Tkun Minn taʼ Quddiem Biex Tonora lil Sħabek fit-Twemmin?
Tkun Minn taʼ Quddiem Biex Tonora lil Sħabek fit-Twemmin?
“Ħa jkollkom affezzjoni tenera lejn xulxin bi mħabba lejn l-aħwa. Kunu minn taʼ quddiem biex tonoraw lil xulxin.”—RUM. 12:10.
1, 2. (a) Liema twissija jagħti Pawlu fl-ittra tiegħu lir-Rumani? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?
FL-ITTRA tiegħu lir-Rumani, l-appostlu Pawlu jenfasizza kemm hu importanti għalina bħala Kristjani li nuru l-imħabba fil-kongregazzjoni. Hu jfakkarna li l-imħabba tagħna għandha tkun “mingħajr ipokrisija.” Isemmi wkoll l-“imħabba lejn l-aħwa,” u jgħid li mħabba bħal din għandha tintwera b’“affezzjoni tenera.”—Rum. 12:9, 10a.
2 Naturalment, li nuru l-imħabba lejn l-aħwa jinvolvi iktar milli sempliċement ikollna sentimenti teneri għal oħrajn. Sentimenti bħal dawn iridu jintwerew bl-azzjonijiet. Wara kollox, ħadd ma se jkun jaf bl-imħabba u l-affezzjoni tagħna sakemm ma nuruhomx b’xi mod jew ieħor. Għalhekk, Pawlu jżid din it-twissija: “Kunu minn taʼ quddiem biex tonoraw lil xulxin.” (Rum. 12:10b) X’hemm involut f’li nonoraw lil xulxin? Għala huwa importanti li nkunu minn taʼ quddiem f’li nonoraw lil sħabna fit-twemmin? Kif nistgħu nagħmlu dan?
Ir-Rispett u l-Unur
3. Il-kelma “unur” liema tifsira għandha bil-lingwi oriġinali tal-Bibbja?
3 Il-kelma bl-Ebrajk għal “unur” fl-Iskrittura spiss tiġi tradotta bħala “glorja,” li tenfasizza l-istima għolja li tintwera lill-individwu li jkun qed jiġi onorat. (Ġen. 45:13) L-istess kelma Ebrajka tindika li individwu li hu onorat hu meqjus bħala li għandu awtorità jew bħala li hu importanti. Il-kelma Griega tradotta “unur” fil-Bibbja tagħti l-idea li xi ħadd hu stmat, għażiż, u prezzjuż. (Lq. 14:10) Iva, dawk lil nonorawhom huma prezzjużi, għeżież għalina.
4, 5. Il-fatt li nonoraw lil oħrajn u li jkollna rispett kif imorru id f’id? Agħti tixbiha.
4 X’hemm involut f’li nonoraw lil oħrajn? Dan jibda bir-rispett. Fil-fatt, il-kelma “unur” u l-kelma “rispett” spiss jintużaw flimkien għax imorru id f’id. L-unur hu l-manifestazzjoni, jew it-turija minn barra, tar-rispett. Fi kliem ieħor, ir-rispett jirreferi primarjament għal kif inqisu lil ħutna filwaqt li l-unur jirreferi għal kif nittrattaw lil ħutna.
5 Kristjan kif jistaʼ jagħti unur ġenwin lil sħabu fit-twemmin jekk m’għandux rispett mill-qalb għalihom? (3 Ġw. 9, 10) Sewwasew bħalma pjanta tistaʼ tiffjorixxi u tibqaʼ ħajja biss jekk ikollha l-għeruq f’ħamrija tajba, hekk ukoll l-unur jistaʼ jkun ġenwin u dejjiemi biss jekk ikollu l-għeruq f’rispett mill-qalb. Ladarba unur mhux sinċier ma jiġix minn rispett ġenwin, f’xi ħin jew ieħor se jidbiel, biex ngħidu hekk. Għalhekk, mhux taʼ b’xejn li qabel it-twissija tiegħu biex nonoraw lil xulxin, Pawlu qal din l-istqarrija diretta: “Ħa tkun imħabbitkom mingħajr ipokrisija.”—Rum. 12:9; aqra l-1 Pietru 1:22.
