Fittex bil-Ħeġġa l-Barka taʼ Ġeħova
Fittex bil-Ħeġġa l-Barka taʼ Ġeħova
“[Alla] jippremja lil dawk li jfittxuh bil-ħeġġa.”—EBR. 11:6.
1, 2. (a) Ħafna nies kif ifittxu l-barka t’Alla? (b) Għala għandna nkunu interessati b’mod partikulari li niksbu l-barka taʼ Ġeħova?
F’XI pajjiżi, huwa komuni li meta xi ħadd jagħtas, in-nies jixtiqulu l-barka t’Alla. Ġieli tara membri tal-kleru taʼ diversi reliġjonijiet ibierku lin-nies, l-annimali, u xi oġġetti bla ħajja. Xi nies jistgħu jitħajru jżuru xi postijiet reliġjużi bit-tama li jirċievu xi barka. Il-politikanti spiss jitolbu għall-barka t’Alla fuq pajjiżhom. Taħseb li dan kollu huwa xieraq? Huwa effettiv? Min tassew jirċievi l-barka t’Alla, u għala?
2 Ġeħova bassar li fl-aħħar jiem se jkollu poplu nadif u li jġib il-paċi. Dan il-poplu, li hu minn kull ġens, kellu jipprietka l-aħbar tajba tas-Saltna sa truf l-art minkejja l-mibegħda u l-oppożizzjoni. (Is. 2:2-4; Mt. 24:14; Riv. 7:9, 14) Dawk minna li aċċettajna r-responsabbiltà li nkunu parti minn dan il-poplu, irridu—u neħtieġu—l-barka t’Alla, għax mingħajrha huwa impossibbli li nirnexxu. (Salm 127:1) Imma kif nistgħu niksbu l-barka t’Alla?
L-Uħud Ubbidjenti Jilħquhom il-Barkiet
3. X’kien ikun ir-riżultat kieku l-Iżraelin kienu ubbidjenti?
3 Aqra Proverbji 10:6, 7. Eżatt qabel ma l-Iżraelin daħlu fl-Art Imwiegħda, Ġeħova qalilhom li jekk jisimgħu minnu kien se jkollhom prosperità u protezzjoni li jispikkaw. (Dt. 28:1, 2) Il-barkiet taʼ Ġeħova kellhom jiġu, b’ċertezza assoluta, fuq l-uħud ubbidjenti.
4. L-ubbidjenza ġenwina x’tinvolvi?
4 L-Iżraelin b’liema attitudni kellhom ikunu ubbidjenti? Il-Liġi t’Alla kienet tgħid li hu ma kienx se jieħu pjaċir jekk il-poplu tiegħu jonqos li jaqdih ‘bl-hena u bil-ferħ taʼ qalbu.’ (Aqra Dewteronomju 28:45-47.) Ġeħova jixraqlu iktar minn ubbidjenza taʼ bilfors għal ordnijiet speċifiċi—anki l-annimali u d-demonji jagħmlu dan. (Mk. 1:27; Ġak. 3:3) Ubbidjenza ġenwina lejn Alla hi espressjoni taʼ mħabba. Din tintwera b’ferħ li jiġi mill-fidi li l-kmandamenti taʼ Ġeħova mhumiex tqal u li hu “jippremja lil dawk li jfittxuh bil-ħeġġa.”—Ebr. 11:6; 1 Ġw. 5:3.
