Irġiel, Intom Tissottomettu Ruħkom Lejn Kristu Bħala l-Kap?
Irġiel, Intom Tissottomettu Ruħkom Lejn Kristu Bħala l-Kap?
“Il-kap taʼ kull raġel hu l-Kristu.”—1 KOR. 11:3.
1. Xʼjuri li Ġeħova hu Alla taʼ ordni?
“INT jistħoqqlok, Ġeħova, Alla tagħna, li tirċievi l-glorja u l-unur u l-qawwa, għax int ħlaqt l-affarijiet kollha, u bir-rieda tiegħek eżistew u nħolqu,” jgħid Rivelazzjoni 4:11. Minħabba li ħalaq kollox, Alla Ġeħova hu s-Sovran Suprem tal-univers u għandu awtorità fuq il-ħolqien kollu tiegħu. Li Ġeħova “m’huwiex Alla tad-diżordni, imma tal-paċi,” jistaʼ jidher ċar mill-mod kif il-familja anġelika tiegħu hi organizzata.—1 Kor. 14:33; Is. 6:1-3; Ebr. 12:22, 23.
2, 3. (a) Min kien l-ewwel fost il-ħolqien taʼ Ġeħova? (b) X’pożizzjoni relattiva għandu l-ewwel Iben imwieled mal-Missier?
2 Qabel ma beda joħloq kollox, Alla kien jeżisti waħdu għal żmien indefinit. L-ewwel ħolqien tiegħu kien il-ħliqa spirtu magħruf bħala “l-Kelma” minħabba li kien il-Kelliemi taʼ Ġeħova. Il-Kelma hu l-wieħed li permezz tiegħu bdiet teżisti kull ħaġa oħra. Iktar tard, hu ġie fuq l-art bħala bniedem perfett u sar magħruf bħala Ġesù Kristu.—Aqra Ġwanni 1:1-3, 14.
3 L-Iskrittura xi tgħid dwar il-pożizzjonijiet relattivi li għandhom Alla u l-ewwel Iben imwieled tiegħu? L-appostlu Pawlu ġie mnebbaħ biex jikteb: “Irridkom tkunu tafu li l-kap taʼ kull raġel hu l-Kristu; u l-kap tal-mara hu r-raġel; u l-kap tal-Kristu hu Alla.” (1 Kor. 11:3) Il-Kristu għandu lil Missieru bħala l-kap tiegħu. Sabiex ikun hemm il-paċi u l-ordni fost il-ħlejjaq intelliġenti, huwa essenzjali li jkun hemm stat taʼ kap u sottomissjoni. Anki l-wieħed li ‘permezz tiegħu nħolqu l-affarijiet l-oħrajn kollha’ hu mistenni li jissottometti ruħu lejn Alla bħala l-kap tiegħu.—Kol. 1:16.
4, 5. Ġesù kif ħassu dwar il-pożizzjoni relattiva tiegħu ma’ Ġeħova?
4 Ġesù kif ħassu dwar li jissottometti ruħu lejn Ġeħova bħala l-kap tiegħu u dwar li kellu jiġi fuq l-art? L-Iskrittura tgħid: “Kristu Ġesù, li, għalkemm kien jeżisti fis-sura t’Alla, ma qagħadx jaħseb li għandu jaħtaf, jiġifieri, li għandu jkun ugwali m’Alla. Le, iżda xejjen lilu nnifsu u ħa s-sura taʼ lsir u sar jixbah lill-bnedmin. Iktar minn hekk, meta sab ruħu f’għamla taʼ bniedem, umilja ruħu u sar ubbidjenti sal-mewt, iva, sal-mewt fuq zokk tat-tortura.”—Flp. 2:5-8.
