“Tibżax. Jien Stess Ngħinek”
“Tibżax. Jien Stess Ngħinek”
ĠESÙ wissa lis-segwaċi tiegħu minn qabel u qalilhom: “Ix-Xitan jibqaʼ jixħet lil xi wħud minnkom il-ħabs sabiex tiġu provati bis-sħiħ.” Madankollu, proprju qabel din it-twissija, Ġesù stqarr: ‘Tibżgħux minn dak li se ssofru dalwaqt.’ Peress li Satana għadu juża t-theddida taʼ tfigħ il-ħabs bħala mezz biex iwaqqaf l-ippritkar tas-Saltna, teżisti l-possibbiltà li xi gvernijiet għad jippersegwitaw lill-Kristjani veri. (Riv. 2:10; 12:17) Allura x’se jgħinna nkunu lesti għall-makakkeriji taʼ Satana u ‘ma nibżgħux,’ bħalma wissa Ġesù?
Ħafna minna żgur li xi darba jew oħra konna xi ftit jew wisq beżgħanin. Iżda l-Kelma t’Alla tassigurana li bl-għajnuna taʼ Ġeħova nistgħu nevitaw li ninħakmu mill-biżaʼ. Kif? Mod wieħed kif Ġeħova jgħinna nkampaw mal-oppożizzjoni hu li nidentifikaw it-tattiki li jużaw Satana u l-aġenti tiegħu. (2 Kor. 2:11) Biex nifhmu kif dan hu minnu, ejja nikkunsidraw ġrajja li seħħet fiż-żminijiet Bibliċi. Se nikkunsidraw ukoll xi eżempji fi żmienna taʼ sħabna fit-twemmin li b’lealtà ‘żammew sod kontra t-tnassis tax-Xitan.’—Efes. 6:11-13.
Sultan li Kellu l-Biżaʼ t’Alla Ffaċċja Ħakkiem mill-Agħar
Fit-tmien seklu Q.E.K., is-sultan mill-agħar Sanħerib tal-Assirja kiseb għadd taʼ rebħiet fuq diversi ġnus. Wara dawn ir-rebħiet hu tkabbar u kien determinat li jaħkem fuq in-nies taʼ Ġeħova u fuq il-belt kapitali tagħhom, Ġerusalemm, fejn kien qed jaħkem is-sultan Ħeżekija—sultan li kellu l-biżaʼ t’Alla. (2 Slat. 18:1-3, 13) Bla dubju, Satana kien qed jipprofitta ruħu mis-sitwazzjoni billi ħajjar lil Sanħerib iwettaqlu l-pjanijiet tiegħu sabiex il-qima vera tinqered minn fuq wiċċ l-art.—Ġen. 3:15.
Sanħerib bagħat delegazzjoni lejn Ġerusalemm biex jordna lin-nies tal-belt iċedu. Inkluż fid-delegazzjoni kien hemm Rabsake, li serva bħala l-kelliemi ewlieni tas-sultan. a (2 Slat. 18:17) L-għan taʼ Rabsake kien li jiskuraġġixxi lil-Lhud u jġegħelhom jaqtgħu qalbhom bla ma jagħmlu reżistenza. Rabsake liema metodi uża fl-isforzi tiegħu biex ibeżżaʼ lil-Lhud?
Leali Avolja Iżolati
Rabsake qal lir-rappreżentanti taʼ Ħeżekija: “Hekk qal is-sultan il-kbir, is-sultan taʼ l-Assirja: ‘X’inhi din il-fiduċja li fdajt fiha? . . . Ara, int fdajt fl-appoġġ taʼ din il-qasba mkissra, l-Eġittu, li jekk raġel iserraħ fuqha tidħol fil-pala taʼ idu u tinfidhielu.’” (2 Slat. 18:19, 21) L-akkuża taʼ Rabsake kienet falza għax Ħeżekija ma kienx alleat tal-Eġittu. Xorta waħda, l-akkuża enfasizzat dak li Rabsake ried lil-Lhud jiftakru ċar u tond: ‘Ħadd mhu se jiġi jgħinkom. Tinsabu waħedkom—iżolati.’
