Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Irċievi l-Ispirtu t’Alla, Mhux tad-Dinja

Irċievi l-Ispirtu t’Alla, Mhux tad-Dinja

“Issa aħna ma rċivejniex l-​ispirtu tad-​dinja, imma l-​ispirtu li ġej mingħand Alla, biex inkunu nafu dak li ngħatalna b’qalb tajba minn Alla.”—1 KOR. 2:12.

1, 2. (a) Il-​Kristjani veri f’liema sens jinsabu fi gwerra? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

 IL-​KRISTJANI veri jinsabu fi gwerra! L-​għadu tagħna hu b’saħħtu, qarrieq, u tal-​esperjenza fil-​battalja. F’idejh għandu arma tant effettiva li l-​maġġuranza tal-​umanità ġew influwenzati minnha. Imma m’għandniex għalfejn inħossuna bla qawwa jew bla tama. (Is. 41:10) Aħna għandna difiża disponibbli għalina li tiflaħ għal kwalunkwe attakk u li ħadd qatt m’għelibha.

2 Il-​gwerra tagħna mhijiex waħda letterali; hija waħda spiritwali. L-​għadu tagħna hu Satana x-​Xitan, u l-​iktar arma li juża hi “l-​ispirtu tad-​dinja.” (1 Kor. 2:12) Id-​difiża ewlenija tagħna kontra l-​attakki tiegħu hi l-​ispirtu t’Alla. Sabiex nibqgħu ħajjin f’din il-​gwerra u nżommu relazzjoni mill-​qrib m’Alla, ikollna bżonn nitolbu għall-​ispirtu t’Alla u mbagħad nuru l-​frott tiegħu f’ħajjitna. (Gal. 5:22, 23) Iżda, x’inhu l-​ispirtu tad-​dinja, u kif sar ikollu daqshekk influwenza? Kif nistgħu nindunaw jekk l-​ispirtu tad-​dinja huwiex qed jinfluwenzana? U x’nistgħu nitgħallmu minn Ġesù dwar li nirċievu l-​ispirtu t’Alla u nirreżistu l-​ispirtu tad-​dinja?

L-​Ispirtu tad-​Dinja —Għala Daqshekk Mifrux?

3. X’inhu l-​ispirtu tad-​dinja?

3 L-​ispirtu taʼ din id-​dinja joriġina minn Satana, “il-​ħakkiem taʼ din id-​dinja,” u hu jopponi lill-​ispirtu qaddis t’Alla. (Ġw. 12:31; 14:30; 1 Ġw. 5:19) Huwa l-​inklinazzjoni dominanti tad-​dinja, u jqanqal lin-​nies jaġixxu. Din il-​forza tqanqal lis-​soċjetà umana biex tidħol f’konflitt mar-​rieda u l-​iskop t’Alla.

4, 5. L-​ispirtu li jippromwovi Satana kif sar daqshekk mifrux?

4 L-​ispirtu li jippromwovi Satana kif sar daqshekk mifrux? L-​ewwel, Satana qarraq b’Eva fil-​ġnien tal-​Għeden. Hu kkonvinċieha li l-​indipendenza minn Alla kienet se ttejbilha ħajjitha. (Ġen. 3:13) Kemm ħareġ taʼ giddieb! (Ġw. 8:44) Imbagħad, permezz tal-​mara, hu wassal lil Adam biex isir żleali lejn Ġeħova. Minħabba l-​għażla t’Adam, l-​umanità nbiegħet fid-​dnub, u b’hekk wirtet it-​tendenza li tiġi influwenzata mill-​ispirtu tad-​diżubbidjenza taʼ Satana.—Aqra Efesin 2:1-​3.

5 Satana influwenza wkoll lil għadd kbir t’anġli, li saru demonji. (Riv. 12:3, 4) Dan it-​tradiment lejn Alla seħħ xi żmien qabel id-​Dilluvju taʼ żmien Noè. Dawk l-​anġli emmnu li kienu se jkunu aħjar jekk ma jżommux il-​pożizzjonijiet li ngħataw fis-​sema u minflok, bla mistħija jissodisfaw ix-​xewqat mhux naturali tagħhom fuq l-​art. (Ġuda 6) Bl-​għajnuna taʼ dawn id-​demonji, li issa marru lura fil-​qasam tal-​ispirti, Satana qed “iqarraq bl-​art abitata kollha.” (Riv. 12:9) B’sogħba, il-​maġġuranza tal-​bnedmin ma jafux dwar din l-​influwenza demonika.—2 Kor. 4:4.