5 Ġesù dejjem kien sottomess b’umiltà lejn ir-rieda taʼ Missieru. Hu qal: “Ma nistaʼ nagħmel xejn minn rajja; . . . il-ġudizzju li nagħti hu ġust, għax ma nfittixx ir-rieda tiegħi imma r-rieda taʼ dak li bagħatni.” (Ġw. 5:30) Hu ddikjara: “Dejjem nagħmel dak li jogħġob [lil Missieri].” (Ġw. 8:29) Lejn l-aħħar taʼ ħajtu fuq l-art, f’talba lil Missieru, Ġesù qal: “Jien igglorifikajtek fuq l-art, billi temmejt ix-xogħol li tajtni nagħmel.” (Ġw. 17:4) B’mod ċar, ma kinitx problema għal Ġesù li jirrikonoxxi u jaċċetta lil Alla bħala l-kap tiegħu.
Is-Sottomissjoni Lejn il-Missier Iġġib Benefiċċji lill-Iben
6. Liema kwalitajiet tal-għaġeb wera Ġesù?
6 Meta kien fuq l-art, Ġesù wera ħafna kwalitajiet tal-għaġeb. Fosthom kien hemm l-imħabba kbira li wera lejn Missieru. Hu qal: “Jien inħobb lill-Missier.” (Ġw. 14:31) Hu wera wkoll imħabba kbira lejn in-nies. (Aqra Mattew 22:35-40.) Ġesù kien juri qalb tajba u konsiderazzjoni, u ma kienx aħrax jew imkabbar. Hu qal: “Ejjew għandi, intom ilkoll li mħabbtin u mgħobbijin, u jien inserraħkom. Ħudu l-madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien ġwejjed u umli f’qalbi, u intom issibu serħan għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-tagħbija tiegħi ħafifa.” (Mt. 11:28-30) Nies taʼ kull età li kellhom kwalitajiet bħal taʼ nagħaġ, speċjalment dawk li kienu mtaqqlin u mgħakksin, tassew sabu faraġ fil-personalità pjaċevoli u l-messaġġ edifikanti taʼ Ġesù.
7, 8. Skont il-Liġi, il-mara bit-tnixxija taʼdemm kif kienet limitata, iżda Ġesù kif ittrattaha?
7 Ikkunsidra l-mod kif Ġesù kien jittratta lin-nisa. Matul l-istorja, bosta rġiel ittrattawhom ħażin ħafna lin-nisa. Dan kien minnu fil-każ tal-mexxejja reliġjużi taʼ Israel tal-qedem. Imma Ġesù ttratta lin-nisa bir-rispett. Dan jidher ċar mill-mod kif ittratta lil waħda mara li kienet ilha 12-il sena tbati minn tnixxija taʼ demm. Hi “kienet batiet ferm” taħt it-tobba u nefqet kulma kellha sabiex tipprova tfiq. Minkejja dak kollu li għamlet, hi “marret għall-agħar.” Skont il-Liġi, hi kienet meqjusa bħala mhix nadifa u anki kull min kien imissha kien isir mhux nadif.—Lev. 15:19, 25.
8 Meta din il-mara semgħet li Ġesù kien qed ifejjaq lill-morda, hi ngħaqdet mal-folla li kienet imdawra miegħu, u qalet: “Jekk imqar immisslu ħwejġu nfiq.” Hi messet lil Ġesù u mill-ewwel fieqet. Ġesù kien jaf li ma kellhiex tmisslu ħwejġu. Iżda ma ċanfarhiex. Anzi, hu wera qalb tajba magħha. Fehem kif setgħet tħossha wara dawk is-snin kollha marida u ntebaħ li kienet iddisprata għall-għajnuna. B’mogħdrija, Ġesù qalilha: “Binti, il-fidi tiegħek fejqitek. Mur fil-paċi, u kun imfejqa.”—Mk. 5:25-34.
