Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tassew Titgħaxxaq Int bil-Kelma t’Alla?

Tassew Titgħaxxaq Int bil-Kelma t’Alla?

“META bdejt naqra l-​Bibbja regolarment, indunajt li kont qed naqraha għax kont inħoss li hu d-​dmir tiegħi, u mhux għax kont nitgħaxxaq naqraha,” tgħid Lorraine. “Kienet diffiċli biex nifhimha, u għalhekk spiss kont nitlef il-​konċentrazzjoni.”

Individwi oħrajn jammettu li anki huma bdew jaqraw il-​Bibbja b’nofs qalb. Madankollu, huma pperseveraw minħabba li kienu jafu li l-​qari tal-​Iskrittura Mqaddsa hu xi ħaġa li suppost jagħmlu. Marc jgħid: “Huwa faċli li tħalli d-​distrazzjonijiet ifixkluk milli tagħmel il-​qari tal-​Bibbja u l-​istudju persunali. Jien kelli bżonn nitlob ħafna u nagħmel sforz kbir biex nagħmel il-​qari tal-​Bibbja parti mir-​rutina tiegħi.”

X’tistaʼ tagħmel int biex tikkultiva iktar apprezzament lejn il-​Kelma miktuba t’Alla, il-​Bibbja? Kif tistaʼ tieħu pjaċir taqraha? Ikkunsidra s-​suġġerimenti li ġejjin.

Miri u Metodi

Ibda l-​qari tiegħek tal-​Bibbja bit-​talb u b’attitudni tajba. Itlob lil Ġeħova jgħinek tiżviluppa ħeġġa biex tistudja l-​Kelma tiegħu. Itolbu bil-​ħrara ħalli jiftaħlek qalbek u moħħok biex b’hekk tifhem l-​għerf tiegħu iktar bis-​sħiħ. (Salm 119:34) Jekk ma tagħmilx hekk, l-​istudju tal-​Bibbja malajr jistaʼ jsir mekkaniku, u għandek mnejn titlef ix-​xewqa li tkompli tagħmlu. Lynn tgħid: “Xi kultant naqra ngħaġġel wisq, tant li nitlef kompletament xi punti żgħar taʼ interess. Ħafna drabi l-​punti prinċipali ma nifhimhomx sew. Madankollu, jien nitlob għar-​rażan u dan jgħinni biex inżomm moħħi ffokat.”

Apprezza dak li titgħallem. Ftakar dan: Li tifhem u tapplika l-​veritajiet tal-​Bibbja jfisser ħajtek. Għalhekk, agħmel sforz bis-​serjetà biex issib u tapplika l-​punti prattiċi. “Jien infittex il-​punti li jgħinuni nagħraf l-​attitudnijiet u l-​motivi ħżiena tiegħi,” jgħid Chris. “Huwa rifreskanti li tara kif il-​Bibbja u ħafna mill-​pubblikazzjonijiet tagħna fihom informazzjoni li hi taʼ benefiċċju għalija personalment, avolja l-​kittieba qatt ma ltaqgħu miegħi.”

Agħmel miri li tistaʼ tilħaqhom. Ipprova tgħallem xi ħaġa ġdida dwar il-​karattri Bibliċi. Jekk tfittex fl-​Insight on the Scriptures jew fil-​Watch Tower Publications Index tistaʼ tiskopri fatti li jaffaxxinawk dwar ħafna minn dawn il-​karattri. Hekk kif issir taf lill-​irġiel u lin-​nisa fil-​Bibbja bħala nies reali bis-​sentimenti u bil-​personalitajiet tagħhom, dawn se jsiru reali għalik.

Fittex modi ġodda kif tirraġuna mill-​Iskrittura. (Atti 17:2, 3) Sophia tistudja b’dan f’moħħha. Hi tgħid: “Ix-​xewqa tiegħi hi li nitgħallem u niżviluppa modi ġodda kif nirraġuna man-​nies kemm fil-​ministeru u kemm f’okkażjonijiet oħrajn, biex b’hekk inkun nistaʼ nesprimi l-​veritajiet tal-​Bibbja b’mod ċar. It-​Torri tal-​Għassa hu għodda eċċellenti biex nagħmel dan.”—2 Tim. 2:15.