Qiegħed Jinfluwenzak l-​Ispirtu tad-​Dinja?

6. L-​ispirtu tad-​dinja b’liema mod biss jistaʼ jinfluwenzana?

6 Ħafna mhumiex konxji tal-​influwenza taʼ Satana, imma l-​Kristjani veri tgħallmu mill-​Bibbja kif Satana jinfluwenzana. (2 Kor. 2:11) Infatti, l-​ispirtu tad-​dinja ma jistax jinfluwenzana sakemm aħna ma nħalluhx jagħmel dan. Ejja neżaminaw erbaʼ mistoqsijiet li se jgħinuna naraw jekk aħniex influwenzati mill-​ispirtu t’Alla jew minn dak tad-​dinja.

7. X’inhu mod wieħed kif Satana jipprova jbegħedna minn Ġeħova?

7 L-​għażla tiegħi tad-​divertiment x’tikxef dwari? (Aqra Ġakbu 3:14-​18.) Satana jipprova jbegħedna minn Alla billi jkebbes f’qalbna mħabba għall-​vjolenza. Ix-​Xitan jaf li Ġeħova jobgħod lil kull min iħobb il-​vjolenza. (Salm 11:5) Għalhekk, Satana jipprova jappella għax-​xewqat tal-​laħam tagħna billi juża l-​letteratura, il-​films, il-​mużika, u l-​logħob elettroniku—li ftit minnu jħeġġeġ lil dawk li qed jilagħbu biex jagħmluha taʼ wħud li huma immorali u krudili għall-​aħħar. Satana ma tagħmillux differenza jekk parti minn qalbna qed tħobb is-​sewwa, l-​aqwa li parti minnha qed tħobb il-​ħażen, li hu jippromwovi.—Salm 97:10.

8, 9. Liema mistoqsijiet dwar id-​divertiment għandna nistaqsu lilna nfusna?

8 Min-​naħa l-​oħra, l-​ispirtu t’Alla jqanqal lil dawk li jirċivuh biex ikunu safjin, iġibu l-​paċi, u jkunu kollhom ħniena. Nagħmlu tajjeb nistaqsu lilna nfusna, ‘Id-​divertiment li nagħżel iħeġġeġ kwalitajiet pożittivi fija?’ L-​għerf li ġej minn fuq “mhux ipokrita.” Dawk li huma influwenzati mill-​ispirtu t’Alla ma jippritkawx dwar is-​safa u l-​paċi mal-​ġirien tagħhom u mbagħad jitgħaxxqu jaraw vjolenza sadistika u immoralità fil-​privatezza taʼ darhom.

9 Ġeħova jistenna devozzjoni esklużiva. Imma Satana jikkuntenta ruħu b’sempliċi att wieħed taʼ qima, bħalma ried mingħand Ġesù. (Lq. 4:7, 8) Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Id-​divertiment li nagħżel jagħmilha possibbli għalija li nagħti lil Alla devozzjoni esklużiva? L-​għażla tiegħi tagħmilha eħfef jew itqal għalija biex nirreżisti l-​ispirtu tad-​dinja? Għandi nbiddel il-​mod kif nagħżel id-​divertiment fil-​futur?

10, 11. (a) L-​ispirtu tad-​dinja jippromwovi liema attitudni lejn l-​affarijiet materjali? (b) Il-​Kelma t’Alla, li hi ispirata mill-​ispirtu, tħeġġiġna jkollna liema attitudni?

10 X’inhi l-​attitudni tiegħi lejn l-​affarijiet materjali? (Aqra Luqa 18:24-​30.) L-​ispirtu tad-​dinja jippromwovi “x-​xewqa taʼ l-​għajnejn” billi jinkuraġġixxi r-​regħba u l-​materjaliżmu. (1 Ġw. 2:16) Dan ħeġġeġ lil ħafna jkunu determinati li jsiru għonja. (1 Tim. 6:9, 10) Dan l-​ispirtu jridna nemmnu li affarijiet materjali bir-​radam se jipprovdu sigurtà dejjiema. (Prov. 18:11) Però, jekk inħallu l-​imħabba għall-​flus tieħu post imħabbitna għal Alla, Satana se jkun kiseb rebħa. Għandna nistaqsu lilna nfusna, ‘Saret ħajti tiffoka fuq li nikseb kumditajiet u pjaċiri materjali?’

