Naqdu lil Ġeħova bis-Serjetà Kollha
“Kulma hu serju, . . . fuq dawn l-affarijiet komplu aħsbu.”—FLP. 4:8.
1, 2. X’ġiegħel lil ħafna f’din id-dinja jkollhom ħarsa mhix serja lejn il-ħajja, u dan iqanqal liema mistoqsijiet?
AĦNA qed ngħixu f’dinja li għaddejja minn ftit mill-iktar żminijiet diffiċli u traġiċi fl-istorja tal-bniedem. Għan-nies li m’għandhomx relazzjoni mill-qrib maʼ Ġeħova, jistaʼ jkun kważi impossibbli li jkampaw maʼ dawn iż-“żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Tim. 3:1-5) Hija biss is-saħħa tagħhom stess li tgħinhom ikampaw maʼ kull ġurnata—imma b’suċċess limitat. Fi sforz biex jevitaw li jieħdu l-ħajja bis-serjetà wisq, ħafna qegħdin dejjem jipprovaw isibu xi għamla ġdida taʼ divertiment biex tgħinhom jinsew kemm hi taʼ dwejjaq ħajjithom.
2 Sabiex ikampaw mal-istress tal-ħajja, in-nies spiss ipoġġu fl-ewwel post ix-xewqa għall-pjaċiri. Jekk ma joqogħdux b’sebaʼ għajnejn, il-Kristjani jistgħu jinqabdu faċilment f’dan il-mod taʼ ħajja. Kif nistgħu nevitawh dan? Jirrikjedi li nkunu serji l-ħin kollu? Kif insibu l-bilanċ bejn il-pjaċiri u r-responsabbiltajiet? Liema prinċipji Skritturali għandhom jiggwidawna, sabiex waqt li nieħdu l-ħajja bis-serjetà, ma nkunux serji żżejjed?
Inkunu Serji f’Dinja li Tħobb il-Pjaċiri
3, 4. L-Iskrittura kif tgħinna nqisu taʼ valur il-bżonn li nkunu serji?
3 B’mod evidenti, din id-dinja tpoġġi importanza żejda fuq ‘l-imħabba għall-pjaċiri.’ (2 Tim. 3:4) L-enfasi tagħha fuq ix-xalar tistaʼ tkun taʼ theddida għall-ispiritwalità tagħna. (Prov. 21:17) B’hekk, mhux taʼ b’xejn li l-ittri tal-appostlu Pawlu lil Timotju u lil Titu jinkludu wkoll pariri rigward is-suġġett tas-serjetà. Il-fatt li napplikaw dawn il-pariri se jgħinna biex ma niġux influwenzati mill-ħarsa mhix serja tad-dinja lejn il-ħajja.—Aqra l-1 Timotju 2:1, 2; Titu 2:2-8.
4 Sekli qabel, Salamun kiteb dwar il-valur taʼ li kultant niċċaħħdu mill-pjaċiri sabiex nieħdu l-ħajja bis-serjetà. (Ekk. 3:4; 7:2-4) Tabilħaqq, peress li l-ħajja hi qasira, għandna bżonn ‘nistinkaw kemm nifilħu’ biex niksbu s-salvazzjoni. (Lq. 13:24) Għal dan l-għan, għandna bżonn inkomplu nikkunsidraw “kulma hu serju.” (Flp. 4:8, 9) Dan ifisser li noqogħdu attenti ferm għal kull aspett tal-ħajja Kristjana.
5. Liema hu aspett wieħed tal-ħajja li għandna niħduh bis-serjetà?
5 Pereżempju, biex jimitaw lil Ġeħova u lil Ġesù, il-Kristjani jieħdu bis-serjetà r-responsabbiltà tagħhom biex jaħdmu iebes. (Ġw. 5:17) Minħabba f’hekk, in-nies spiss ifaħħru lill-Kristjani veri talli huma ħaddiema ħabrieka li jistgħu jiġu fdati. Il-kapijiet tal-familji b’mod speċjali huma konċernati dwar li jaħdmu iebes biex imantnu lill-familji tagħhom. Wara kollox, li wieħed ma jipprovdix materjalment għan-nies taʼ daru hu daqslikieku ċaħad lil Ġeħova!—1 Tim. 5:8.
