Min Hi l-Iktar Persuna Importanti f’Ħajtek?
“Int waħdek l-Iktar Għoli fuq l-art kollha.”—SALM 83:18.
1, 2. Sabiex niksbu salvazzjoni persunali, għala mhuwiex biżżejjed li sempliċement inkunu nafu l-isem taʼ Ġeħova?
FORSI l-ewwel darba li qatt rajt l-isem taʼ Ġeħova kienet meta urewhulek f’Salm 83:18. Għandu mnejn kont sorpriż meta qrajt dan il-kliem: “Biex in-nies ikunu jafu li int, li ismek hu Ġeħova, int waħdek l-Iktar Għoli fuq l-art kollha.” Bla dubju, minn dakinhar ’l hawn użajt proprju din l-iskrittura biex tgħin lil oħrajn isiru jafu lil Ġeħova, l-Alla tagħna taʼ mħabba.—Rum. 10:12, 13.
2 Għalkemm huwa importanti li n-nies isiru jafu l-isem taʼ Ġeħova, dan biss mhuwiex biżżejjed. Innota kif is-salmista jenfasizza saħansitra verità oħra essenzjali għas-salvazzjoni tagħna meta jgħid: “Int waħdek l-Iktar Għoli fuq l-art kollha.” Tabilħaqq, Ġeħova huwa l-iktar Persuna importanti fl-univers kollu. Bħala l-Ħallieq taʼ kollox, hu għandu d-dritt jistenna sottomissjoni sħiħa mill-ħlejjaq kollha tiegħu. (Riv. 4:11) Mela, mhux taʼ b’xejn li jeħtieġ nistaqsu lilna nfusna, ‘Min hi l-iktar persuna importanti fil-ħajja tiegħi? Hu vitali li nanalizzaw bir-reqqa t-tweġiba tagħna għal din il-mistoqsija!
Il-Kwistjoni fil-Ġnien tal-Għeden
3, 4. Satana kif irnexxielu jqarraq b’Eva, u x’kien ir-riżultat?
3 Is-serjetà taʼ din il-mistoqsija tistaʼ tidher b’mod ċar mill-ġrajjiet li seħħew fil-ġnien tal-Għeden. Hemmhekk l-anġlu ribelluż, li iktar tard sar magħruf bħala Satana x-Xitan, ħajjar lill-ewwel mara, Eva, biex tpoġġi x-xewqat tagħha stess qabel il-kmand taʼ Ġeħova sabiex ma tikolx mill-frott taʼ siġra partikulari. (Ġen. 2:17; 2 Kor. 11:3) Hi ċediet għal din it-tentazzjoni, u b’hekk uriet nuqqas taʼ rispett lejn is-sovranità taʼ Ġeħova. Eva ma rrikonoxxietx lil Ġeħova bħala l-iktar Persuna importanti f’ħajjitha. Iżda Satana kif irnexxielu jqarraq b’Eva?
4 Satana uża diversi tattiki sottili fil-konversazzjoni tiegħu maʼ Eva. (Aqra Ġenesi 3:1-5.) L-ewwel, Satana m’użax l-isem persunali taʼ Ġeħova. Hu sempliċement tkellem dwar “Alla.” B’kuntrast, il-kittieb tal-Ġenesi uża l-isem persunali taʼ Ġeħova fl-ewwel vers taʼ dan il-kapitlu. It-tieni, minflok maʼ tkellem dwar il-“kmand” t’Alla, Satana sempliċement staqsa dwar dak li kien ‘qalilhom’ Alla. (Ġen. 2:16) B’dan il-mod sottili, Satana għandu mnejn ipprova jnaqqas l-importanza taʼ dan il-kmand. It-tielet, għalkemm kellem lil Eva biss, hu uża verbi tat-tieni persuna fil-plural, jiġifieri “qalilkom” u “tieklu.” Meta għamel hekk, hu għandu mnejn ipprova jimmira lejn il-kburija tagħha, u pprova jġegħelha tħossha importanti—bħallikieku kienet hi l-kelliema tagħha nfisha u taʼ żewġha. X’kien ir-riżultat? Bla dubju, Eva, b’mod prużuntuż iddeċidiet li titkellem f’isimha u f’isem żewġha billi qalet lis-serp: “Mill-frott tas-siġar tal-ġnien nistgħu nieklu.”
5. (a) Satana fuq xiex ġiegħel lil Eva tiffoka l-attenzjoni tagħha? (b) Eva xi wriet meta kielet mill-frott projbit?