11 B’kuntrast, il-​Kelma t’Alla, li hi ispirata mill-​ispirtu, tħeġġiġna biex ikollna ħarsa bilanċjata lejn il-​flus u biex naħdmu iebes ħalli nipprovdu għall-​bżonnijiet materjali tagħna u tal-​familja. (1 Tim. 5:8) L-​ispirtu t’Alla jgħin lil min jirċivih biex jimita l-​personalità ġeneruża taʼ Ġeħova. Nies bħal dawn huma magħrufin bħala wħud li jagħtu, mhux li jieħdu. Huma jqisu lin-​nies bħala taʼ ħafna iktar valur minn sempliċi affarijiet u bil-​ferħ jaqsmu dak li għandhom meta jaffordjaw li jagħmlu hekk. (Prov. 3:27, 28) U huma qatt ma jħallu l-​ġiri wara l-​flus jieħu post il-​qima tagħhom lil Alla.

12, 13. B’kuntrast mal-​ispirtu tad-​dinja, l-​ispirtu t’Alla kif jistaʼ jeffettwana għat-​tajjeb?

12 Il-​personalità tiegħi tixbah lil liema spirtu? (Aqra Kolossin 3:8-​10, 13.) L-​ispirtu tad-​dinja jippromwovi l-​għemejjel tal-​laħam. (Gal. 5:19-​21) Aħna tassew naraw liema spirtu qed jinfluwenzana, mhux meta kollox ikun sejjer ħarir, imma meta ma jkunx, pereżempju meta xi ħu jew oħt Kristjana tinjorana, tweġġagħna, jew saħansitra tidneb kontrina. Minbarra dan, fil-​privatezza tad-​dar, jistaʼ jsir evidenti liema spirtu jikkontrollana. Jistaʼ jkun hemm bżonn li teżamina lilek innifsek. Staqsi, ‘Fl-​aħħar sitt xhur, il-​personalità tiegħi saret iktar bħal taʼ Kristu jew erġajt waqajt fid-​drawwiet ħżiena taʼ kif nitkellem u naġixxi?’

13 L-​ispirtu t’Alla jistaʼ jgħinna ‘ninżgħu l-​personalità l-​qadima bid-​drawwiet tagħha’ u nilbsu “l-​personalità l-​ġdida.” Dan se jgħinna nuru iktar imħabba u qalb tajba. Aħna se nkunu iktar lesti naħfru ’l xulxin mill-​qalb, anki jekk jidher li għandek raġuni valida biex tilmenta. M’aħniex se nibqgħu nirreaġixxu għal dak li jidher li hu inġustizzja bl-​“imrar malizzjuż u rabja u korla u twerżiq u tgħajjir.” Minflok, se nħabirku biex ‘nagħdru b’tenerezza.’—Efes. 4:31, 32.

14. Ħafna fid-​dinja kif iqisu l-​Kelma t’Alla?

14 Nirrispetta u nħobb il-​livelli morali tal-​Bibbja? (Aqra Proverbji 3:5, 6.) L-​ispirtu tad-​dinja juri rvell kontra l-​Kelma t’Alla. In-​nies li huma influwenzati minn dan l-​ispirtu jinjoraw il-​partijiet tal-​Bibbja li huma jqisuhom bħala inkonvenjenti, u minflok jippreferu t-​tradizzjonijiet u l-​filosofiji tal-​bniedem. (2 Tim. 4:3, 4) Xi wħud jinjoraw il-​Kelma t’Alla għalkollox. Uħud bħal dawn jiddubitaw l-​importanza u l-​awtentiċità tal-​Bibbja, u b’hekk isiru għorrief f’għajnejhom stess. Huma jdgħajfu l-​livelli puri tagħha dwar l-​adulterju, l-​omosesswalità, u d-​divorzju. Jgħallmu li “t-​tajjeb hu ħażin u l-​ħażin hu tajjeb.” (Is. 5:20) Ġejna aħna effettwati minn dan l-​ispirtu? Nistrieħu aħna fuq l-​għerf uman, inkluż l-​ideat tagħna stess, meta niffaċċjaw il-​problemi? Jew nistinkaw biex insegwu l-​parir tal-​Bibbja?