Ħarsa Serja Iżda Ferriħija Lejn il-Qima Tagħna
6. Kif nafu li l-qima tagħna lil Ġeħova għandna niħduha bis-serjetà?
6 Ġeħova dejjem ħadha bis-serjetà l-qima vera. Bħala eżempju, taħt il-Liġi Mosajka, l-Iżraelin esperjenzaw konsegwenzi ħorox meta tbiegħdu mill-qima tagħhom lil Ġeħova. (Ġoż. 23:12, 13) Fl-ewwel seklu E.K., is-segwaċi taʼ Kristu kellhom bżonn jistinkaw kemm jifilħu ħalli jżommu l-qima vera ħielsa minn tagħlim u attitudnijiet korrotti. (2 Ġw. 7-11; Riv. 2:14-16) Illum, il-Kristjani veri jkomplu jieħdu l-qima tagħhom bis-serjetà.—1 Tim. 6:20.
7. Pawlu kif ipprepara għall-ministeru tiegħu?
7 Il-ministeru tal-għalqa tagħna jġibilna l-ferħ. Madankollu, sabiex inżommu l-ferħ fil-ministeru, għandna naħsbu dwaru bis-serjetà u nippreparaw għalih minn qabel. Pawlu spjega kif kien iżomm f’moħħu n-nies li kien jgħallem. Hu kiteb: “Sirt kollox għal nies taʼ kull xorta, biex b’kull mezz insalva lil xi wħud. U nagħmel kollox minħabba l-aħbar tajba, biex naqsam dan il-messaġġ m’oħrajn.” (1 Kor. 9:22, 23) Pawlu kien il-gost tiegħu li jgħin lin-nies spiritwalment, u kien jaħseb bis-serjetà dwar kif kien se jipprovdi għall-ħtiġijiet speċifiċi tas-semmiegħa tiegħu. B’hekk, hu setaʼ jagħtihom inkuraġġiment u inċentiv biex iqimu lil Ġeħova.
8. (a) X’għandha tkun l-attitudni tagħna lejn in-nies li ngħallmu fil-ministeru tagħna? (b) Li nikkonduċu studju tal-Bibbja kif jistaʼ jikkontribwixxi għal ministeru ferrieħi?
8 Pawlu kemm ħadu bis-serjetà l-ministeru tiegħu? Hu kien lest li ‘jitjassar’ kemm għal Ġeħova kif ukoll għal dawk li kienu se jagħtu widen għall-messaġġ tal-verità. (Rum. 12:11; 1 Kor. 9:19) Meta nerfgħu r-responsabbiltà biex ngħallmu l-Kelma t’Alla lin-nies—jew matul studju tal-Bibbja fid-dar, jew f’laqgħa Kristjana, jew f’sessjoni tal-Qima tal-Familja—inkunu aħna konxji tar-responsabbiltà tagħna lejn dawk li nkunu qed ngħallmu? Forsi nħossu illi li nikkonduċu studju tal-Bibbja regulari hu wisq taʼ piż għalina. Veru, dan ġeneralment jirrikjedi li nieħdu mill-ħin persunali tagħna u li niddedikaw dan il-ħin biex ngħinu lil oħrajn. Imma mhuwiex dan f’armonija maʼ kliem Ġesù li “hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi”? (Atti 20:35) Li ngħallmu personalment it-triq għas-salvazzjoni lil oħrajn iġibilna hena li ma jistaʼ jitqabbel m’ebda attività oħra.
9, 10. (a) Il-fatt li nkunu serji jfisser li ma nistgħux nirrilassaw u nieħdu pjaċir inqattgħu xi ħin man-nies? Spjega. (b) X’se jgħin lil anzjan biex ikun inkuraġġanti u avviċinabbli?
9 Il-fatt li nkunu serji ma jfissirx li ma nistgħux inqattgħu xi ħin rilassanti u pjaċevoli man-nies. Ġesù ħalla l-eżempju perfett meta ħa l-ħin mhux biss biex jgħallem imma wkoll biex jirrilassa u jiżviluppa relazzjonijiet sinifikanti m’oħrajn. (Lq. 5:27-29; Ġw. 12:1, 2) Li nkunu serji lanqas ifisser li għandna dejjem nidhru li aħna riġidi. Kieku Ġesù kien persuna serja żżejjed, in-nies żgur li ma kinux se jinġibdu lejh. Saħansitra t-tfal kienu jħossuhom komdi miegħu. (Mk. 10:13-16) Kif nistgħu nimitaw il-manjiera bilanċjata taʼ Ġesù?
