Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

‘Istmaw lil Dawk li Qegħdin Jaħdmu Iebes Fostkom’

‘Istmaw lil Dawk li Qegħdin Jaħdmu Iebes Fostkom’

‘Istmaw lil dawk li qegħdin jaħdmu iebes fostkom u jippresiedu fuqkom fil-​Mulej u jwissukom.’—1 TESS. 5:12.

1, 2. (a) X’kienet is-​sitwazzjoni tal-​kongregazzjoni taʼ Tessalonika meta Pawlu kitbilhom l-​ewwel ittra tiegħu? (b) Pawlu x’inkuraġġiehom jagħmlu lit-​Tessalonikin?

 IMMAĠINA li int membru tal-​kongregazzjoni taʼ Tessalonika tal-​ewwel seklu, waħda mill-​iktar bikrin li ġiet stabbilita fl-​Ewropa. L-​appostlu Pawlu kien qattaʼ żmien konsiderevoli jibni lill-​aħwa taʼ hemmhekk. Forsi ħatar lil xi anzjani biex jieħdu t-​tmexxija, kif kien il-​każ f’kongregazzjonijiet oħrajn. (Atti 14:23) Imma wara li ġiet ifformata l-​kongregazzjoni, il-​Lhud organizzaw marmalja biex ikeċċu lil Pawlu u lil Sila mill-​belt. Il-​Kristjani li baqgħu hemmhekk jistaʼ jkun li ħassewhom abbandunati, forsi saħansitra beżgħanin.

2 Wieħed jistaʼ jifhem li wara li telaq minn Tessalonika, Pawlu kien imħasseb dwar il-​kongregazzjoni li kienet għadha kif ġiet stabbilita. Hu pprova jmur lura, imma ‘Satana għalaqlu t-​triq.’ Għalhekk, hu bagħat lil Timotju biex jinkuraġġixxi lill-​kongregazzjoni. (1 Tess. 2:18; 3:2) Meta Timotju ġab lura rapport tajjeb, Pawlu tqanqal biex jikteb ittra lit-​Tessalonikin. Fost affarijiet oħrajn, Pawlu inkuraġġiehom biex ‘jistmaw lil dawk li qegħdin jippresiedu fuqhom.’—Aqra l-1 Tessalonikin 5:12, 13.

3. Il-​Kristjani Tessalonikin liema raġunijiet kellhom biex lill-​anzjani juruhom konsiderazzjoni kbira?

3 L-​aħwa rġiel li kienu qed jieħdu t-​tmexxija fost il-​Kristjani Tessalonikin ma kellhomx esperjenza daqs Pawlu u sħabu li kienu jivvjaġġaw miegħu; lanqas ma kellhom il-​wirt spiritwali għani tal-​anzjani f’Ġerusalemm. Wara kollox, il-​kongregazzjoni kienet ilha teżisti inqas minn sena! Xorta waħda, dawk fil-​kongregazzjoni kellhom raġun ikunu grati lejn l-​anzjani tagħhom, li kienu “qegħdin jaħdmu iebes” u “jippresiedu” fuq il-​kongregazzjoni u ‘jwissu’ lill-​aħwa. Tabilħaqq, kellhom raġuni tajba biex lill-​anzjani ‘juruhom konsiderazzjoni kbira bl-​imħabba.’ Wara din ir-​rikjesta, Pawlu tahom il-​parir biex ‘iżommu l-​paċi bejniethom.’ Kieku kont hemmhekk f’Tessalonika, kont int turi apprezzament profond għax-​xogħol tal-​anzjani? Kif tqishom int l-​“irġiel bħala għotjiet” li Alla permezz taʼ Kristu pprovda fil-​kongregazzjoni tiegħek?—Efes. 4:8.

“Jaħdmu Iebes”

4, 5. Fi żmien Pawlu, l-​anzjani għala kellhom jaħdmu iebes biex jgħallmu lill-​kongregazzjoni, u llum għala hu l-​istess?

4 Wara li bagħtu lil Pawlu u lil Sila lejn Berea, l-​anzjani f’Tessalonika kif kienu qed “jaħdmu iebes”? Peress li imitaw lil Pawlu, huma bla dubju għallmu lill-​kongregazzjoni billi użaw l-​Iskrittura. Forsi int tistaqsi, ‘Il-​Kristjani Tessalonikin apprezzawha l-​Kelma t’Alla?’ Wara kollox, il-​Bibbja tgħid li l-​Bereani “kellhom moħħ nobbli iktar minn dawk f’Tessalonika, għax . . . kienu jeżaminaw bir-​reqqa l-​Iskrittura kuljum.” (Atti 17:11) Madankollu, il-​paragun kien mal-​Lhud Tessalonikin inġenerali, mhux mal-​Kristjani. Dawk li saru jemmnu ‘ma laqgħux il-​kelma t’Alla bħala l-​kelma tal-​bnedmin, imma bħala l-​kelma t’Alla.’ (1 Tess. 2:13) L-​anzjani bilfors li ħadmu iebes biex jitimgħu spiritwalment lil uħud bħal dawn.

