġenwin! Dawn il-​Kristjani ipokriti li jsostnu li huma segwaċi taʼ Kristu, fir-​realtà huma parti min-​‘nisel’ taʼ Satana x-​Xitan.—Ġen. 3:15.

6. Is-​sikrana meta bdiet tidher, u n-​nies f’liema sens kienu “reqdin” dak iż-​żmien?

6 Dawn il-​Kristjani bħas-​sikrana meta dehru? “Waqt li n-​nies kienu reqdin,” jgħid Ġesù. (Mt. 13:25) Dan meta kien? Insibu t-​tweġiba fil-​kliem tal-​appostlu Pawlu lill-​anzjani f’Efesu: “Jien naf li wara t-​tluq tiegħi jidħlu fostkom ilpup ħorox li ma jittrattawx lill-​merħla b’tenerezza, u minn fostkom stess iqumu rġiel li jitkellmu affarijiet mgħawġin biex jiġbdu lid-​dixxipli għal warajhom.” (Atti 20:29, 30) Hu kompla biex iwissi lil dawk l-​anzjani ħalli jibqgħu mqajmin spiritwalment. Wara li l-​appostli, li ‘żammew lura’ l-​apostasija, bdew jorqdu fil-​mewt, ħafna Kristjani raqdu spiritwalment. (Aqra t-2 Tessalonikin 2:3, 6-​8.) Dak iż-​żmien bdiet l-​apostasija l-​kbira.

7. Sar sikrana ftit mill-​qamħ? Spjega.

7 Ġesù ma qalx li l-​qamħ kellu jsir sikrana, imma li s-​sikrana nżergħet qalb il-​qamħ. Għalhekk, din it-​tixbiha ma tagħtix stampa taʼ Kristjani ġenwini li jitilqu mill-​verità. Minflok, tipponta lejn sforz apposta min-​naħa taʼ Satana biex jikkorrompi lill-​kongregazzjoni Kristjana billi jdaħħal nies mill-​agħar fiha. Sakemm xjaħ Ġwanni, l-​aħħar appostlu, din l-​apostasija kienet tidher b’mod ċar.—2 Pt. 2:1-​3; 1 Ġw. 2:18.

“Ħalluhom Jikbru t-​Tnejn Flimkien sal-​Ħsad”

8, 9. (a) L-​istruzzjonijiet li s-​Sid ta lill-​ilsiera tiegħu għala kienu jagħmlu sens għas-​semmiegħa taʼ Ġesù? (b) Fit-​twettiq, il-​qamħ u s-​sikrana kif kibru flimkien?

8 L-​ilsiera tas-​Sid jgħidulu bil-​problema u jistaqsuh: ‘Tridna mmorru niġbru s-​sikrana?’ (Mt. 13:27, 28) It-​tweġiba tiegħu forsi tissorprendik. Hu jgħidilhom biex iħallu l-​qamħ u s-​sikrana jikbru flimkien sa żmien il-​ħsad. Dan il-​kmand kien jagħmel sens għad-​dixxipli taʼ Ġesù. Kienu jifhmu kemm hu diffiċli li tagħraf il-​qamħ mis-​sikrana. Dawk li għandhom xi esperjenza fl-​agrikultura jifhmu wkoll li l-​għeruq tas-​sikrana s-​soltu jitgħaqqdu mal-​għeruq tal-​qamħ. c Mhux taʼ b’xejn li s-​Sid jgħidilhom biex jistennew!

9 B’mod simili, matul is-​sekli, id-​diversi setet tal-​Kristjaneżmu għamlu ħasda kbira ħafna taʼ sikrana—l-​ewwel fost il-​knejjes Kattoliċi Rumani u Ortodossi u iktar tard fost il-​ħafna gruppi Protestanti li żviluppaw. Fl-​istess żmien, ftit żrieragħ mill-​qamħ ġenwin inżergħu madwar id-​dinja. Is-​sid fit-​tixbiha stenna bil-​paċenzja matul iż-​żmien imtawwal taʼ tkabbir sa ma wasal iż-​żmien tal-​ħsad li kien relattivament iqsar.