Fi żminijiet iktar reċenti, dawk li jopponu l-qima vera, b’mod simili użaw it-theddida taʼ iżolament biex jipprovaw ibeżżgħu lill-Kristjani veri. Oħt Kristjana, li ġiet mitfugħa l-ħabs minħabba l-fidi tagħha u li għal snin sħaħ kienet iżolata ’l bogħod minn sħabha fit-twemmin, iktar tard spjegat x’għenha biex ma tinħakimx mill-biżaʼ. Hi qalet: “It-talb għenni nersaq qrib taʼ Ġeħova . . . ftakart fl-assiguranza li nsibu f’Isaija 66:2 li tgħid li Alla jħares ‘lejn min qed isofri u li għandu spirtu sogħbien.’ Dan dejjem saħħaħni u kien sors taʼ faraġ kbir għalija.” Bl-istess mod, ħu li għamel xi snin f’ċella waħdu qal: “Irrealizzajt li din id-daqsxejn taʼ ċella tawwalija tistaʼ tkun ukoll univers għal min ikollu relazzjoni intima m’Alla.” Tabilħaqq, minħabba li kellhom relazzjoni mill-qrib maʼ Ġeħova, dawn iż-żewġ Kristjani ngħataw is-saħħa meħtieġa biex ikampaw mal-iżolament. (Salm 9:9, 10) Dawk li ppersegwitawhom setgħu jifirduhom mill-familja, mill-ħbieb, u minn sħabhom fit-twemmin, iżda x-Xhieda li kienu l-ħabs kienu jafu li l-opponenti tagħhom ma setgħu qatt jifirduhom minn Ġeħova.—Rum. 8:35-39.
Mela kemm hu importanti li naħtfu kull opportunità disponibbli biex insaħħu r-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova! (Ġak. 4:8) Għandna nistaqsu lilna nfusna regolarment: ‘Ġeħova kemm hu reali għalija? Meta niġi biex nieħu deċiżjonijiet kemm kbar u kemm żgħar fil-ħajja taʼ kuljum, kliemu tassew jinfluwenzani bil-kbir?’ (Lq. 16:10) Jekk naħdmu iebes biex inżommu relazzjoni mill-qrib m’Alla, ma jkollniex għalfejn nibżgħu. Meta tkellem għan-nom tal-Lhud li kienu magħkusin, il-profeta Ġeremija stqarr: “Sejjaħt ismek, O Ġeħova, minn ħofra mill-iktar fonda . . . Int ersaqt qrib meta qgħadt insejjaħlek. Għedtli: ‘Tibżax.’”—Lam. 3:55-57.
It-Tentattivi Biex Jinżergħu d-Dubji Ma Rnexxewx
Rabsake uża rraġunar makakk biex jipprova jiżraʼ d-dubji fl-imħuħ tan-nies. Hu qal: “Mhux tiegħu [taʼ Ġeħova] kienu l-postijiet għall-qima u l-artali li neħħa Ħeżekija? . . . Ġeħova nnifsu qalli, ‘Itlaʼ kontra dan il-pajjiż, u agħmlu ħerba.’” (2 Slat. 18:22, 25) B’hekk, Rabsake rraġuna li peress li Ġeħova ma ħax pjaċir bil-poplu Tiegħu, Hu ma kienx se jiġġieled għan-nom tagħhom. Anzi, għall-kuntrarju, Ġeħova ħa pjaċir b’Ħeżekija u bil-Lhud li kienu daru lura lejn il-qima vera.—2 Slat. 18:3-7.
Illum, xi persekuturi makakki għandhom mnejn jisiltu biċċiet taʼ informazzjoni vera biex ikollhom xi ħaġa inkomuni maʼ dak li jkun. Imbagħad, b’mod sottili jħalltu din il-verità maʼ gideb, bit-tama li jiżirgħu d-dubji. Pereżempju, xi aħwa rġiel u nisa li kienu l-ħabs spiss intqalilhom li ħu minn pajjiżhom li kien qed jieħu t-tmexxija kien ċaħad il-fidi tiegħu u allura ma kien se jiġri xejn jekk anki huma jagħmlu dan u jiċħdu t-twemmin tagħhom. Madankollu, irraġunar bħal dan ma jirnexxilux iqajjem dubji fi Kristjani għaqlin.
Ikkunsidra dak li ġara lil oħt Kristjana matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Waqt li kienet il-ħabs, urewha xi dikjarazzjonijiet bil-miktub li kienu jgħidu li ħu responsabbli kien abbanduna l-fidi tiegħu. Dak li interrogaha staqsieha jekk kellhiex fiduċja f’dan ix-Xhud. L-oħt Salm 146:3.