15. Minflok ma nistrieħu fuq l-​għerf tagħna stess, x’għandna nagħmlu?

15 L-​ispirtu t’Alla jnissel fina rispett għall-​Bibbja. Bħas-​salmista, aħna nħarsu lejn il-​Kelma t’Alla kemm bħala musbieħ għal sieqna kif ukoll bħala dawl għal triqatna. (Salm 119:105) Minflok ma nistrieħu fuq l-​għerf tagħna stess, b’fiduċja aħna nistrieħu fuq il-​Kelma miktuba t’Alla biex tgħinna nagħrfu t-​tajjeb mill-​ħażin. Aħna ma nitgħallmux biss biex nirrispettaw il-​Bibbja imma wkoll biex inħobbu l-​liġi t’Alla.—Salm 119:97.

Tgħallem mill-​Eżempju taʼ Ġesù

16. X’hemm involut f’li jkollna “l-​moħħ taʼ Kristu”?

16 Sabiex nirċievu l-​ispirtu t’Alla, għandna niżviluppaw fina nfusna “l-​moħħ taʼ Kristu.” (1 Kor. 2:16) Li jkollna “l-​istess attitudni mentali li kellu Kristu Ġesù” jirrikjedi li nkunu nafu l-​mod kif ħaseb u aġixxa u mbagħad nimitawh. (Rum. 15:5; 1 Pt. 2:21) Ikkunsidra xi modi kif nistgħu nagħmlu dan.

17, 18. (a) X’nitgħallmu minn Ġesù dwar it-​talb? (b) Għala għandna ‘nibqgħu nitolbu’?

17 Itlob għall-​ispirtu t’Alla. Qabel ma ffaċċja l-​provi, Ġesù talab għall-​ispirtu t’Alla biex jgħinu. (Lq. 22:40, 41) Aħna wkoll neħtieġu li nitolbu lil Alla għall-​ispirtu qaddis tiegħu. Ġeħova jagħtih b’mod liberu u ġeneruż lil kull min jitolbu bil-​fidi għalih. (Lq. 11:13) Ġesù qal: “Ibqgħu itolbu, u jingħatalkom; ibqgħu fittxu, u ssibu; ibqgħu ħabbtu, u jinfetħilkom. Għax kulmin jitlob jaqlaʼ, u kulmin ifittex isib, u kulmin iħabbat jinfetaħlu.”—Mt. 7:7, 8.

18 Meta tkun qed titlob għall-​ispirtu u tfittex l-​għajnuna taʼ Ġeħova, tkunx ħafif biex tieqaf titlob għalihom. Jistaʼ jkun li jkollna nitolbu iktar spiss u għal iktar tul taʼ ħin. Xi kultant, Ġeħova jħalli lil dawk li qed jitolbuh juru kemm verament huma konċernati u kemm hi ġenwina l-​fidi tagħhom qabel ma jwieġeb it-​talb tagħhom. a

19. Ġesù x’dejjem għamel, u għala għandna nimitawh?

19 Obdi lil Ġeħova kompletament. Ġesù dejjem għamel dak li għoġob lil Missieru. Għall-​inqas f’okkażjoni waħda, l-​inklinazzjoni taʼ Ġesù dwar kif jittratta ċerta sitwazzjoni kienet differenti minn dak li ried Missieru. Madankollu, b’fiduċja hu qal lil Missieru: “Ħa sseħħ ir-​rieda tiegħek u mhux tiegħi.” (Lq. 22:42) Staqsi lilek innifsek, ‘Nobdi lil Alla anki meta ma jkunx faċli li nagħmel dan?’ L-​ubbidjenza lejn Alla hi essenzjali għall-​ħajja. Hu jistħoqqlu l-​ubbidjenza kompluta tagħna ladarba hu Dak li għamilna, is-​Sors taʼ ħajjitna, u Dak li jsostnina. (Salm 95:6, 7) M’hemm xejn li jistaʼ jieħu post l-​ubbidjenza. Ma nistgħux niksbu l-​favur t’Alla mingħajrha.