Żmien il-​Ħsad li Ilu Tant Mistenni

10, 11. (a) Meta hu żmien il-​ħsad? (b) Il-​qamħ simboliku kif qed jiddaħħal fil-​maħżen taʼ Ġeħova?

10 Ġesù jgħidilna: “Il-​ħsad hu l-​konklużjoni taʼ sistema, u l-​ħassada huma l-​anġli.” (Mt. 13:39) Matul l-​aħħar jiem taʼ din is-​sistema mill-​agħar isseħħ separazzjoni—ulied is-​Saltna se jinġabru u jiġu mifrudin minn dawk li huma bħas-​sikrana. Rigward dan, l-​appostlu Pietru jgħidilna: “Hu ż-​żmien stabbilit biex il-​ġudizzju jibda mid-​dar t’Alla. Issa jekk l-​ewwel jibda bina, x’se jkun it-​tmiem għal dawk li ma jobdux l-​aħbar tajba t’Alla?”—1 Pt. 4:17.

11 Ftit wara li bdew l-​aħħar jiem, jew “il-​konklużjoni taʼ sistema,” il-​ġudizzju beda għal dawk li sostnew li huma Kristjani ġenwini—kemm jekk kienu verament “ulied is-​saltna” kif ukoll jekk kienu “wlied il-​Ħażin.” “L-​ewwel” waqgħet Babilonja l-​Kbira, u “mbagħad” ulied is-​Saltna nġabru flimkien fil-​bidu tal-​ħsad. (Mt. 13:30) Imma l-​qamħ simboliku, issa kif qed jiddaħħal fil-​maħżen taʼ Ġeħova? Dawn l-​uħud li nġabru fil-​ħsad iddaħħlu fil-​kongregazzjoni Kristjana li ġiet stabbilita mill-​ġdid, fejn għandhom l-​approvazzjoni u l-​protezzjoni t’Alla, jew inkella rċivew il-​premju tagħhom fis-​sema.

12. Il-​ħsad kemm idum għaddej?

12 Il-​ġudizzju kemm idum għaddej? Ġesù rrefera għall-​ħsad bħala “żmien,” u allura jkompli għal perijodu taʼ żmien. (Riv. 14:15, 16) Il-​ġudizzju tal-​membri individwali tal-​midlukin ikompli matul żmien it-​tmiem. Se jibqaʼ għaddej sakemm jingħataw l-​aħħar siġill.—Riv. 7:1-​4.

13. Is-​sikrana b’liema mod toħloq tfixkil, u kif qed tikser il-​liġi?

13 Min huma dawk li se jinġabru mis-​Saltna, u kif joħolqu tfixkil u jiksru l-​liġi? (Mt. 13:41) Il-​kleru tal-​Kristjaneżmu li hu bħas-​sikrana żvija lil miljuni taʼ nies għal sekli sħaħ. Għamel dan permezz taʼ tagħlim li jiddiżonora lil Alla, “dak kollu li joħloq tfixkil,” bħad-​duttrina tal-​kastig etern fin-​nar tal-​infern u t-​Trinità li hi misterjuża u tħawwad lin-​nies. Ħafna mexxejja reliġjużi ħallew eżempju ħażin għall-​imrieħel tagħhom bil-​ħbiberija adulteruża tagħhom ma’ din id-​dinja u f’xi każi bil-​kondotta immorali u skandaluża tagħhom. (Ġk. 4:4) Barra minn dan, il-​Kristjaneżmu sar iktar u iktar tolleranti għall-​immoralità fost il-​membri tiegħu. (Aqra Ġuda 4.) Minkejja dan kollu, ikomplu jagħtu l-​impressjoni li huma qaddisin u devoti. Kemm huma henjin ulied is-​Saltna li huma mifrudin minn dawn l-​influwenzi bħas-​sikrana u mit-​tagħlim korrott li joħloq tfixkil!