Onora lil Dawk Maħluqin “fix-Xebh t’Alla”
6, 7. Għala għandu jkollna rispett għal oħrajn?
6 Ladarba huwa essenzjali li jkollna rispett mill-qalb biex nonoraw lil xulxin, qatt m’għandna ninsew ir-raġunijiet Skritturali li għandna biex nirrispettaw lil ħutna kollha. Għalhekk, ejja nikkunsidraw tnejn minn dawn ir-raġunijiet.
7 Għall-kuntrarju taʼ ħlejjaq oħrajn fuq l-art, il-bnedmin kienu maħluqin “fix-xebh t’Alla.” (Ġak. 3:9) Għalhekk, aħna għandna attributi divini bħall-imħabba, l-għerf, u l-ġustizzja. Innota xi rċivejna iktar mill-Ħallieq tagħna. Is-salmista jistqarr: “O Ġeħova . . . , int li d-dinjità tiegħek imsemmija ’l fuq mis-smewwiet! . . . Int għamiltu [lil bniedem] ftit inqas minn dawk li qishom allat, u bi glorja u ġmiel [“unur,” King James Version] inkurunajtu.” (Salm 8:1, 4, 5; 104:1) a Il-bnedmin inġenerali huma inkurunati, jew imżejnin, minn Alla b’ammont taʼ dinjità, glorja, u unur. B’hekk, meta nuru d-dinjità lejn ħaddieħor, inkunu fil-fatt qed nagħrfu s-Sors tad-dinjità umana, Ġeħova. Issa, jekk għandna raġunijiet validi biex nuru rispett lejn in-nies inġenerali, kemm iktar għandu jkollna rispett għal sħabna fit-twemmin!—Ġw. 3:16; Gal. 6:10.
Membri taʼ Familja Waħda
8, 9. Pawlu liema raġuni jsemmi biex nirrispettaw lil sħabna fit-twemmin?
8 Pawlu jsemmi raġuni oħra għala nirrispettaw lil xulxin. Eżatt qabel ma jagħti t-twissija biex nonoraw lil xulxin, hu jgħid: “Ħa jkollkom affezzjoni tenera lejn xulxin bi mħabba lejn l-aħwa.” L-espressjoni Griega tradotta “affezzjoni tenera” tirreferi għar-rabta soda li tgħaqqad familja li jħobbu u jappoġġaw lil xulxin. B’hekk, billi juża din l-espressjoni, Pawlu jenfasizza li r-relazzjonijiet fil-kongregazzjoni għandhom ikunu b’saħħithom u kollhom imħabba bħal f’familja magħquda. (Rum. 12:5) Iżjed minn hekk, żomm f’moħħok li Pawlu kiteb dan il-kliem lill-Kristjani midlukin, li lkoll kienu adottati bħala wlied mill-istess Missier, Ġeħova. Għalhekk, b’mod sinifikanti ħafna, huma kienu familja magħquda. B’hekk, il-Kristjani midlukin fi żmien Pawlu verament kellhom raġuni soda biex jirrispettaw lil xulxin. L-istess hu minnu għall-midlukin illum.
9 Xi ngħidu għal dawk li huma tan-“nagħaġ oħrajn”? (Ġw. 10:16) Għalkemm għadhom ma ġewx adottati bħala wlied Alla, huma jistgħu b’mod xieraq isejħu lil xulxin ħu u oħt għax jifformaw familja Kristjana magħquda mad-dinja kollha. (1 Pt. 2:17; 5:9) B’hekk, jekk dawk tan-nagħaġ oħrajn japprezzaw bis-sħiħ dak li qed jgħidu meta jużaw it-termini “ħuna” jew “oħtna,” imbagħad huma wkoll għandhom raġuni soda biex ikollhom rispett mill-qalb għal sħabhom fit-twemmin.—Aqra l-1 Pietru 3:8.
Għala Daqstant Importanti?
10, 11. Għala huwa daqstant importanti li nirrispettaw u nonoraw lil oħrajn?
10 Għala huwa daqstant importanti li nirrispettaw u nonoraw lil oħrajn? Għal din ir-raġuni: Meta nonoraw lil ħutna, nikkontribwixxu bil-kbir għall-benesseri u l-unità tal-kongregazzjoni kollha kemm hi.