Ġib quddiem għajnejk ir-​rakkonti tal-​Bibbja. Ebrej 4:12 jgħid: “Il-​kelma t’Alla hi ħajja.” Int u taqra l-​Iskrittura ħalli l-​messaġġ t’Alla jieħu l-​ħajja f’moħħok billi timmaġina dak li kienu qed jaraw il-​karattri tal-​Bibbja. Ipprova ismaʼ dak li kienu qed jisimgħu u ħoss dak li kienu qed iħossu. Qabbel l-​esperjenzi tagħhom maʼ ċirkustanzi speċifiċi f’ħajtek. Tgħallem mill-​mod kif irreaġixxew f’ċerti sitwazzjonijiet. Dan se jgħinek tifhem ir-​rakkonti Bibliċi aħjar u tiftakarhom iktar.

Iddedika ħin biex tagħmel riċerka dwar skritturi diffiċli sabiex tkun tistaʼ tifhimhom b’mod ċar. Ħalli biżżejjed ħin għal kull sessjoni taʼ studju. Għandek mnejn tiltaqaʼ maʼ mistoqsijiet ferm interessanti li jkunu jeħtieġu iktar riċerka. Fittex kliem li ma tkunx familjari miegħu, agħti kas in-​noti taʼ taħt, u ċċekkja r-​referenzi marġinali fil-​Bibbja. Iktar ma tifhem u tapplika dak li tkun qed taqra, iktar se titgħaxxaq bil-​Kelma miktuba t’Alla. Imbagħad se tkun tistaʼ tlissen il-​kliem li qal is-​salmista: “It-​tfakkiriet tiegħek [Ġeħova] jien għamilthom tiegħi għal dejjem, għax huma l-​ferħ taʼ qalbi.”—Salm 119:111.

Evita li tgħaġġel int u tistudja. Kun raġunevoli fl-​ammont taʼ ħin li twarrab għall-​istudju persunali. Sib bilanċ bejn il-​ħin li tqattaʼ fl-​istudju persunali u l-​ħin li tqattaʼ tipprepara għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Raquel tgħid: “Ħafna drabi tant inħossni stressata li ma nkunx nistaʼ nikkonċentra. Għalhekk, insib li ħinijiet qosra taʼ studju huma taʼ benefiċċju. Dan jgħinni nibbenefika bis-​sħiħ mill-​istudju tiegħi.” Chris jammetti: “Meta nkun mgħaġġel, tniggiżni l-​kuxjenza għax ftit li xejn inżomm informazzjoni f’moħħi. Ġeneralment, dak li nkun studjajt ma jinżilx f’qalbi.” Għaldaqstant, ħu l-​ħin tiegħek.

Żviluppa xenqa akbar għall-​kelma t’Alla. L-​appostlu Pietru qal: “Bħal trabi tat-​twelid, ifformaw xenqa għall-​ħalib safi tal-​kelma, sabiex permezz tiegħu tikbru għas-​salvazzjoni.” (1 Pt. 2:2) It-​trabi m’għandhomx għalfejn jiżviluppaw xenqa għall-​ħalib. Din tiġi naturali. Iżda l-​Iskrittura stess tgħid li għandna nifformaw xenqa għall-​kelma t’Alla. Jekk sempliċement taqra paġna waħda mill-​Bibbja kuljum, din ix-​xenqa malajr tiġi. Dak li għall-​ewwel jistaʼ jidher diffiċli, malajr isir pjaċevoli.

Immedita fuq siltiet Skritturali. Anki meta timmedita fuq dak li taqra tikseb benefiċċji kbar. Dan se jgħinek tgħaqqad flimkien is-​suġġetti spiritwali li tkun studjajt fil-​fond dwarhom. Ma ddumx ma tikseb l-​għerf li jistaʼ jiġi mqabbel maʼ kullana tal-​perli—xi ħaġa li verament tgħaxxqek.—Salm 19:14; Prov. 3:3.

