‘Dak li Għamel Mar Dritt Miegħu’
‘Dak li Għamel Mar Dritt Miegħu’
THEODORE JARACZ, membru tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova, spiċċa l-ħajja tiegħu fuq l-art nhar l-Erbgħa filgħodu, id-9 taʼ Ġunju, 2010. Kellu 84 sena u ħalla warajh lil Melita, il-mara tiegħu għal 53 sena. Ħalla warajh ukoll lil oħtu, kif ukoll tliet neputijiet.
Ħuna Jaracz twieled fit-28 taʼ Settembru, 1925, f’Pike County, Kentucky, l-Istati Uniti tal-Amerika, u ssimbolizza d-dedikazzjoni tiegħu lil Ġeħova meta kellu 15-il sena, fl-10 t’Awwissu, 1941. Sentejn wara, meta kellu 17-il sena, beda jaqdi bħala pijunier regulari, u b’hekk ta bidu għal karriera twila taʼ kważi 67 sena fis-servizz full-time.
Fl-1946, meta kellu 20 sena, Ħuna Jaracz attenda s-sebaʼ klassi tal-Iskola taʼ Gilegħad (Watchtower Bible School of Gilead). Wara li ggradwa, Ħuna Jaracz ġie inkarigat jaqdi bħala indokratur li jivvjaġġa fl-inħawi taʼ Cleveland, Ohio, l-Istati Uniti. Fl-1951, ġie inkarigat jaqdi fil-fergħa tal-Awstralja bħala l-qaddej tal-fergħa. In-1983 Yearbook of Jehovah’s Witnesses qal li Ħuna Jaracz “inkuraġġixxa bil-kbir lill-aħwa fil-pajjiż biż-żelu tiegħu għall-ordni teokratiku u bit-tmexxija mill-aħjar li ħa fil-ministeru.”
Wara li rritorna fl-Istati Uniti, Ħuna Jaracz iżżewweġ lil Melita Lasko fl-10 taʼ Diċembru, 1956. Huma bdew il-ħajja miżżewġa tagħhom fix-xogħol tal-ivvjaġġar, billi b’mod diliġenti qdew fis-circuits u d-distretti li kienu jkopru parti kbira mill-Istati Uniti. Lejn l-aħħar tas-sena 1974, Ħuna Jaracz ġie mistieden biex ikun membru tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova.
Ħuna Jaracz se jdum f’moħħna bħala qaddej dedikat u leali taʼ Ġeħova, iffokat b’qalbu kollha fuq attivitajiet teokratiċi. Kien raġel miżżewweġ li jħobb u jieħu ħsieb martu kif ukoll raġel spiritwali li poġġa l-interessi t’oħrajn qabel l-interessi tiegħu. (1 Kor. 13:4, 5) Dan l-interess sinċier f’oħrajn intwera bit-tħassib profond tiegħu f’li jara li kulħadd jiġi trattat b’mod ġust u bi ħniena. Minbarra dan, l-imħabba u l-interess bla limitu li kellu fin-nies dehru biċ-ċar fiż-żelu tiegħu għas-servizz tal-għalqa.
Għalkemm tassew jiddispjaċina li tlifna membru tal-familja Betel u tal-fratellanza globali li tant kien maħbub u li kien jaħdem iebes, aħna nifirħu meta niftakru fis-servizz leali taʼ Ħuna Jaracz lil Ġeħova għal ħafna snin. Aħna ċerti li hu ‘ta prova tal-fedeltà tiegħu sal-mewt, u li rċieva l-kuruna tal-ħajja.’ (Riv. 2:10) Aħna ċerti wkoll li ‘dak li għamel mar dritt miegħu.’—Riv. 14:13.