11 M’għandniex xi ngħidu, aħna nagħrfu li relazzjoni mill-qrib maʼ Ġeħova u l-appoġġ tal-ispirtu tiegħu huma l-iktar sorsi qawwijin taʼ saħħa li għandna bħala Kristjani veri. (Salm 36:7; Ġw. 14:26) Fl-istess waqt, meta sħabna fit-twemmin juru li japprezzawna, aħna niġu inkuraġġiti. (Prov. 25:11) Inħossuna msaħħin meta xi ħadd jgħid jew jagħmel xi ħaġa li turi li jirrispettana. Niksbu iktar saħħa biex inkomplu mexjin bil-ferħ u bid-determinazzjoni fit-triq li twassal għall-ħajja. Bla dubju, int ġieli esperjenzajt sentimenti bħal dawn.
12. Ilkoll kemm aħna kif nistgħu nikkontribwixxu għal atmosfera taʼ mħabba fil-kongregazzjoni?
12 Issa, ladarba Ġeħova jaf li twelidna bil-bżonn li niġu rispettati, permezz tal-Kelma tiegħu hu b’mod xieraq iħeġġiġna biex “inkunu ħerqanin biex nirrispettaw lil xulxin.” (Rum. 12:10, Today’s English Version; aqra Mattew 7:12.) Il-Kristjani kollha li jniżżlu dan il-parir dejjiemi f’qalbhom jikkontribwixxu għal atmosfera taʼ mħabba fil-fratellanza Kristjana. Għalhekk, nagħmlu tajjeb jekk nieqfu u nistaqsu lilna nfusna, ‘Meta kien l-aħħar darba li esprimejt bil-kliem u bl-azzjonijiet ir-rispett mill-qalb li għandi għal xi ħu jew oħt fil-kongregazzjoni?’—Rum. 13:8.
Inkarigu Speċifiku Għal Kulħadd
13. (a) Min għandu jkun minn taʼ quddiem f’li jonora lil oħrajn? (b) X’jindika l-kliem taʼ Pawlu li nsibu f’Rumani 1:7?
13 Min għandu jkun minn taʼ quddiem f’li jonora lil oħrajn? Fl-ittra tiegħu lill-Ebrej, Pawlu jiddeskrivi l-anzjani Kristjani bħala “dawk li qed imexxu fostkom.” (Ebr. 13:17) Veru, l-anzjani jieħdu t-tmexxija f’diversi attivitajiet. Xorta waħda, bħala r-rgħajja tal-merħla, ċertament li jridu jkunu minn taʼ quddiem f’li jonoraw lil sħabhom fit-twemmin—inkluż l-anzjani sħabhom. Pereżempju, meta l-anzjani jiltaqgħu biex jikkunsidraw il-bżonnijiet spiritwali tal-kongregazzjoni, jonoraw lil xulxin billi b’attenzjoni jagħtu widen għall-kummenti li jagħmlu l-anzjani sħabhom kollha. Iżjed minn hekk, jonoraw lil oħrajn billi jikkunsidraw l-opinjonijiet u l-espressjonijiet tal-anzjani kollha meta jieħdu xi deċiżjoni. (Atti 15:6-15) Però, għandna niftakru li l-ittra taʼ Pawlu lir-Rumani ma kinitx indirizzata biss lill-anzjani imma lill-kongregazzjoni kollha kemm hi. (Rum. 1:7) B’hekk, jistaʼ jingħad li t-twissija biex inkunu minn taʼ quddiem f’li nonoraw lil oħrajn tapplika għalina lkoll illum.
14. (a) Agħti tixbiha biex turi d-differenza bejn li tonora lil oħrajn u li tkun minn taʼ quddiem f’li tonora lil oħrajn. (b) Liema mistoqsija forsi nistaqsu lilna nfusna?