9. Meta d-dixxipli taʼ Ġesù pprovaw iwaqqfu lit-tfal milli jmorru għandu, Ġesù kif irreaġixxa?
9 Anki t-tfal setgħu jħossuhom komdi fil-preżenza taʼ Ġesù. Darba minnhom, meta n-nies ġabulu t-tfal, id-dixxipli tiegħu ċanfru lin-nies għax mid-dehra ħassew li ma kienx se joqgħod jinħela mat tfal. Imma Ġesù ma ħassux hekk. Ir-rakkont fl-Iskrittura jgħid: “Malli ra dan, Ġesù ma ħax pjaċir u qalilhom [lid-dixxipli]: ‘Ħallu t-tfal żgħar jiġu għandi; tipprovawx twaqqfuhom, għax is-saltna t’Alla hi taʼ min hu bħalhom.’” Iktar minn hekk, hu “ħaddan it-tfal miegħu u beda jberikhom waqt li jpoġġi idejh fuqhom.” Ġesù mhux biss ittollera lit-tfal; hu laqagħhom b’idejh miftuħin.—Mk. 10:13-16.
10. Ġesù kif kiseb il-kwalitajiet li wera?
10 Ġesù kif kiseb il-kwalitajiet li wera meta kien fuq l-art? Fil-ħajja tiegħu qabel ma sar bniedem, hu osserva lil Missieru tas-sema għal żmien twil ħafna u tgħallem il-mogħdijiet Tiegħu. (Aqra Proverbji 8:22, 23, 30.) Fis-sema hu kien ra l-mod kollu mħabba li bih Ġeħova kien jeżerċita l-istat taʼ kap fuq il-ħolqien kollu Tiegħu, u Ġesù adotta dan il-mod hu stess. Kieku Ġesù ma kienx sottomess, kien ikun kapaċi jagħmel dan? Kienet l-għaxqa tiegħu li jkun sottomess lejn Missieru, u kienet l-għaxqa taʼ Ġeħova li jkollu Iben sottomess bħal dan. Meta kien fuq l-art, Ġesù rrifletta b’mod perfett il-kwalitajiet meraviljużi taʼ Missieru tas-sema. Xi privileġġ għandna li nkunu sottomessi lejn Kristu, il-Ħakkiem tas-Saltna tas-sema maħtur minn Alla!
Imitaw il-Kwalitajiet taʼ Kristu
11. (a) Lil min għandna naħdmu iebes biex nimitaw? (b) Speċjalment l-irġiel fil-kongregazzjoni, għala għandhom jistinkaw biex jimitaw lil Ġesù?
11 Kulħadd fil-kongregazzjoni Kristjana, speċjalment l-irġiel, għandu jaħdem iebes kontinwament sabiex jimita l-kwalitajiet taʼ Kristu. Kif diġà rajna, il-Bibbja tistqarr: “Il-kap taʼ kull raġel hu l-Kristu.” Bħalma Kristu imita lill-Kap tiegħu, l-Alla l-veru, l-irġiel Kristjani għandhom jistinkaw biex jimitaw lill-kap tagħhom—il-Kristu. Malli sar Kristjan, l-appostlu Pawlu għamel proprju hekk. Hu ħeġġeġ lill-Kristjani sħabu: “Imitaw lili, bħalma jien nimita lil Kristu.” (1 Kor. 11:1) U l-appostlu Pietru qal: “Għal dan il-mod taʼ ħajja kontu msejħin, għax saħansitra Kristu sofra għalikom, u ħallielkom mudell biex timxu mill-qrib wara l-passi tiegħu.” (1 Pt. 2:21) Jerġaʼ hemm raġuni oħra għala t-twissija biex nimitaw lill-Kristu hija taʼ interess partikulari għall-irġiel. Dawn huma l-uħud li jsiru anzjani u qaddejja ministerjali. Sewwasew bħalma Ġesù sab il-ferħ f’li jimita lil Ġeħova, hekk ukoll l-irġiel Kristjani għandhom isibu l-ferħ f’li jimitaw lil Kristu u l-kwalitajiet tiegħu.
12, 13. L-anzjani kif għandhom jittrattaw lin-nagħaġ fdati fil-ħarsien tagħhom?