5. Il-fidi fil-wegħda taʼ Ġeħova kif kienet tgħin lin-nies jobdu l-liġi li nsibu f’Dewteronomju 15:7, 8?
5 Ikkunsidra kif din l-ubbidjenza b’fiduċja setgħet intweriet billi tiġi obduta l-liġi li nsibu f’Dewteronomju 15:7, 8. (Aqra.) Jistaʼ jkun li għall-ewwel l-ubbidjenza kontra qalbhom għal din il-liġi ġabet xi ftit serħan lill-foqra. Imma kienet din se tnissel relazzjonijiet tajbin u atmosfera taʼ mħabba fost il-poplu t’Alla? Iktar importanti minn hekk, kienet din l-ubbidjenza se tkun turija taʼ fidi li Ġeħova għandu l-abbiltà li jipprovdi għall-qaddejja tiegħu? Kienet se tkun turija taʼ gratitudni għall-opportunità li jimitaw il-ġenerożità tiegħu? Ma tantx! Alla kien jinnota l-kundizzjoni tal-qalb taʼ nies verament ġenerużi u jwegħedhom li jberikhom f’kull għemil tagħhom u f’kull xogħol li jagħmlu. (Dt. 15:10) Il-fidi f’din il-wegħda kienet se tqanqalhom jaġixxu, u b’hekk jiksbu ħafna barkiet kbar.—Prov. 28:20.
6. Ebrej 11:6 dwar xiex għandu jiżgurana?
6 Minbarra l-fidi f’Ġeħova bħala Dak li jippremja, Ebrej 11: 6 jenfasizza kwalità oħra li neħtieġu sabiex nirċievu l-barka t’Alla. Innota li Ġeħova jippremja lil dawk li “jfittxuh bil-ħeġġa.” Il-kelma fil-lingwa oriġinali użata hawn timplika intensità u sforz aħħari. Kemm għandna għalfejn inkunu żguri mit-twettiq taʼ din il-barka! Is-sors tagħha hu l-uniku Alla veru “li ma jistax jigdeb.” (Titu 1:2) Tul il-millenji hu wera li dak li jwiegħed huwa taʼ min joqgħod fuqu mija fil-mija. Kliemu qatt ma jfalli; dejjem jitwettaq. (Is. 55:11) Għalhekk, nistgħu nkunu fiduċjużi għalkollox li jekk nuru fidi vera, se juri li hu Dak li jippremja fil-każ tagħna wkoll.
7. Kif nistgħu nibqgħu ċerti li se nitbierku permezz tan-“nisel” t’Abraham?
7 Ġesù Kristu wera li kien il-parti primarja tan-“nisel” t’Abraham. Il-Kristjani midlukin jifformaw il-parti sekondarja taʼ dan in-“nisel” imbassar. Huma ġew inkarigati ‘jxandru maʼ kullimkien il-kwalitajiet eċċellenti taʼ dak li sejħilhom mid-dlam għal ġod-dawl tiegħu taʼ l-għaġeb.’ (Gal. 3:7-9, 14, 16, 26-29; 1 Pt. 2:9) Ma nistgħux nistennew li jkollna relazzjoni tajba maʼ Ġeħova jekk ma nagħtux kas dawk li Ġesù ħatar fuq kulma għandu. Mingħajr l-għajnuna tal “ilsir leali u għaqli,” la nkunu nistgħu nifhmu kompletament l-importanza taʼ dak li naqraw fil-Kelma t’Alla, u lanqas kif napplikawh. (Mt. 24:45-47) Jekk napplikaw l-affarijiet li qed nitgħallmu mill-Iskrittura, nistgħu nibqgħu ċerti mill-barka t’Alla.
Nibqgħu Ffokati fuq ir-Rieda t’Alla
8, 9. Il-patrijarka Ġakobb kif stinka fi qbil mat-talb tiegħu?
8 L-idea li tagħmel sforz ħabrieki sabiex tikseb il-barka t’Alla għandha mnejn tfakkrek fil-patrijarka Ġakobb. Hu ma kienx jaf kif kienet se titwettaq il-wegħda li Alla għamel lil Abraham, imma kien jemmen li Ġeħova kien se jkattar bil-kbir in-nisel taʼ nannuh, li d-dixxendenti tiegħu kellhom isiru ġens kbir. Għalhekk, fl-1781 Q.E.K., Ġakobb ivvjaġġa lejn Ħaran biex isib mara. Hu ma kienx biss interessat f’li jsib mara li kellha tkun sieħba li togħġbu; minflok, hu fittex mara spiritwali li kienet tqim lil Ġeħova u li kellha tkun omm tajba għal uliedu.