14 Innota wkoll dan l-aspett tal-parir taʼ Pawlu. Hu ħeġġeġ lil sħabu fit-twemmin f’Ruma mhux biss biex jonoraw lil xulxin, imma biex ikunu minn taʼ quddiem f’li jonoraw lil xulxin. Dan għala jagħmel differenza? Aħseb dwar dan l-eżempju. Sejjer xi għalliem iħeġġeġ grupp taʼ studenti li jafu jaqraw biex jitgħallmu jaqraw? Le. Diġà jafu jaqraw. Minflok, l-għalliem ikun irid jgħin lill-istudenti ħalli jaqraw aħjar. B’mod simili, l-imħabba li għandna bejnietna, li tqanqalna biex nonoraw lil xulxin, diġà hi l-marka li tidentifika lill-Kristjani veri. (Ġw. 13:35) Madankollu, sewwasew bħalma studenti li jafu jaqraw jistgħu jagħmlu iktar progress billi jtejbu l-abbiltajiet tagħhom fil-qari, hekk ukoll aħna nistgħu nagħmlu iktar progress billi nkunu minn taʼ quddiem f’li nonoraw lil oħrajn. (1 Tess. 4:9, 10) Kull wieħed u waħda minna ngħata dan l-inkarigu speċifiku. Forsi nistaqsu lilna nfusna, ‘Qed inwettqu dan—billi nieħu l-inizjattiva f’li nonora lil oħrajn fil-kongregazzjoni?’
Onora lill-“Batut”
15, 16. (a) Meta nonoraw lil oħrajn, lil min m’għandniex ninsew, u għala? (b) X’jistaʼ jirrivela li għandna rispett mill-qalb għal ħutna kollha?
15 Meta nonoraw lil oħrajn, lil min m’għandniex ninsew fil-kongregazzjoni? Il-Kelma t’Alla tgħid: “Min iħenn għall-batut ikun qed jislef lil Ġeħova, u Hu se jħallsu lura għal kif ittrattah.” (Prov. 19:17) Il-prinċipju li nsibu f’dan il-kliem kif għandu jeffettwana hekk kif nistinkaw biex inkunu minn taʼ quddiem f’li nonoraw lil oħrajn?
16 Int żgur taqbel li l-biċċa l-kbira min-nies huma lesti li jonoraw lil dawk li huma superjuri għalihom, imma dawn l-istess nies għandhom mnejn jittrattaw lil dawk li jqisuhom inferjuri għalihom bi ftit jew ebda rispett. Madankollu, Ġeħova mhuwiex hekk. Hu jgħid: “Dawk li jonorawni nonorahom.” (1 Sam. 2:30; Salm 113:5-7) Ġeħova jonora lil dawk kollha li jaqduh u jonorawh. Ma jinjorax lill-“batut.” (Aqra Isaija 57:15; 2 Kron. 16:9) Naturalment, aħna nixtiequ nimitaw lil Ġeħova. B’hekk, jekk irridu nkunu nafu kif aħna sejrin f’li nonoraw lil oħrajn b’mod ġenwin, nagħmlu tajjeb jekk nistaqsu lilna nfusna, ‘Jien kif nittratta lil dawk li m’għandhomx pożizzjoni prominenti, jew responsabbli, fil-kongregazzjoni?’ (Ġw. 13:14, 15) It-tweġiba għal din il-mistoqsija tirrivela ħafna dwar kemm għandna rispett mill-qalb għal oħrajn.—Aqra Filippin 2:3, 4.
Nonoraw lil Oħrajn Billi Nagħtu mill-Ħin Tagħna
17. Liema hu mod ewlieni li bih nistgħu nkunu minn taʼ quddiem f’li nonoraw lil oħrajn, u dan għala hu minnu?
17 X’inhu mod ewlieni li bih nistgħu nkunu minn taʼ quddiem f’li nonoraw lil dawk kollha fil-kongregazzjoni? Billi nagħtuhom mill-ħin tagħna. Dan għala hu minnu? Bħala Kristjani, aħna għandna ħajja mgħaġġla, u d-diversi attivitajiet importanti li nwettqu fil-kongregazzjoni jiħdulna ħafna mill-ħin tagħna. Allura mhix sorpriża li nqisu l-ħin bħala li hu prezzjuż. Aħna nirrealizzaw ukoll li m’għandniex ninsistu li ħutna jagħtuna ammont eċċessiv mill-ħin tagħhom. Bl-istess mod, napprezzaw meta oħrajn fil-kongregazzjoni jifhmu li huma m’għandhomx jitolbu żżejjed meta jkunu jridu mill-ħin tagħna.