5 Ukoll, Satana għawweġ il-fatti. Hu implika li Alla ma kienx ġust meta ta l-kmand lil Adam u Eva dwar li ‘ma setgħux jieklu minn kull siġra tal-ġnien.’ Imbagħad, Satana ġiegħel lil Eva taħseb dwarha nfisha u kif setgħet ittejjeb iċ-ċirkustanzi tagħha billi ssir “bħal Alla.” Eventwalment, hu rnexxielu jġegħelha tiffoka fuq is-siġra u fuq il-frott tagħha minflok ma tiffoka fuq ir-relazzjoni tagħha mal-Wieħed li kien taha kollox. (Aqra Ġenesi 3:6.) B’sogħba, billi kielet mill-frott, Eva wriet li Ġeħova ma kienx l-iktar Persuna importanti f’ħajjitha.
Il-Kwistjoni fi Żmien Ġob
6. Satana b’liema mod qajjem dubju dwar l-integrità li wera Ġob, u għalhekk Ġob liema opportunità ngħata?
6 Sekli wara, ir-raġel leali Ġob kellu l-opportunità juri min kienet l-iktar Persuna importanti f’ħajtu. Meta Ġeħova affronta lil Satana bil-kwistjoni tal-integrità li wera Ġob, Satana wieġeb lura: “Huwa għalxejn li Ġob jibżaʼ minn Alla?” (Aqra Ġob 1:7-10.) Satana ma ċaħadx li Ġob kien ubbidjenti lejn Alla. Minflok, hu qajjem dubju dwar il-motivi taʼ Ġob. B’makakkerija, Satana akkuża lil Ġob li hu jaqdi lil Ġeħova sforz l-interess egoistiku u mhux sforz l-imħabba li għandu għalih. Ġob biss setaʼ jwieġeb għal din l-akkuża, u hu ngħata l-opportunità biex jagħmel proprju dan.
7, 8. Ġob maʼ liema provi kellu jkampa, u x’wera billi baqaʼ jistabar b’lealtà?
7 Ġeħova ppermetta lil Satana jġib serje taʼ diżastri fuq Ġob, wieħed wara l-ieħor. (Ġob 1:12-19) Ġob kif irreaġixxa għal din il-bidla drastika fiċ-ċirkustanzi? Jintqalilna li hu “ma dinibx u ma qalx li Alla għamel xi ħaġa mhix xierqa.” (Ġob 1:22) Iżda din ir-reazzjoni xorta ma rnexxilhiex tagħlaqlu ħalqu lil Satana. Hu kompla jilmenta: “Ġild għal ġild, u raġel jagħti kulma jkollu għal ruħu.” a (Ġob 2:4) Satana allega li jekk Ġob kellu jsofri b’mod persunali, hu kien se jiddeċiedi li Ġeħova ma kienx l-iktar Persuna importanti fil-ħajja tiegħu.
8 Minħabba l-marda diżgustanti li kellu, il-ġilda taʼ Ġob rabbiet il-qxur u bdiet tnixxi. Imbagħad kellu pressjoni minn martu biex jisħet lil Alla u jmut. (Ġob 7:5) Iktar tard, tliet farraġa foloz akkużawh bi mġiba mhix xierqa. (Ġob 2:11-13; 8:2-6; 22:2, 3) Madankollu, matul din is-sofferenza kollha, Ġob irrifjuta li jċedi l-integrità tiegħu. (Aqra Ġob 2:9, 10.) Permezz tas-sabar tiegħu b’lealtà, hu wera li Ġeħova kien l-iktar Persuna importanti f’ħajtu. Ġob wera wkoll li huwa possibbli li bniedem imperfett iwieġeb, avolja b’mod limitat, għall-akkużi foloz tax-Xitan.—Qabbel Proverbji 27:11.
It-Tweġiba Perfetta taʼ Ġesù
9. (a) Satana kif ipprova jittanta lil Ġesù rigward ix-xewqa persunali tiegħu? (b) X’kienet ir-reazzjoni taʼ Ġesù għal din it-tentazzjoni?
9 Ftit wara l-magħmudija taʼ Ġesù, Satana pprova jħajjar lil Ġesù biex ifittex ix-xewqat tiegħu stess minflok maʼ jżomm lil Ġeħova bħala l-iktar Persuna importanti f’ħajtu. Ix-Xitan ippreżenta lil Ġesù bi tliet tentazzjonijiet. L-ewwel, hu pprova jimmira lejn ix-xewqa tal-laħam billi ttanta lil Ġesù biex ibiddel il-ġebel f’ħobż. (Mt. 4:2, 3) Ġesù kien għadu kif sam għal 40 jum u kellu ħafna ġuħ. Għalhekk, ix-Xitan ħeġġu juża l-qawwiet mirakolużi tiegħu b’mod ħażin ħalli jaqtaʼ l-ġuħ li kellu. Ġesù kif irreaġixxa? Kuntrarju għal Eva, Ġesù ffoka fuq il-Kelma taʼ Ġeħova u mill-ewwel irrifjuta t-tentazzjoni.—Aqra Mattew 4:4.