12 L-anzjani fil-kongregazzjoni Kristjana għandhom l-obbligu li jitgħallmu jkunu bħal Kristu. Lill-irġiel ixjeħ, jew l-anzjani, Pietru tahom din it-twissija: “Irgħu l-merħla t’Alla li hemm fil-ħarsien tagħkom, mhux bilfors, imma minn jeddkom; mhux għall-imħabba tal-qligħ diżonest, imma bil-ħerqa; u mhux billi tiddominaw fuq dawk li huma l-wirt t’Alla, imma billi ssiru eżempji għall-merħla.” (1 Pt. 5:1-3) L-anzjani Kristjani m’għandhomx ikunu dittatorjali, dominanti, ħorox, jew jagħmlu regoli bla bżonn. Sabiex jimitaw l-eżempju taʼ Kristu, l-anzjani għandhom jistinkaw biex jittrattaw lin-nagħaġ fdati fil-ħarsien tagħhom bi mħabba, b’konsiderazzjoni, b’umiltà, u b’qalb tajba.
13 Dawk li qed jieħdu t-tmexxija fil-kongregazzjoni huma rġiel imperfetti, u jridu jkunu konxji taʼ din il-limitazzjoni l-ħin kollu. (Rum. 3:23) Għalhekk, għandhom ikunu ħerqanin biex jitgħallmu dwar Ġesù u jimitaw l-imħabba tiegħu. Jeħtieġ li l-anzjani jimmeditaw fuq il-mod kif Alla u Kristu jittrattaw lin-nies, imbagħad jistinkaw biex jimitawhom. Pietru jħeġġiġna: “Ilkoll kemm intom tħażżmu bl-umiltà lejn xulxin, għax Alla jopponi lis-suppervi, imma juri qalb tajba mhix mistħoqqa ma’ l-umli.”—1 Pt. 5:5.
14. L-anzjani kif għandhom jonoraw lil oħrajn?
14 L-irġiel maħturin fil-kongregazzjoni għandhom juru kwalitajiet mill-aqwa fil-mod kif jittrattaw lill-merħla t’Alla. Rumani 12:10 jgħid: “Ħa jkollkom affezzjoni tenera lejn xulxin bi mħabba lejn l-aħwa. Kunu minn taʼ quddiem biex tonoraw lil xulxin.” L-anzjani u l-qaddejja ministerjali jonoraw lil oħrajn. Bħall-Kristjani inġenerali, dawn l-irġiel m’għandhom ‘jagħmlu xejn bi ġlied jew bi kburija, imma b’umiltà għandhom iqisu lill-oħrajn superjuri għalihom.’ (Flp. 2:3) Bla dubju, dawk li qed jieħdu t-tmexxija għandhom iqisu lil oħrajn bħala superjuri għalihom. Jekk jagħmlu hekk, l-irġiel maħturin ikunu qed isegwu l-parir taʼ Pawlu: “Iżda aħna li aħna b’saħħitna għandna nerfgħu d-dgħjufijiet taʼ dawk li m’humiex b’saħħithom u mhux nogħġbu lilna nfusna. Ħa jogħġob kull wieħed minna lill-proxxmu tiegħu f’dak li hu tajjeb biex jgħinu jinbena. Għax lanqas il-Kristu ma fittex li jogħġob lilu nnifsu.”—Rum. 15:1-3.
‘Onoraw lin-Nisa Tagħkom’
15. L-irġiel miżżewġin kif għandhom jittrattaw lin-nisa tagħhom?
15 Issa ejja nikkunsidraw il-parir li Pietru ta lill-irġiel miżżewġin. Hu kiteb: “Intom l-irġiel miżżewġin komplu għammru man-nisa tagħkom skond l-għarfien, billi tonoraw lill-mara bħala reċipjent iktar dgħajjef.” (1 Pt. 3:7) Li tonora lil xi ħadd ifisser li tistmah ferm. B’hekk, tikkunsidra l-opinjonijiet, il-bżonnijiet, u x-xewqat tal-individwu, u ċċedi—sakemm ma jkunx hemm xi raġuni valida biex ma ċċedix. Raġel għandu jittratta lil martu b’dan il-mod.