18. Bħalma jidher fl-istampa f’paġna 18, kif nistgħu nuru li aħna lesti nagħtu ftit tal-ħin lil sħabna fit-twemmin?
18 Minkejja dan, aħna nagħrfu wkoll (speċjalment dawk minna li jaqdu bħala rgħajja fil-kongregazzjoni) li l-fatt li aħna lesti nwaqqfu l-attivitajiet tagħna sabiex nagħtu xi ftit tal-ħin lil sħabna fit-twemmin juri li nirrispettawhom. B’liema mod? Billi nwaqqfu l-attivitajiet tagħna biex nagħtu xi ħin lil ħutna, aħna bħallikieku qed ngħidulhom, ‘Tant kemm int għażiż f’għajnejja li hu iktar importanti għalija li nqattaʼ ftit tal-ħin miegħek milli nkompli b’dak li qed nagħmel.’ (Mk. 6:30-34) L-oppost hu minnu wkoll. Jekk inżommu lura milli nieqfu mill-attivitajiet tagħna u ma nagħtux ftit tal-ħin lil ħuna, nistgħu nġegħluh iħoss li ma tantx hu għażiż f’għajnejna. M’għandniex xi ngħidu, kulħadd jifhem li hemm xi drabi meta kwistjoni urġenti ma tistax tiġi interrotta. Xorta waħda, kemm jekk inkunu lesti biex nagħtu ftit mill-ħin tagħna lil oħrajn u kemm jekk inżommu lura milli nagħmlu dan, inkunu qed nikxfu kemm hu profond ir-rispett li għandna f’qalbna għal ħutna.—1 Kor. 10:24.
Kun Determinat li Tkun Minn taʼ Quddiem
19. B’liema mod, minbarra li nagħtu mill-ħin tagħna, nistgħu nonoraw lil sħabna fit-twemmin?
19 Hemm modi importanti oħrajn li bihom nistgħu nonoraw lil sħabna fit-twemmin. Pereżempju, meta nagħtuhom mill-ħin tagħna, għandna nagħtuhom ukoll l-attenzjoni tagħna. Għal darb’oħra, Ġeħova jagħtina l-eżempju. Is-salmista David jgħid: “Għajnejn Ġeħova huma fuq in-nies sewwa, u widnejh miftuħin għall-għajta tagħhom għall-għajnuna.” (Salm 34:15) Aħna nistinkaw biex nimitaw lil Ġeħova billi ndawru għajnejna u widnejna—l-attenzjoni sħiħa tagħna—lejn ħutna, speċjalment lejn dawk li javviċinawna għall-għajnuna. Billi nagħmlu hekk inkunu qed nonorawhom.
20. Liema tfakkiriet dwar li nonoraw lil oħrajn għandna nżommu f’moħħna?
20 Bħalma kkunsidrajna, irridu nżommu ċar f’moħħna għala għandu jkollna rispett mill-qalb għal sħabna fit-twemmin. Iżjed minn hekk, għandna nfittxu opportunitajiet biex inkunu minn tal-ewwel f’li nonoraw lil kulħadd, inkluż il-batuti. Billi nieħdu dawn il-passi, insaħħu r-rabta tal-imħabba lejn l-aħwa u l-għaqda fil-kongregazzjoni. Għalhekk, ejja lkoll kemm aħna nkomplu mhux biss nonoraw lil oħrajn imma speċjalment biex inkunu minn taʼ quddiem f’li nonoraw lil xulxin. Determinat int biex tagħmel eżatt hekk?
[Nota taʼ taħt]
a L-espressjonijiet taʼ David fit-8 Salm huma wkoll profetiċi, billi jippontaw lejn ir-raġel perfett Ġesù Kristu.—Ebr. 2:6-9.
Tiftakar Int?
• L-unur u r-rispett kif imorru id f’id?
• Liema raġunijiet għandna biex nonoraw lil sħabna fit-twemmin?
• Għala hu importanti li nonoraw lil xulxin?
• B’liema modi nistgħu nonoraw lil sħabna fit-twemmin?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 18]
Kif nistgħu nonoraw lil sħabna fit-twemmin?