10. Satana għala sfida lil Ġesù biex jinxteħet għal isfel mill-ogħla ħajt tat-tempju?
10 Ukoll, Satana pprova jittanta lil Ġesù biex jirreaġixxi b’mod egoist. Hu sfida lil Ġesù biex jinxteħet għal isfel mill-ogħla ħajt tat-tempju. (Mt. 4:5, 6) Satana x’kien qed jittama li jwettaq? Satana allega li jekk Ġesù ma jweġġax bil-waqgħa, dan kellu jagħti prova li hu kien “bin Alla.” Ovvjament, ix-Xitan ried li Ġesù jkun konċernat iżżejjed dwar ir-reputazzjoni tiegħu, saħansitra sal-punt li juri kemm jaf. Satana kien jaf li persuna tistaʼ taċċetta sfida perikoluża minħabba l-kburija u x-xewqa li ma taqax għaċ-ċajt mal-oħrajn. Satana applika ħażin skrittura, iżda Ġesù wera li Hu kellu fehma sħiħa tal-Kelma taʼ Ġeħova. (Aqra Mattew 4:7.) Billi rrifjuta din l-isfida, Ġesù reġaʼ ta prova li Ġeħova kien l-iktar Persuna importanti f’ħajtu.
11. Ġesù għala rrifjuta l-offerta tas-saltniet kollha tad-dinja li għamillu x-Xitan?
11 Fl-aħħar tentattiv iddisprat tiegħu, Satana offra lil Ġesù s-saltniet kollha tad-dinja. (Mt. 4:8, 9) Ġesù mill-ewwel irrifjuta l-offerta. Hu rrealizza li jekk jaċċettaha kien ifisser li hu qed jirrifjuta s-sovranità taʼ Ġeħova, jiġifieri proprju d-dritt t’Alla li jkun l-Iktar Għoli. (Aqra Mattew 4:10.) F’kull każ, Ġesù wieġeb lil Satana billi kkwota l-iskritturi li fihom hemm l-isem persunali taʼ Ġeħova.
12. Liema deċiżjoni diffiċli ffaċċja Ġesù hekk kif qorob lejn it-tmiem taʼ ħajtu fuq l-art, u x’nitgħallmu mill-mod kif irreaġixxa għal din id-deċiżjoni?
12 Hekk kif Ġesù qorob lejn it-tmiem taʼ ħajtu fuq l-art, hu ġie affrontat b’deċiżjoni diffiċli ħafna. Matul il-ministeru tiegħu, hu wera li kien lest li joffri ħajtu bħala sagrifiċċju. (Mt. 20:17-19, 28; Lq. 12:50; Ġw. 16:28) Madankollu, Ġesù rrealizza li kien se jiġi wkoll akkużat b’mod falz u misjub ħati taħt is-sistema legali Lhudija u mbagħad maqtul bħala midgħi. Dan l-aspett tal-mewt tiegħu inkwetah bil-kbir. Hu talab: “Missier, jekk jistaʼ jkun, ħa jitwarrab minni dan il-kies.” Iżda hu kompla jgħid: “Madankollu, mhux kif irrid jien, imma kif trid int.” (Mt. 26:39) Bla dubju taʼ xejn, il-lealtà taʼ Ġesù sal-mewt tiegħu tat prova taʼ min kienet l-iktar Persuna importanti f’ħajtu!
It-Tweġiba Tagħna għall-Mistoqsija
13. Liema lezzjonijiet tgħallimna s’issa mill-eżempji taʼ Eva, Ġob, u Ġesù Kristu?
13 X’tgħallimna s’issa? Mill-każ taʼ Eva, aħna nitgħallmu li dawk li jċedu għax-xewqat egoistiċi jew għas-sentimenti taʼ importanza persunali juru li Ġeħova mhuwiex l-iktar Persuna importanti f’ħajjithom. Għall-kuntrarju, mill-ħajja taʼ integrità li għex Ġob nitgħallmu li saħansitra bnedmin imperfetti jistgħu juru li jpoġġu lil Ġeħova l-ewwel billi jissaportu l-għawġ b’lealtà—anki meta ma jifhmux kompletament il-kaġun taʼ dawn il-problemi. (Ġak. 5:11) Fl-aħħar nett, l-eżempju taʼ Ġesù jgħallimna biex inkunu lesti nsofru l-għajb u biex ma nagħtux wisq importanza lir-reputazzjoni tagħna. (Ebr. 12:2) Imma kif nistgħu napplikaw dawn it-tagħlimiet?