10 Meta rrefera għal anzjan, ħu qal: “Hu jistenna ħafna minnu nnifsu, imma qatt ma jistenna l-perfezzjoni minn oħrajn.” Jistaʼ dan jingħad dwarek? Huwa xieraq li jkollok xi stennijiet raġunevoli minn oħrajn. Pereżempju, it-tfal imorru tajjeb meta l-ġenituri jagħmlulhom miri raġunevoli u jgħinu lil uliedhom jilħquhom. B’mod simili, l-anzjani jistgħu jinkuraġġixxu lil xi individwi fil-kongregazzjoni biex jikbru spiritwalment u joffrulhom suġġerimenti speċifiċi dwar kif għandhom jagħmlu dan. Barra minn hekk, meta anzjan ikollu ħarsa bilanċjata tiegħu nnifsu, hu jkun inkuraġġanti u faċli biex tavviċinah. (Rum. 12:3) Oħt qalet: “Ma rridx li anzjan jieħu kollox biċ-ċajt. Imma jekk ikun serju l-ħin kollu, ikun diffiċli biex navviċinah.” Oħt oħra qalet li tħoss li xi anzjani “jistgħu jintimidawk ħafna għaliex ikunu serji żżejjed.” L-anzjani qatt ma jridu jnaqqsu l-ħarsa ferriħija li dawk kollha li jemmnu għandu jkollhom lejn il-qima tagħhom lil Ġeħova, “l-Alla l-hieni.”—1 Tim. 1:11.
Erfaʼ r-Responsabbiltà fil-Kongregazzjoni
11. Xi jfisser li wieħed “jirsisti” fil-kongregazzjoni?
11 Meta Pawlu inkuraġġixxa lill-irġiel fil-kongregazzjoni biex jistinkaw ħalli jikkwalifikaw għal responsabbiltà akbar, l-intenzjoni tiegħu ma kinitx biex jinkuraġġixxi lil xi ħadd jissodisfa l-ambizzjoni persunali tiegħu. Minflok, hu kiteb: “Jekk raġel qed jirsisti għal kariga taʼ indokratur, ikun jixtieq xogħol tajjeb.” (1 Tim. 3:1, 4) Sabiex l-irġiel Kristjani ‘jirsistu’ jeħtieġ li jiżviluppaw xewqa qawwija biex jaħdmu iebes ħalli jakkwistaw il-kwalitajiet spiritwali meħtiġin sabiex jaqdu lil ħuthom. Jekk ħu jkun ilu mgħammed għall-inqas sena u b’mod raġunevoli jilħaq il-kwalifiki Skritturali għal qaddejja ministerjali miktubin fl-1 Timotju 3:8-13, hu jistaʼ jiġi rikkmandat għal ħatra. Innota li vers 8 jistqarr speċifikament: “Bl-istess mod, il-qaddejja ministerjali għandhom ikunu serji.”
12, 13. Iddeskrivi xi modi kif l-aħwa ġuvintur jistgħu jirsistu għar-responsabbiltà.
12 Int ħu mgħammed serju fl-aħħar snin tal-adoloxxenza tiegħek? Hemm diversi modi kif tistaʼ tirsisti. Wieħed minnhom hu billi ttejjeb is-sehem persunali tiegħek fil-ministeru tal-għalqa. Int it-tip li tieħu pjaċir taħdem maʼ aħwa taʼ kull età fis-servizz tal-għalqa? Qed tipprova ssib lil xi ħadd li tistaʼ tistudja l-Bibbja miegħu? Meta tikkonduċi studju tal-Bibbja skont is-suġġerimenti mogħtijin fil-laqgħat Kristjani, int se ttejjeb l-abbiltà tiegħek li tgħallem. Iktar minn hekk, se titgħallem turi l-empatija għal dak li jkun qed jitgħallem it-triqat taʼ Ġeħova. Hekk kif l-istudent tiegħek jibda jara l-ħtieġa biex jagħmel xi bidliet, int se titgħallem—bil-paċenzja u bit-tattika—tgħinu japplika l-prinċipji Bibliċi.