Ħin Użat Tajjeb

Sabiex iżżomm drawwiet tajbin taʼ studju jeħtieġ sforz, iżda l-​barkiet huma bla għadd. B’hekk, se ttejjeb il-​fehma tiegħek tal-​Iskrittura. (Ebr. 5:12-​14) L-​għerf u d-​dixxerniment li tikseb mill-​Iskrittura ispirata se jġibu ferħ, pjaċir, u paċi. L-​għerf li nsibu fil-​kelma ispirata t’Alla hu bħal “siġra tal-​ħajja” għal dawk li jifhmuha u japplikawha.—Prov. 3:13-​18.

Studju fil-​fond tal-​Kelma t’Alla jistaʼ jiżviluppa fik qalb li tifhem. (Prov. 15:14) Dan se jgħinek tagħti pariri sinċieri li jkollhom bażi soda fuq il-​Bibbja. Jekk tħalli d-​deċiżjonijiet tiegħek ikunu gwidati minn dak li taqra mill-​Iskrittura u mill-​pubblikazzjonijiet tal-​“ilsir leali u għaqli,” int se tħoss l-​effett li tħalli fuqek il-​Kelma ispirata taʼ Ġeħova, jiġifieri li tirrifreskak u tissodak. (Mt. 24:45) Int se tkun iktar pożittiv, ottimist, u ffokat fuq affarijiet spiritwali. Iktar minn hekk, se tirnexxi f’dak kollu li għandu x’jaqsam mar-​relazzjoni tiegħek m’Alla.—Salm 1:2, 3.

Qalb mimlija mħabba għal Alla se tqanqlek biex taqsam il-​fidi tiegħek m’oħrajn. Dan ukoll jistaʼ jkun premjanti ferm. Sophia qiegħda taħdem fuq li tiftakar u tuża varjetà taʼ skritturi biex tiġbed l-​attenzjoni tal-​inkwilini u tagħmel il-​ministeru Kristjan tagħha effettiv u eċċitanti. Hi tgħid: “Kemm hu eċċitanti li nara r-​reazzjoni tan-​nies meta naqralhom espressjonijiet mill-​Bibbja!”

Madankollu, l-​iktar benefiċċju li jispikka taʼ li titgħaxxaq bil-​Kelma t’Alla hu li jkollok relazzjoni mill-​qrib maʼ Ġeħova. L-​istudju tal-​Bibbja se jgħinek tkun taf il-​liġijiet t’Alla u tapprezza l-​imħabba, il-​ġenerożità, u l-​ġustizzja tiegħu. L-​ebda ħaġa li tistaʼ tagħmel mhi iktar importanti jew iktar premjanti. Intefaʼ b’ruħek u b’ġismek fl-​istudju tal-​Kelma t’Alla. Jekk tagħmel dan tkun qed tinvesti ħinek tajjeb.—Salm 19:7-​11.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 5]

IL-​QARI TAL-​KELMA T’ALLA: MIRI U METODI

▪ Ibda l-​qari tiegħek tal-​Bibbja bit-​talb u b’attitudni tajba.

▪ Apprezza dak li titgħallem.

▪ Agħmel miri li tistaʼ tilħaqhom.

▪ Fittex modi ġodda kif tirraġuna mill-​Iskrittura.

▪ Ġib quddiem għajnejk ir-​rakkonti tal-​Bibbja.

▪ Iddedika ħin biex tagħmel riċerka dwar skritturi diffiċli sabiex tkun tistaʼ tifhimhom b’mod ċar.

▪ Evita li tgħaġġel int u tistudja.

▪ Żviluppa xenqa akbar għall-​kelma t’Alla.

▪ Immedita fuq siltiet Skritturali.

[Stampa f’paġna 4]

Meta tkun qed taqra xi rakkont tal-​Bibbja, immaġina lilek innifsek f’sitwazzjoni simili