14, 15. Ir-reazzjoni taʼ Ġesù għat-tentazzjoni kif kienet differenti minn dik taʼ Eva, u kif nistgħu nimitaw lil Ġesù? (Ikkummenta dwar l-istampa f’paġna 18.)
14 Qatt m’għandek tħalli t-tentazzjonijiet iġegħluk tinsa lil Ġeħova. Eva ħalliet l-attenzjoni tagħha ddur lejn it-tentazzjoni li tpoġġiet direttament quddiemha. Hi rat li l-frott “kien tajjeb għall-ikel u li kien jiġbed l-għajn, iva, il-frott tas-siġra kien taʼ min jixtiequ.” (Ġen. 3:6) X’differenza mir-reazzjoni taʼ Ġesù għat-tliet tentazzjonijiet! Kull darba, hu ma ħalliex it-tentazzjoni ġġiegħlu jinsa l-konsegwenzi tal-azzjonijiet tiegħu. Hu straħ fuq il-Kelma t’Alla, kif ukoll uża l-isem taʼ Ġeħova.
15 Meta niffaċċjaw tentazzjonijiet biex nagħmlu affarijiet li ma jogħġbux lil Ġeħova, fuqiex nitfgħu l-attenzjoni tagħna? Iktar ma niffokaw fuq it-tentazzjoni, iktar se tkun qawwija din ix-xewqa ħażina. (Ġak. 1:14, 15) Jeħtieġ nieħdu azzjoni immedjata biex naqilgħu din ix-xewqa mill-għeruq, anki jekk din l-azzjoni tkun drastika daqs li bħallikieku naqilgħu xi parti minn ġisimna. (Mt. 5:29, 30) Bħal Ġesù, jeħtieġ niffokaw fuq il-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħna—kif se jeffettwaw ir-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova. Għandna niftakru f’dak li tgħid il-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Hekk biss nistgħu nagħtu prova li Ġeħova huwa l-iktar Persuna importanti f’ħajjitna.
16-18. (a) X’jistaʼ jġegħelna nħossuna skuraġġiti? (b) X’se jgħinna nkampaw f’ċirkustanzi stressanti?
16 Qatt m’għandek tħalli t-traġedji persunali jġegħluk tiħodha kontra Ġeħova bi mrar. (Prov. 19:3) Hekk kif dejjem nersqu eqreb lejn tmiem din id-dinja mill-agħar, iktar u iktar nies taʼ Ġeħova qed jiġu effettwati minn diżastri u traġedji. Aħna ma nistennewx protezzjoni mirakoluża f’dan iż-żmien. Bl-istess mod, bħal Ġob, għandna mnejn naraw li qed inħossuna skuraġġiti meta nitilfu lil xi wħud għeżież fil-mewt jew meta nbatu diffikultajiet persunali.
17 Ġob ma fehemx ir-raġuni għala Ġeħova ppermetta ċerti affarijiet jiġru, u kultant nistgħu ma nifhmux għala jiġru affarijiet ħżiena. Forsi smajna b’xi aħwa leali li mietu b’kaġun taʼ xi terremot, bħal dawk fil-Ħaiti, jew xi diżastru naturali ieħor. Jew jistaʼ jkun nafu b’xi ħadd leali li safa vittma taʼ xi att taʼ vjolenza jew taʼ xi diżgrazzja fatali. Jew inkella forsi nsibu ruħna mifnijin minħabba xi ċirkustanzi stressanti jew inġustizzji li nkunu rajna b’għajnejna stess. B’qalb muġugħa, għandna mnejn nokorbu: ‘Għala, Ġeħova? Għaliex jien? X’għamilt ħażin?’ (Ħab. 1:2, 3) X’se jgħinna nkampaw fi żminijiet bħal dawn?