13 Intom l-aħwa ġuvintur tistgħu tagħmlu lilkom infuskom disponibbli għal uħud akbar fil-kongregazzjoni, billi toffru li tgħinuhom bi kwalunkwe mod possibbli. Tistgħu wkoll turu li għandkom interess fid-dehra tas-Sala tas-Saltna, billi tagħtu daqqa t’id ħalli żżommuha nadifa u pulita. Meta toffru l-għajnuna bi kwalunkwe mod li tistgħu, ir-rieda tagħkom li tgħinu tagħti evidenza li intom serji dwar il-ministeru tagħkom. Bħal Timotju, intom tistgħu titgħallmu tieħdu ħsieb ġenwinament il-bżonnijiet tal-kongregazzjoni.—Aqra Filippin 2:19-22.
14. L-aħwa ġuvintur kif jistgħu ‘jingħaddu minn prova’ biex juru “jekk jistħoqqilhomx” jaqdu fil-kongregazzjoni?
14 Anzjani, ħudu ħsieb li tagħtu xi inkarigi lill-aħwa ġuvintur li qed jagħmlu ħilithom biex ‘jaħarbu mix-xewqat li jistaʼ jkollhom fiż-żgħożija’ u li qed jiġru wara “s-sewwa, il-fidi, l-imħabba, il-paċi,” flimkien maʼ kwalitajiet serji oħrajn. (2 Tim. 2:22) Billi tagħtuhom x’jagħmlu fil-kongregazzjoni, huma jistgħu ‘jingħaddu minn prova’ biex taraw “jekk jistħoqqilhomx” jerfgħu xi responsabbiltà, u b’hekk ‘kulħadd jara li qed javanzaw.’—1 Tim. 3:10; 4:15.
Kif Nuru s-Serjetà fil-Kongregazzjoni u fil-Familja
15. Skont l-1 Timotju 5:1, 2, kif nistgħu nuru s-serjetà fil-mod kif inqisu lil oħrajn?
15 Is-serjetà tinkludi li nagħtu dinjità lil ħutna rġiel u nisa. Fil-parir tiegħu lil Timotju, Pawlu indirizza l-ħtieġa li nqisu lil oħrajn bir-rispett. (Aqra l-1 Timotju 5:1, 2.) Dan hu importanti speċjalment meta nittrattaw maʼ dawk tas-sess oppost. L-eżempju taʼ Ġob fil-mod kif qies lin-nisa bid-dinjità, speċjalment lil martu, hu taʼ min jimitah. Hu għamel sforz kuxjenzjuż biex ma jħarisx b’xenqa lejn mara oħra. (Ġob 31:1) Jekk nieħdu lil ħutna bis-serjetà żgur li m’aħniex se nitkessħu magħhom jew nagħmlu xi ħaġa li biha ħu jew oħt tħossha skomda meta tkun ħdejna. Hu importanti speċjalment li tingħata dinjità meta tnejn min-nies ikollhom relazzjoni romantika bil-ħsieb li jiżżewġu. Kristjan serju qatt ma se jilgħab bl-emozzjonijiet taʼ xi ħadd mis-sess oppost.—Prov. 12:22.
16. Agħmel kuntrast bejn il-ħarsa li għandhom xi wħud fid-dinja lejn l-irwol tar-raġel u l-missier u bejn kif il-Bibbja tiddeskrivi l-irwol tiegħu.
16 Irridu noqogħdu attenti wkoll biex inżommu ħarsa serja lejn l-irwoli tagħna fil-familja mogħtijin minn Alla. Id-dinja taʼ Satana tirredikola l-irwol tar-raġel u l-missier. L-industrija tad-divertiment tieħu pjaċir li lill-irġiel u lill-missirijiet tagħmilhom jidhru li jistħoqqilhom biss it-twaqqigħ għaċ-ċajt u d-diżrispett. Madankollu, l-Iskrittura tpoġġi responsabbiltà kbira fuq ir-raġel, billi tinkarigah bħala “l-kap taʼ martu.”—Efes. 5:23; 1 Kor. 11:3.
17. Spjega kif il-parteċipazzjoni tagħna fil-qima tal-familja tistaʼ turi li aħna serji dwar ir-responsabbiltajiet tagħna.