9 Aħna nafu li Ġakobb iltaqaʼ mal-qariba tiegħu, Rakele. Hu sar iħobb lil Rakele u aċċetta li jaħdem sebaʼ snin għal missierha, Laban, sabiex ikun jistaʼ jiħodha b’martu. Din ma kinitx sempliċement xi storja taʼ mħabba li tibqaʼ tiftakarha. Ġakobb żgur kien jaf bil-wegħda li Alla li Jistaʼ Kollox kien għamel lil nannuh Abraham, u li kien tennieha lil missieru, Iżakk. (Ġen. 18:18; 22:17, 18; 26:3-5, 24, 25) Min-naħa tiegħu, Iżakk qal lil ibnu Ġakobb: “Alla li Jistaʼ Kollox ibierkek u jġiegħlek tnissel u jkattrek, u int żgur li ssir ġemgħa taʼ popli. U jagħtik il-barka t’Abraham, lilek u lil nislek miegħek, sabiex tieħu f’idejk l-art li qed tgħix fiha bħala barrani u li Alla ta lil Abraham.” (Ġen. 28:3, 4) Għalhekk, l-isforz li għamel Ġakobb sabiex isib mara adattata u jibni familja wera l-fiduċja li kellu f’dak li qal Ġeħova.
10. Ġeħova għala kien ferħan li jbierek lil Ġakobb?
10 Ġakobb ma kienx qed ifittex il-ġid materjali biex jogħġob lill-familja tiegħu. Moħħu kien iffokat fuq it-twettiq tal-wegħda taʼ Ġeħova rigward id-dixxendenti tiegħu. Ġakobb kien determinat li jagħmel dak kollu li setaʼ biex jikseb il-barka taʼ Ġeħova minkejja l-ostakli. Hu żamm din l-attitudni sakemm xjaħ, u Ġeħova bierku taʼ dan.—Aqra Ġenesi 32:24-29.
11. Liema sforz għandna nagħmlu fi qbil mar-rieda rivelata t’Alla?
11 Bħal Ġakobb, aħna ma nafux id-dettalji kollha tat-twettiq tal-iskop taʼ Ġeħova. Madankollu, meta nistudjaw il-Kelma t’Alla se nifhmu, bejn wieħed u ieħor, x’għandna nistennew b’konnessjoni mal-“jum taʼ Ġeħova.” (2 Pt. 3:10, 17) Pereżempju, ma nafux eżattament meta ġej dan il-jum, iżda nafu li hu fil-qrib. Aħna nemmnu l-Kelma t’Alla meta tgħid li jekk nagħtu xhieda bir-reqqa fil-ftit żmien li fadal, se nsalvaw kemm lilna nfusna u kemm lil dawk li jisimgħuna.—1 Tim. 4:16.
12. Minn xiex nistgħu nibqgħu ċerti?
12 Aħna nafu li t-tmiem jistaʼ jasal minn ħin għall-ieħor; Ġeħova m’għandux għalfejn jistenna sakemm kull individwu fuq l-art ikun ngħata xhieda personalment. (Mt. 10:23) Iktar minn hekk, aħna nirċievu direzzjoni tajba dwar kif inwettqu x-xogħol tal-ippritkar tagħna b’mod effettiv. B’fidi, aħna nieħdu sehem f’dan ix-xogħol bl-aħjar mod li nistgħu billi nużaw ir-riżorsi li jistaʼ jkollna disponibbli. It-territorju li nippritkaw fih dejjem se jkun produttiv? Kif se nkunu nafu bil-quddiem? (Aqra Ekkleżjasti 11:5, 6.) Xogħolna hu li nippritkaw, fiduċjużi li Ġeħova se jagħtina l-barka tiegħu. (1 Kor. 3:6, 7) Nistgħu nibqgħu ċerti li hu jara l-isforzi ħabrieka li nagħmlu, u permezz tal-ispirtu tiegħu, hu se jipprovdilna kwalunkwe direzzjoni speċifika li jkollna bżonn.—Salm 32:8.
Infittxu l-Ispirtu Qaddis
13, 14. Il-qawwa li għandu l-ispirtu qaddis t’Alla biex jgħin lill-qaddejja tiegħu jkunu kwalifikati, kif ġiet murija?