14. Dawk li huma bħas-​sikrana kif jibku u jgħażżu snienhom?

14 Dawk li huma bħas-​sikrana kif jibku u jgħażżu snienhom? (Mt. 13:42) “Ulied il-​Ħażin” huma turmentati mill-​fatt li “wlied is-​saltna” kixfu l-​kundizzjoni velenuża spiritwalment taʼ dawn l-​uħud bħas-​sikrana. Jibku wkoll minħabba li l-​appoġġ mill-​membri tal-​knisja tagħhom dejjem qed jonqos, kif ukoll minħabba li tilfu l-​kontroll fuq il-​lajċi.—Aqra Isaija 65:13, 14.

15. L-​uħud bħas-​sikrana f’liema sens jinħarqu bin-​nar?

15 Is-​sikrana f’liema sens tinġabar u tinħaraq bin-​nar? (Mt. 13:40) Dan jirreferi għar-​riżultat aħħari għas-​sikrana. Il-​fatt li tiġi mixħuta b’mod simboliku f’forn tan-​nar jindika li hi miexja lejn qerda eterna. (Riv. 20:14; 21:8) It-​taparsi Kristjani li huma bħas-​sikrana, l-​impusturi, se jiġu meqrudin għalkollox fit-​“tribulazzjoni kbira.”—Mt. 24:21.

Huma “Jiddu bħax-​Xemx”

16, 17. Malakija xi pprofetizza rigward it-​tempju t’Alla, u dan kif beda jitwettaq?

16 L-​uħud bħall-​qamħ meta “jiddu bħax-​xemx”? (Mt. 13:43) Rigward it-​tindif tat-​tempju t’Alla, Malakija pprofetizza: “‘F’daqqa waħda jiġi fit-​tempju Tiegħu l-​Mulej il-​veru, li lilu qegħdin tfittxu, u jiġi l-​messaġġier tal-​patt li bih titgħaxxqu. Ara! Jiġi żgur,’ qal Ġeħova taʼ l-​armati. ‘Imma min se jissaporti jum il-​miġja tiegħu, u min se jiflaħ jieqaf meta jidher hu? Għax se jkun bħan-​nar tar-​raffinatur u bħas-​sapun tal-​ħasselin. U jrid joqgħod bil-​qiegħda bħala raffinatur u wieħed li jnaddaf il-​fidda u jnaddaf lil ulied Levi; u jrid isaffihom bħad-​deheb u bħall-​fidda, u jsiru għal Ġeħova nies li qed jippreżentaw offerta bħala għotja bis-​sewwa.’”—Mal. 3:1-​3.

17 Fi żminijiet moderni, din il-​profezija milli jidher bdiet titwettaq fl-​1918 meta Ġeħova, flimkien mal-​“messaġġier tal-​patt,” Ġesù Kristu, spezzjona t-​tempju spiritwali. Malakija jgħidilna x’jiġri meta jitlesta dan it-​tindif: “Intom terġgħu taraw id-​distinzjoni bejn bniedem sewwa u wieħed mill-​agħar, bejn wieħed li jaqdi lil Alla u wieħed li ma qdiehx.” (Mal. 3:18) Iż-​żjieda f’daqqa fl-​attività min-​naħa tal-​Kristjani veri li kienu msaħħin mill-​ġdid tipponta lejn dan il-​perijodu bħala l-​bidu taʼ żmien il-​ħsad.