17 Raġel għandu mnejn jipprovdi materjalment għall-familja tiegħu. Imma jekk ma jipprovdix direzzjoni spiritwali, ikun qed juri nuqqas taʼ għaqal u għerf. (Dt. 6:6, 7) B’hekk, l-1 Timotju 3:4 jgħid li jekk int il-kap taʼ familja u qed tirsisti għal privileġġi oħrajn fil-kongregazzjoni, int trid tkun raġel li qed “jippresiedi fuq dawk taʼ daru bl-aħjar mod u li għandu wliedu sottomessi bis-serjetà kollha.” F’dan ir-rigward, staqsi lilek innifsek, ‘Inwarrab ħin regolarment jien għall-qima tal-familja?’ Xi nisa Kristjani kważi jkollhom jittallbu biex żewġhom jieħu t-tmexxija spiritwalment. Kull raġel għandu jikkunsidra bis-serjetà l-mod kif iqis din ir-responsabbiltà. Naturalment, mara Kristjana għandha tkun qed tappoġġa l-arranġament tal-Qima tal-Familja u tikkoopera maʼ żewġha biex dan l-arranġament ikun taʼ suċċess.
18. It-tfal kif jistgħu jitgħallmu jkunu serji?
18 It-tfal ukoll jiġu inkuraġġiti biex il-ħajja jiħduha bis-serjetà. (Ekk. 12:1) M’hemm xejn ħażin jekk it-tfal żgħar jitgħallmu jaħdmu iebes, billi jagħmlu xi faċendi fid-dar li jkunu raġunevoli għall-età u l-abbiltajiet tagħhom. (Lam. 3:27) Meta s-Sultan David kien għadu tifel, hu tgħallem ikun ragħaj mill-aħjar. Tgħallem ukoll ikun mużiċist u kompożitur—abbiltajiet li wassluh biex jaqdi quddiem il-ħakkiem taʼ Iżrael. (1 Sam. 16:11, 12, 18-21) Bla dubju, bħala tfajjel, David kien jaf kif ikun ċajtier, imma tgħallem ukoll snajjaʼ taʼ valur li iktar tard użahom biex ifaħħar lil Ġeħova. Il-kapaċitajiet tiegħu bħala ragħaj għenuh imexxi lill-ġens taʼ Iżrael bil-paċenzja. Intom iż-żgħażagħ, kemm qed titgħallmu abbiltajiet utli—abbiltajiet li se jgħinukom taqdu lill-Ħallieq tagħkom u jippreparawkom għal responsabbiltajiet fil-futur?
Inżommu Ħarsa Bilanċjata
19, 20. Liema attitudni bilanċjata int determinat li żżomm lejk innifsek u lejn il-qima tiegħek?
19 Aħna lkoll nistgħu nistinkaw biex inżommu ħarsa bilanċjata lejna nfusna—ma nkunux serji żżejjed. Ma rridux insiru ‘ġusti żżejjed.’ (Ekk. 7:16) Xi umoriżmu jistaʼ jkisser mumenti taʼ tensjoni, sew fid-dar, sew fuq ix-xogħol, u sew meta nittrattaw maʼ ħutna l-Kristjani. Il-membri tal-familja jridu joqogħdu attenti biex ma jikkritikawx iżżejjed sabiex ma jeqirdux il-kenn taʼ paċi li għandu jkun hemm fid-dar. Fil-kongregazzjoni, ilkoll kemm aħna nistgħu nitgħallmu nidħqu maʼ ħaddieħor u ngawdu l-kumpanija taʼ oħrajn, billi nżommu l-konversazzjonijiet u l-mod taʼ tagħlim tagħna inkuraġġanti u pożittiv.—2 Kor. 13:10; Efes. 4:29.
20 Aħna ngħixu f’dinja li ma tiħux lil Ġeħova jew il-liġijiet tiegħu bis-serjetà. B’kuntrast, in-nies taʼ Ġeħova huma konċernati ferm dwar l-ubbidjenza u l-lealtà tagħhom lejn Alla tagħhom. Xi pjaċir li tkun parti minn din is-sħubija kbira ħafna taʼ nies li jqimu lil Ġeħova “bis-serjetà kollha”! Jalla nkunu determinati li nżommu ħarsa serja lejn il-ħajja u l-qima tagħna.
Int Kif Twieġeb?
• Għala m’għandniex niġu influwenzati mill-ħarsa mhix serja tad-dinja lejn il-ħajja?
• Kif nistgħu nkunu ferħanin, iżda serji, dwar il-ministeru tagħna?
• Il-ħarsa tagħna lejn li nerfgħu r-responsabbiltà kif turi jekk aħniex serji jew le?
• Spjega għala hi kwistjoni serja li nagħtu dinjità lil ħutna u lill-membri tal-familja.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampi f’paġna 12]
Raġel irid jipprovdi kemm materjalment u kemm spiritwalment għall-familja tiegħu