13 Xi ngħidu jekk ma nħossuniex kwalifikati biżżejjed biex inwettqu xi inkarigu jew biex nieħdu sehem fix-xogħol tal-ippritkar? Għandna nitolbu lil Ġeħova sabiex jagħtina l-ispirtu qaddis tiegħu biex intejbu kwalunkwe abbiltà li għandna fis-servizz tiegħu. (Aqra Luqa 11:13.) L-ispirtu t’Alla jistaʼ jgħin lin-nies ikunu kwalifikati biex iwettqu xi xogħol jew xi privileġġ taʼ servizz, kienu x’kienu ċ-ċirkustanzi u l-esperjenzi li kellhom qabel. Pereżempju, eżatt wara l-Eżodu mill-Eġittu, l-ispirtu t’Alla għen lir-rgħajja u lill-ilsiera biex, minkejja n-nuqqas taʼ esperjenza li kellhom fil-gwerra, jeqirdu lill-għedewwa tagħhom fil-battalja. (Eżo. 17:8-13) Ftit wara, dan l-istess spirtu ħejja lil Besalel u lil Oħolijab biex ifasslu l-pjanti tat-tabernaklu li kienu mill-isbaħ u mnebbħin minn Alla.—Eżo. 31:2-6; 35:30-35.
14 Dan l-ispirtu setgħan ħejja lill-qaddejja t’Alla fi żmienna biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tal-organizzazzjoni meta nħass il-bżonn li jingħata bidu għax-xogħol tal-istampar tagħhom stess. Ħuna R. J. Martin, l-indokratur tal-istamperija taʼ dak iż-żmien, kiteb ittra u spjega dak li kien twettaq sal-1927. “Il-Mulej fetaħ bieb fil-ħin u fil-waqt, u b’hekk akkwistajna l-magna tal-istampar, avolja ma konna nafu xejn dwar kif inhi mibnija u kif taħdem. Imma l-Mulej jaf kif jgħin lil dawk li jiddedikaw kulma għandhom lilu. . . . Fi ftit ġimgħat biss, konna kapaċi nħaddmu din il-magna u għadha għaddejja sa llum. Qed tagħmel xogħol li saħansitra lanqas dawk li bnewha ma kienu jafu li setgħet tagħmel.” Ġeħova għadu jbierek sforzi ħabrieka bħal dawn sal-ġurnata tal-lum.
15. Il-kliem f’Rumani 8:11 kif jistaʼ jkun taʼ inkuraġġiment għal dawk li qed jiffaċċjaw xi tentazzjoni?
15 L-ispirtu taʼ Ġeħova jaħdem b’diversi modi. Dan l-ispirtu hu disponibbli għall-qaddejja t’Alla kollha u jgħinhom jegħlbu ostakli kbar ħafna. Xi ngħidu jekk inħossuna mtaqqlin minħabba xi tentazzjoni? Il-kliem taʼ Pawlu li nsibu f’Rumani 7:21, 25 u 8:11 jistaʼ jsaħħaħna. Tabilħaqq, “l-ispirtu taʼ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet” jistaʼ jaħdem għan-nom tagħna, billi jsaħħaħna sabiex negħlbu l-ġlieda kontra x-xewqat tal-laħam. Dawn il-versi kienu miktubin għall-Kristjani midlukin bl-ispirtu, iżda l-prinċipju li nsibu fihom japplika għall-qaddejja kollha t’Alla. Ilkoll kemm aħna niksbu l-ħajja billi neżerċitaw il-fidi fi Kristu, nistinkaw biex immewtu x-xewqat ħżiena, u billi ngħixu fi qbil mad-direzzjoni tal-ispirtu.
16. Xi rridu nagħmlu sabiex nirċievu l-ispirtu qaddis t’Alla?
16 Nistgħu aħna nistennew li Alla jagħtina l-forza attiva tiegħu mingħajr ma nagħmlu ebda sforz min-naħa tagħna? Le. Minbarra li nitolbu għal dan l-ispirtu, jeħtieġ inħabirku biex nieklu ikel spiritwali mill-Kelma mnebbħa minn Alla. (Prov. 2:1-6) Iktar minn hekk, l-ispirtu t’Alla jinsab fuq il-kongregazzjoni Kristjana. L-attendenza regulari tagħna għal-laqgħat turi x-xewqa li għandna biex ‘nisimgħu dak li jgħid l-ispirtu lill-kongregazzjonijiet.’ (Riv. 3:6) Barra minn hekk, irridu naġixxu b’umiltà fuq dak li nitgħallmu. Proverbji 1:23 jagħtina l-parir: “Duru lura għat-twiddib tiegħi. Imbagħad inġiegħel l-ispirtu tiegħi jgelgel lejkom.” Tabilħaqq, Alla jagħti l-ispirtu qaddis tiegħu “lil dawk li jobduh bħala ħakkiem.”—Atti 5:32.