18 Jeħtieġ noqogħdu attenti li ma nassumux li ġrajjiet bħal dawn jindikaw li m’għandniex l-approvazzjoni taʼ Ġeħova. Ġesù enfasizza dan il-fatt meta rrefera għal żewġ traġedji li seħħew fi żmienu. (Aqra Luqa 13:1-5.) Ħafna mill-problemi huma r-riżultat taż-“żmien u l-ġrajjiet mhux mistennijin.” (Ekk. 9:11) Iżda jkun xi jkun il-kaġun tal-għawġ tagħna, aħna nistgħu nkampaw jekk nitfgħu l-attenzjoni tagħna fuq “l-Alla taʼ kull faraġ.” Hu se jagħtina s-saħħa meħtieġa biex inkomplu nuru lealtà.—2 Kor. 1:3-6.
19, 20. X’għen lil Ġesù jissaporti sitwazzjonijiet umiljanti, u x’jistaʼ jgħin lilna nagħmlu l-istess?
19 Qatt m’għandek tħalli l-kburija jew il-biżaʼ mill-għajb isir l-attenzjoni prinċipali tiegħek. L-umiltà taʼ Ġesù ppermettietlu li ‘jxejjen lilu nnifsu u jieħu s-sura taʼ lsir.’ (Flp. 2:5-8) Hu setaʼ jissaporti ħafna sitwazzjonijiet umiljanti minħabba li straħ fuq Ġeħova. (1 Pt. 2:23, 24) Billi għamel hekk, Ġesù poġġa r-rieda taʼ Ġeħova l-ewwel, u dan wassal biex jiġi eżaltat għal pożizzjoni superjuri. (Flp. 2:9) Ġesù ħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu biex jgħixu l-istess mod taʼ ħajja.—Mt. 23:11, 12; Lq. 9:26.
20 Kultant, ċerti provi tal-fidi tagħna jistgħu jkunu imbarazzanti. Xorta waħda, għandu jkollna fiduċja bħal dik tal-appostlu Pawlu, li qal: “Minħabba f’hekk ukoll qed insofri dan, imma ma nistħix. Għax naf f’min emmint, u jien fiduċjuż li hu kapaċi jgħasses dak li fdajtlu f’idejh sa dak il-jum.”—2 Tim. 1:12.
21. Minkejja l-attitudni egoistika tad-dinja, x’inhi d-determinazzjoni tiegħek?
21 Il-Bibbja bassret li fi żmienna “n-nies ikunu jħobbu lilhom infushom.” (2 Tim. 3:2) Mela, mhux taʼ b’xejn li aħna mdawrin b’nies li għandhom attitudni taʼ ‘l-ewwel jien.’ Jalla qatt ma niċċappsu b’attitudni egoistika bħal din! Minflok, sew jekk niffaċċjaw tentazzjonijiet, sew jekk inġarrbu traġedji, u sew jekk inħabbtu wiċċna maʼ tentattivi minn oħrajn biex iġibulna għajb, ejja lkoll kemm aħna nkunu determinati li nagħtu prova li Ġeħova huwa tassew l-iktar Persuna importanti f’ħajjitna!
[Nota taʼ taħt]
a Xi studjużi tal-Bibbja jħossu li l-espressjoni “ġild għal ġild” tistaʼ timplika li Ġob b’mod egoist kien lest li jippermetti li uliedu u l-bhejjem tiegħu jitilfu ġildhom, jew ħajjithom, sakemm hu setaʼ jsalva ġildu, jew ħajtu, stess. Oħrajn iħossu li l-espressjoni tenfasizza l-fatt li xi ħadd ikun lest li jitlef ġildu, jekk dan ikun ifisser li jsalva ħajtu. Pereżempju, individwu jistaʼ jżomm driegħu mgħolli ’l fuq biex jevita li jaqlaʼ xi tir f’rasu, u b’hekk ikun lest jitlef ftit minn ġildu biex isalva ħajtu. Fissret x’fissret din l-idjoma, ovvjament kienet timplika li Ġob kien lest li jċedi kollox dment li setaʼ jsalva ħajtu.
X’Nistgħu Nitgħallmu . . .
• mill-mod kif Satana qarraq b’Eva?
• mir-reazzjoni taʼ Ġob għat-traġedji li ġarrab personalment?
• minn dak li kien l-iktar importanti għal Ġesù?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 17]
Eva ma ffokatx fuq ir-relazzjoni tagħha maʼ Ġeħova
[Stampa f’paġna 18]
Ġesù ċaħad it-tentazzjonijiet taʼ Satana u ffoka fuq li jagħmel ir-rieda taʼ Ġeħova
[Stampi f’paġna 20]
Għoti taʼ xhieda minn tinda għal oħra wara t-terremot fil-Ħaiti
Matul żminijiet t’għawġ nistgħu niffokaw fuq “l-Alla taʼ kull faraġ”