wieġbet, “Hu x’inhu [it-tali] mhuwiex ħlief bniedem imperfett.” Hi żiedet tgħid li sakemm baqaʼ jimxi mal-prinċipji tal-Bibbja hu ntuża minn Alla. “Iżda ladarba d-dikjarazzjonijiet tiegħu żvijaw minn dak li tgħid il-Bibbja, m’għadux iktar ħija.” B’għaqal, l-oħt leali obdiet it-twissija tal-Bibbja: “Tpoġġux il-fiduċja tagħkom fin-nobbli, lanqas f’bin il-bniedem, li ma jistaʼ jsalva lil ħadd.”—L-għarfien eżatt mill-Kelma t’Alla u l-applikar tal-pariri li fiha, jgħinuna ngħassu kontra rraġunar qarrieq li jistaʼ jdgħajjef id-determinazzjoni tagħna li nissaportu. (Efes. 4:13, 14; Ebr. 6:19) Għalhekk, sabiex inħejju lilna nfusna ħalli nkunu nistgħu naħsbu b’mod ċar meta nkunu taħt pressjoni, jeħtieġ nagħtu prijorità lill-qari tal-Bibbja taʼ kuljum u lill-istudju persunali. (Ebr. 4:12) Tabilħaqq, issa huwa ż-żmien biex inkabbru l-għarfien u nsaħħu l-fidi tagħna. Ħu li ssaporta għal bosta snin f’ċella waħdu qal: “Nixtieq ninkuraġġixxi lil kulħadd biex juri li japprezza l-ikel spiritwali kollu li jingħatalna għax ma nafux kif u meta se jiswielna taʼ ġid.” Tabilħaqq, jekk nistudjaw bir-reqqa l-Kelma t’Alla u l-pubblikazzjonijiet provduti mill-klassi tal-ilsir illum, meta ngħaddu minn żminijiet diffiċli f’ħajjitna, l-ispirtu qaddis se ‘jfakkarna’ dak li nkunu tgħallimna.—Ġw. 14:26.
Protezzjoni mit-Theddid
Rabsake pprova jbeżżaʼ lil-Lhud. Hu qal: “Agħmel imħatra, jekk jogħġbok, maʼ sidi s-sultan taʼ l-Assirja: nagħtik elfejn żiemel u naraw jekk, min-naħa tiegħek, intix kapaċi tqiegħed rikkieba fuqhom. Allura kif tistaʼ tkeċċi gvernatur li huwa fost wieħed mill-iċken qaddejja taʼ sidi?” (2 Slat. 18:23, 24) Mill-ħarsa tal-bniedem, Ħeżekija u n-nies tiegħu ma kellhomx ċans jirbħu lill-armata setgħana tal-Assirja.
Anki dawk li jippersegwitawna llum jistgħu jidhru li huma tassew setgħanin, speċjalment meta jkollhom l-appoġġ sħiħ tal-gvern. Dan żgur kien minnu fil-każ tan-Nazi li kienu jippersegwitaw lin-nies matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Dawn ipprovaw ibeżżgħu lil ħafna mill-qaddejja t’Alla. Wieħed minn ħutna li qattaʼ bosta snin il-ħabs, iktar tard iddeskriva kif kien ġie mhedded. Darba minnhom, uffiċjal staqsieh: “Rajtu lil ħuk iż-żgħir kif inqatel b’tir? X’tagħlima ħadt?” It-tweġiba tiegħu kienet: “Jien xhud taʼ Ġeħova u hekk se nibqaʼ.” “Mela issa int imiss,” qallu l-uffiċjal b’ton taʼ theddid. Madankollu, ħuna baqaʼ sod, u l-għadu ma baqax jheddu. X’għenu jiffaċċja theddida bħal din? Hu wieġeb: “Jien fdajt fl-isem taʼ Ġeħova.”—Prov. 18:10.
Jekk ikollna fiduċja sħiħa f’Ġeħova, inkunu qed inġorru tarka kbira li tipproteġina kontra dak kollu li juża Satana biex jagħmlilna l-ħsara spiritwalment. (Efes. 6:16) Għalhekk, nagħmlu tajjeb jekk nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna nsaħħu l-fidi tagħna. (Lq. 17:5) Jeħtieġ ukoll li nagħmlu użu tajjeb mill-arranġamenti li jsaħħulna l-fidi provduti mill-klassi tal-ilsir leali. Meta niffaċċjaw xi theddid, se nissaħħu meta niftakru fl-assiguranza li Ġeħova ta lill-profeta Eżekjel li kellu jħabbat wiċċu maʼ nies taʼ rashom iebsa. Ġeħova qallu: “Għamiltlek wiċċek iebes eżatt daqs wiċċhom u ġbinek iebes eżatt daqs ġbinhom. Bħal djamant għamilthulek ġbinek, u iebes iktar miż-żnied.” (Eżek. 3:8, 9) Jekk hemm bżonn, Ġeħova jistaʼ jgħinna nkunu ebsin daqs djamant bħalma kellu jkun Eżekjel.