17. Ma’ xiex nistgħu nqabblu l-effett tal-barka t’Alla fuq l-isforzi tagħna?
17 Filwaqt li jeħtieġ sforz ħabrieki biex nirċievu l-barka t’Alla, irridu niftakru li mhuwiex biss minħabba x-xogħol iebes li Ġeħova jagħti abbundanza t’affarijiet tajbin lill-poplu tiegħu. L-effett tal-barka tiegħu fuq l-isforzi tagħna jistaʼ jitqabbel mal-mod kif ġisimna jibbenefika minn ikel sustanzjuż. Alla sawwar il-ġisem tagħna b’tali mod li aħna nieħdu gost bl-ikel u nieħdu s-sustanzi vitali minnu. Barra minn hekk, hu jipprovdi l-ikel. Ma nafux eżattament kif l-ikel jikseb is-sustanzi tiegħu, u ħafna minna ma nistgħux nispjegaw kif ġisimna jipproduċi l-enerġija mill-ikel li nieklu. Nafu biss li dan il-proċess jaħdem, u meta nieklu nkunu qed nikkooperaw maʼ dan il-proċess. Jekk nagħżlu li nieklu ikel sustanzjuż, ir-riżultati jkunu saħansitra aħjar. Bl-istess mod, Ġeħova jistabbilixxi l-ħtiġijiet għall-ħajja taʼ dejjem u jagħtina l-għajnuna li neħtieġu biex nilħqu dawn il-ħtiġijiet. B’mod ċar, hu jgħinna ferm u jixraqlu t-tifħir. Xorta waħda, sabiex nirċievu l-barka t’Alla rridu nikkooperaw miegħu billi naġixxu fi qbil mar-rieda tiegħu.—Ħag. 2:18, 19.
18. X’inhi d-determinazzjoni tiegħek, u għala?
18 Għalhekk, agħmel sforz sinċier sabiex twettaq kull inkarigu bl-aħjar mod li tistaʼ. Dejjem dur lejn Ġeħova biex tirnexxi. (Mk. 11:23, 24) Hekk kif tagħmel dan, ibqaʼ ċert li “kulmin ifittex isib.” (Mt. 7:8) Uħud midlukin bl-ispirtu se jiġu mberkin bil-“kuruna tal-ħajja” fis-smewwiet. (Ġak. 1:12) In-“nagħaġ oħrajn” taʼ Kristu li qed jistinkaw biex huma stess jirċievu barka permezz tan-nisel t’Abraham, se jitgħaxxqu jisimgħu lil Kristu jgħid: “Ejjew intom, imberkin minn Missieri, irtu s-saltna mħejjija għalikom mit-tisjis tad-dinja.” (Ġw. 10:16; Mt. 25:34) Tabilħaqq, “dawk li jitbierku [minn Alla] se jirtu l-art, . . . u jgħammru fiha għal dejjem.”—Salm 37:22, 29.
Tistaʼ Tispjega?
• L-ubbidjenza ġenwina x’tinvolvi?
• X’inhu meħtieġ biex tikseb il-barka t’Alla?
• Kif nistgħu nirċievu l-ispirtu qaddis t’Alla, u dan kif jistaʼ jaħdem għan-nom tagħna?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 9]
Ġakobb issara m’anġlu sabiex jikseb il-barka taʼ Ġeħova.
Tagħmel int l-istess sforz ħabrieki?
[Stampa f’paġna 10]
L-ispirtu qaddis t’Alla ħejja lil Besalel u lil Oħolijab biex jirnexxu