16. Il-Kelma t’Alla liema twissija tagħti lill-irġiel miżżewġin rigward li jonoraw lin-nisa tagħhom?
16 Meta kien qed jgħid lill-irġiel miżżewġin biex jonoraw lin-nisa tagħhom, Pietru żied jgħid din it-twissija: “Sabiex ma jkunx hemm tfixkil għat-talb tagħkom.” (1 Pt. 3:7) Dan juri ċar kemm Ġeħova jieħu bis-serjetà l-mod kif raġel jittratta lil martu. Jekk jonqos li jonoraha, it-talb tiegħu jistaʼ jiġi mfixkel. Iktar minn hekk, in-nisa ġeneralment jirreaġixxu b’mod pożittiv meta l-irġiel tagħhom jittrattawhom b’unur.
17. Raġel miżżewweġ kif għandu jħobb lil martu?
17 Dwar li wieħed iħobb lil martu, il-Kelma t’Alla tagħti l-parir: “L-irġiel b’dan il-mod għandhom iħobbu lin-nisa tagħhom, bħal ġisimhom stess. . . . Għax ebda bniedem qatt ma bagħad lil ġismu stess; imma jitimgħu u jgħożżu, bħalma l-Kristu jagħmel ukoll lill-kongregazzjoni . . . Bl-istess mod, kull wieħed minnkom għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu.” (Efes. 5:28, 29, 33) L-irġiel miżżewġin kif għandhom iħobbu lin-nisa tagħhom? Pawlu kiteb: “Irġiel, komplu ħobbu lin-nisa tagħkom, bħalma l-Kristu wkoll ħabb lill-kongregazzjoni u ta lilu nnifsu għaliha.” (Efes. 5:25) Iva, raġel miżżewweġ għandu jkun lest saħansitra li jagħti ħajtu għal martu, bħalma Kristu għamel għal oħrajn. Meta raġel Kristjan jittratta lil martu b’tenerezza, b’konsiderazzjoni, bla egoiżmu, u billi jagħtiha attenzjoni, ikun iktar faċli għaliha li tissottometti ruħha lejh bħala l-kap tagħha.
18. Liema għajnuna għandhom l-irġiel biex jieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet tagħhom fiż-żwieġ?
18 Qiegħed Ġeħova jitlob xi ħaġa kbira meta jgħid li l-irġiel miżżewġin għandhom jagħtu unur lin-nisa tagħhom b’dan il-mod? Le, Hu qatt mhu se jitlobhom jagħmlu xi ħaġa li mhumiex kapaċi jagħmluha. Barra minn hekk, l-aduraturi taʼ Ġeħova jistgħu jiksbu l-akbar qawwa fl-univers—l-ispirtu qaddis t’Alla. Ġesù qal: “Jekk intom, għalkemm ħżiena, tafu tagħtu għotjiet tajbin lil uliedkom, kemm iktar il-Missier li hu fis-sema jagħti l-ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuh!” (Lq. 11:13) Fit-talb tagħhom, l-irġiel miżżewġin jistgħu jitolbu lil Ġeħova jgħinhom permezz tal-ispirtu tiegħu biex jittrattaw sew lil oħrajn, inkluż lin-nisa tagħhom.—Aqra Atti 5:32.
19. X’se nikkunsidraw fl-artiklu taʼ studju li jmiss?
19 Tabilħaqq, l-irġiel għandhom ir-responsabbiltà kbira li jitgħallmu jkunu sottomessi lejn Kristu u li jimitaw l-irwol tiegħu bħala kap. Imma xi ngħidu għan-nisa, speċjalment dawk miżżewġin? Fl-artiklu li jmiss se niddiskutu kif dawn għandhom iqisu l-irwol tagħhom fl-arranġament taʼ Ġeħova.
Tiftakar Int?
• Liema kwalitajiet taʼ Ġesù għandna nimitaw?
• L-anzjani kif għandhom jittrattaw lin-nagħaġ?
• Raġel miżżewweġ kif għandu jittratta lil martu?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampi f’paġna 10]
Imita lil Ġesù billi tonora lil oħrajn