Nirreżistu t-Tentazzjonijiet
L-opponenti skoprew li meta kull tentattiv li jagħmlu jfalli, premjijiet li jħajruk jistgħu kultant ikissru l-integrità taʼ individwu. Anki Rabsake uża dan il-metodu. Lil dawk li kienu f’Ġerusalemm hu qalilhom: “Hekk qal is-sultan taʼ l-Assirja: ‘Agħmlu ftehim miegħi, u oħorġu u ejjew għandi . . . sakemm niġi u niħodkom f’art bħall-art tagħkom, art tal-qmuħ 2 Slat. 18:31, 32) Min jaf kemm kien jinżlilhom tajjeb il-prospett li jieklu ħobż frisk u jixorbu nbid ġdid lil dawk li kienu miżmumin wara s-swar tal-belt assedjata!
u taʼ l-inbid ġdid, art tal-ħobż u taʼ l-għelieqi tad-dwieli, art tas-siġar taż-żebbuġ u taʼ l-għasel; u tibqgħu tgħixu u ma tmutux.’” (Prospett bħal dan darba kien offrut biex jipprova jdgħajjef id-determinazzjoni taʼ missjunarju li kien il-ħabs. Intqallu li kien se jittieħed f’“dar sabiħa” fi “ġnien mill-isbaħ” għal sitt xhur sabiex ikun jistaʼ jirrifletti. Madankollu, il-ħu baqaʼ mqajjem spiritwalment u m’għamilx kompromess fejn jidħlu l-prinċipji Kristjani tiegħu. X’għenu? Iktar tard hu spjega: “Kont naħseb dwar is-Saltna bħala li hi t-tama vera. . . . Il-fidi tiegħi ssaħħet permezz tal-għarfien dwar is-saltna t’Alla, u tant kont ċert minn din it-tama li lanqas għal mument wieħed ma ddubitajt dwarha, u b’hekk ma setgħux jipperswaduni biex ma nibqax leali.”
Is-Saltna t’Alla kemm hi reali għalina? Minħabba li s-Saltna kienet reali għalihom, il-patrijarka Abraham, l-appostlu Pawlu, u Ġesù nnifsu, ilkoll kemm huma setgħu jissaportu provi diffiċli. (Flp. 3:13, 14; Ebr. 11:8-10; 12:2) Jekk inkomplu npoġġu s-Saltna l-ewwel f’ħajjitna, u nżommu f’moħħna l-barkiet dejjiema li ġġib magħha, aħna wkoll nistgħu nirreżistu t-tentazzjoni li naċċettaw opportunitajiet taʼ serħan temporanju mill-provi.—2 Kor. 4:16-18.
Ġeħova Mhuwiex Se Jabbandunana
Minkejja l-isforzi kollha li għamel Rabsake biex ibeżżaʼ lil-Lhud, Ħeżekija u s-sudditi tiegħu kellhom fidi soda f’Ġeħova. (2 Slat. 19:15, 19; Is. 37:5-7) Min-naħa tiegħu, Ġeħova wieġeb it-talb tagħhom għall-għajnuna billi bagħat anġlu biex f’lejl wieħed joqtol 185,000 gwerrier fil-kamp tal-Assirjani. L-għada stess, Sanħerib, avvilit, mar jiġri lura lejn il-belt kapitali tiegħu, Ninwe, flimkien mal-ftit li kien għad fadal mill-armata tiegħu.—2 Slat. 19:35, 36.
B’mod ċar, Ġeħova m’abbandunax lil dawk li fdaw fih. L-eżempji taʼ ħutna rġiel u nisa li fi żmienna jibqgħu sodi waqt li jkunu għaddejjin minn provi, juru li l-istess għadu minnu dwar Ġeħova llum. Mela, mhux taʼ b’xejn li Missierna tas-sema jassigurana: “Jien, Ġeħova Alla tiegħek, qed naqbdek minn idek il-leminija u ngħidlek, ‘Tibżax. Jien stess ngħinek.’”—Is. 41:13.
[Nota taʼ taħt]
a “Rabsake” kien titlu taʼ uffiċjal Assirjan prominenti. L-isem persunali taʼ dan ir-raġel mhuwiex imsemmi fir-rakkont.
[Kumment f’paġna 13]
Ġeħova nnifsu jassigura lill-qaddejja tiegħu billi għal iktar minn 30 darba fil-Kelma tiegħu jgħid: “Tibżax”
[Stampa f’paġna 12]
It-tattiki taʼ Rabsake kif inhuma simili għal dawk li jużaw l-għedewwa tan-nies t’Alla llum?
[Stampi f’paġna 15]
Relazzjoni mill-qrib maʼ Ġeħova tgħinna nżommu l-integrità meta ngħaddu minn provi