18. Danjel xi pprofetizza li se jiġri fi żmienna?

18 Il-​profeta Danjel tkellem dwar żmienna meta bassar: “Dawk li għandhom id-​dehen jiddu bħad-​dija tal-​firxa tas-​sema; u dawk li qed iwasslu lill-​ħafna lejn is-​sewwa, bħall-​kwiekeb għal żmien indefinit, iva, għal dejjem.” (Dan. 12:3) Min huma dawn l-​uħud li jiddu daqstant? Ħadd ħlief il-​Kristjani midlukin, il-​qamħ ġenwin li Ġesù rrefera għalih fit-​tixbiha tiegħu tal-​qamħ u s-​sikrana. Il-​‘ġbir’ tat-​taparsi Kristjani li huma bħas-​sikrana ġie rikonoxxut b’mod ċar minn folla kbira taʼ wħud bħal nagħaġ li dejjem qed tiżdied. Minħabba li ngħaqdu mal-​fdal taʼ Israel spiritwali, dawn is-​sudditi prospettivi tas-​Saltna bl-​istess mod iħallu d-​dawl tagħhom jiddi f’din id-​dinja mudlama.—Żak. 8:23; Mt. 5:14-​16; Flp. 2:15.

19, 20. “Ulied is-​saltna” x’jistennew bil-​ħerqa, u x’se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss?

19 Illum, “ulied is-​saltna” jistennew bil-​ħerqa l-​premju glorjuż tagħhom biex imorru fis-​sema. (Rum. 8:18, 19; 1 Kor. 15:53; Flp. 1:21-​24) Però, sa dak iż-​żmien iridu jibqgħu leali, billi jkomplu jiddu u jispikkaw bħala li huma differenti minn “ulied il-​Ħażin.” (Mt. 13:38; Riv. 2:10) Kemm għandna għaliex nifirħu li għandna l-​privileġġ li naraw ir-​riżultati taʼ dan il-​‘ġbir’ simboliku tas-​sikrana fi żmienna!

20 Imma x’inhi r-​relazzjoni bejn dawn l-​ulied tas-​Saltna u l-​folla l-​kbira li dejjem tikber taʼ dawk li jittamaw li jgħixu għal dejjem fuq l-​art bħala sudditi tas-​Saltna? L-​artiklu li jmiss se jwieġeb din il-​mistoqsija.

[Noti taʼ taħt]

a Għal diskussjoni dettaljata dwar dawn it-​tixbihat, ara t-​Torri taʼ l-​Għassa tal-​15 taʼ Lulju, 2008, paġni 12-​21.

b F’din il-​parabbola, iż-​żrigħ ma jirrappreżentax ix-​xogħol tal-​ippritkar u taʼ li nagħmlu dixxipli, li kien se jiġbor lil uħud ġodda li kellhom isiru Kristjani midlukin. Rigward iż-​żerriegħa t-​tajba li tinżeraʼ fl-​għalqa, Ġesù qal: “Iż-​żerriegħa t-​tajba hi [mhux “se ssir”] ulied is-​saltna.” Iż-​żrigħ jirreferi għad-​dlik taʼ dawn l-​ulied tas-​Saltna madwar id-​dinja.

c L-​għeruq tas-​sikrana tant jitgħaqqdu mal-​għeruq tal-​qamħ li jekk dak li jkun jaqlagħhom qabel il-​ħsad jispiċċa jitlef ħafna qamħ.—Ara Insight on the Scriptures, Volume 1, paġna 1178.

X’Tiftakar?

Fit-​tixbiha taʼ Ġesù dwar il-​qamħ u s-​sikrana, xi jfissru dawn li ġejjin?

• Iż-​żerriegħa t-​tajba

• Ir-​raġel li żeraʼ ż-​żerriegħa

• Iż-​żrigħ taż-​żerriegħa

• L-​għadu

• Is-​sikrana

• Żmien il-​ħsad

• Il-​maħżen

• Il-​biki u t-​tgħażżiż tas-​snien

• Il-​forn tan-​nar

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 20]

Pentekoste tas-​sena 33 E.K. mmarka l-​bidu taż-​żrigħ taż-​żerriegħa t-​tajba

[Stampa f’paġna 23]

Il-​qamħ simboliku issa qed jiddaħħal fil-​maħżen taʼ Ġeħova

[Sors]

Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.