20. Fuq xiex kienet iffokata l-​ħajja taʼ Ġesù, u kif nistgħu nimitawh?

20 Kun af il-​Bibbja sew. Meta kien qed jirreżisti l-​attakk dirett taʼ Satana fuq il-​fidi tiegħu, Ġesù kkwota mill-​Iskrittura. (Lq. 4:1-​13) Meta ffaċċja lill-​opponenti reliġjużi tiegħu, Ġesù uża l-​Kelma t’Alla bħala l-​awtorità tiegħu. (Mt. 15:3-​6) Il-​ħajja kollha taʼ Ġesù kienet tiffoka fuq li jkun jaf u jwettaq il-​liġi t’Alla. (Mt. 5:17) Aħna wkoll irridu nibqgħu nimlew moħħna bil-​Kelma t’Alla li ssaħħaħ il-​fidi. (Flp. 4:8, 9) Jistaʼ jkun taʼ sfida għal uħud minna biex insibu l-​ħin għall-​istudju persunali u tal-​familja. Iżda, minflok ma nsibu l-​ħin, jistaʼ jkun hemm bżonn li nagħmlu l-​ħin.—Efes. 5:15-​17.

21. X’arranġament nistgħu nużaw biex jgħinna nsiru nafu aħjar il-​Kelma t’Alla u napplikawha?

21 “L-​ilsir leali u għaqli” għenna jkollna l-​ħin għall-​istudju persunali u tal-​familja billi rranġa għal lejla tal-​Qima tal-​Familja kull ġimgħa. (Mt. 24:45) Qed tagħmel użu għaqli minn dan l-​arranġament? Sabiex tiġi megħjun tikseb il-​moħħ taʼ Kristu, tistaʼ int tikkunsidra b’mod sistematiku dak li Ġesù għallem dwar suġġetti li tagħżel fis-​sessjonijiet tal-​istudju tiegħek? Tistaʼ tuża l-​Watch Tower Publications Index biex issib diskussjonijiet informattivi dwar is-​suġġett li trid titgħallem iktar dwaru. Pereżempju, mill-​2008 sal-​2010, l-​edizzjoni taʼ din ir-​rivista għall-​pubbliku kellha serje taʼ tmien artikli bit-​tema “Dak li Nitgħallmu Minn Ġesù.” Għandek mnejn tkun trid tuża dawn l-​artikli bħala bażi għall-​istudju. Mill-​2006, ir-​rivista Stenbaħ! beda jkollha l-​artiklu “Int Kif Twieġeb?” Dan il-​kwizz ġie mħejji biex jgħinek tidħol iktar fil-​fond fl-​għarfien tiegħek tal-​Kelma t’Alla u tkabbru. Għala ma tinkludix materjal minn artikli bħal dawn fil-​programm tiegħek tal-​Qima tal-​Familja minn żmien għal żmien?

Nistgħu Nirbħu lid-​Dinja

22, 23. Xi rridu nagħmlu biex nirbħu lid-​dinja?

22 Sabiex inkunu mmexxijin mill-​ispirtu t’Alla, għandna nirreżistu l-​ispirtu tad-​dinja. Din mhijiex xi ħaġa faċli. Jistaʼ jkollok tissielet, tiġġieled bl-​aħrax. (Ġuda 3) Imma nistgħu nirbħu! Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Fid-​dinja qed ikollkom it-​tribulazzjoni, imma agħmlu kuraġġ! Jien irbaħt lid-​dinja.”—Ġw. 16:33.

23 Aħna wkoll nistgħu nirbħu lid-​dinja jekk nirreżistu l-​ispirtu tagħha u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nirċievu l-​ispirtu t’Alla. Tabilħaqq, “jekk Alla hu favur tagħna, min se jkun kontra tagħna?” (Rum. 8:31) Billi nirċievu l-​ispirtu t’Alla u nsegwu d-​direzzjoni tiegħu kif jintqalilna fil-​Bibbja, aħna se nsibu l-​kuntentizza, il-​paċi, il-​ferħ, u l-​assiguranza taʼ ħajja taʼ dejjem fid-​dinja l-​ġdida li hi fil-​qrib.

[Nota taʼ taħt]

X’Tiftakar?

• L-​ispirtu tad-​dinja għala hu daqshekk mifrux?

• Liema erbaʼ mistoqsijiet għandna nistaqsu lilna nfusna?

• Liema tliet affarijiet nitgħallmu mingħand Ġesù dwar li nirċievu l-​ispirtu t’Alla?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 8]

Xi anġli kif saru demonji?

[Stampa f’paġna 10]

Satana juża l-​ispirtu tad-​dinja biex jikkontrolla lin-​nies, iżda aħna nistgħu ma nibqgħux taħt l-​influwenza tiegħu