5 Illum, il-​klassi tal-​ilsir leali u għaqli qed tipprovdi “ikel fiż-​żmien xieraq” lill-​merħla t’Alla. (Mt. 24:45) Bid-​direzzjoni tal-​ilsir, l-​anzjani lokali jaħdmu iebes biex jitimgħu spiritwalment lil ħuthom. L-​aħwa fil-​kongregazzjoni jistaʼ jkun li għandhom letteratura bbażata fuq il-​Bibbja bl-​abbundanza, u b’xi lingwi hemm disponibbli għodod bħall-​Watch Tower Publications Index u l-​Watchtower Library fuq CD-​ROM. Biex jissodisfaw il-​ħtiġijiet spiritwali tal-​kongregazzjoni, l-​anzjani jqattgħu sigħat sħaħ jippreparaw għas-​sehem li jkollhom fil-​laqgħat sabiex ikunu jistgħu jippreżentaw b’mod effettiv l-​informazzjoni li jkunu inkarigati biha. Qatt ħsibt dwar kemm iqattgħu ħin l-​anzjani biex jippreparaw is-​sehem tagħhom għal-​laqgħat, l-​assembleat, u l-​konvenzjonijiet?

6, 7. (a) L-​anzjani f’Tessalonika liema eżempju kellhom f’Pawlu? (b) Illum, għala jistaʼ jkun taʼ sfida biex l-​anzjani jimitaw lil Pawlu?

6 L-​anzjani f’Tessalonika ftakru fl-​eżempju mill-​aħjar li ħalla Pawlu f’li jirgħa l-​merħla. Ma kinitx kwistjoni taʼ li jagħmel żjarat b’mod mekkaniku jew bi dmir. Bħalma ddiskutejna fl-​artiklu taʼ qabel, Pawlu ‘ġab ruħu b’mod ġentili, bħal kif omm li treddaʼ tgħożż lil uliedha.’ (Aqra l-1 Tessalonikin 2:7, 8.) Kien saħansitra lest li ‘jagħti ruħu stess’! Meta kienu jagħmlu x-​xogħol pastorali, l-​anzjani kellhom ikunu bħalu.

7 Illum, ir-​rgħajja Kristjani jimitaw lil Pawlu billi jgħożżu lill-​merħla. Minħabba l-​karattru tagħhom, xi nagħaġ għandhom mnejn ma jkunux daqstant dħulin u soċjevoli. Xorta waħda, l-​anzjani jipprovaw juru d-​dehen u ‘jsibu t-​tajjeb’ fihom. (Prov. 16:20) Veru, peress li hu imperfett, anzjan forsi jkollu jissielet biex ikollu ħarsa pożittiva lejn kull individwu. Madankollu, hekk kif jagħmel l-​almu tiegħu biex ikun ġentili maʼ kulħadd, m’għandux hu jiġi mfaħħar għall-​isforzi tiegħu biex ikun ragħaj tajjeb taħt Kristu?

8, 9. X’inhuma xi modi kif l-​anzjani taʼ żmienna ‘jgħassulna ruħna’?

8 Aħna lkoll għandna raġun biex ‘inkunu sottomessi’ lejn l-​anzjani. Kif kiteb Pawlu, ‘huma qed jgħassulna ruħna.’ (Ebr. 13:17) Din l-​espressjoni tfakkarna fir-​ragħaj letterali li jiċċaħħad mill-​irqad sabiex jipproteġi lill-​merħla tiegħu. Bl-​istess mod, l-​anzjani llum għandhom mnejn jissagrifikaw xi rqad waqt li jieħdu ħsieb il-​ħtiġijiet taʼ dawk li għandhom saħħa batuta jew problemi emozzjonali jew spiritwali. Pereżempju, aħwa rġiel li jaqdu fil-​Kumitati taʼ Koordinazzjoni mal-​Isptarijiet ġew imqajmin mill-​irqad biex iwieġbu għal xi kriżi medika. Madankollu, meta niffaċċjaw sitwazzjoni bħal din, kemm napprezzawha l-​għajnuna tagħhom!

9 Anzjani li jaqdu f’Kumitati Reġjonali tal-​Bini u f’kumitati tal-​għajnuna jaħdmu iebes biex jgħinu lil ħuthom. Huma jixirqilhom l-​appoġġ tagħna b’qalbna kollha! Ikkunsidra l-​għajnuna li ngħatat wara li ċ-​Ċiklun Nargis laqat lill-​Mjanmar fl-​2008. Biex jasal sal-​Kongregazzjoni taʼ Bothingone fir-​reġjun tad-​Delta Irrawaddy li ntlaqat sew, it-​tim tal-​għajnuna vvjaġġa fuq medda art imħarbta u miżgħuda b’iġsma mejtin. Meta l-​aħwa lokali raw li l-​ewwel tim tal-​għajnuna li wasal Bothingone kien jinkludi lil wieħed li qabel kien l-​indokratur tas-​circuit tagħhom, huma għajtu: “Ara! L-​indokratur tas-​circuit tagħna! Ġeħova salvana!” Tapprezzah int ix-​xogħol iebes li jagħmlu l-​anzjani lejl u nhar? Xi anzjani jinħatru biex jaqdu f’kumitati speċjali ħalli jittrattaw problemi ġudizzjarji diffiċli. Dawn l-​anzjani ma jiftaħrux b’dak li jkunu wettqu; madankollu, dawk li jibbenefikaw mill-​għajnuna tagħhom huma tassew grati.—Mt. 6:2-​4.

10. L-​anzjani jagħmlu liema xogħol li hu inqas magħruf?

10 Illum, ħafna anzjani għandhom ukoll xogħol taʼ kitba x’jagħmlu. Pereżempju, il-​koordinatur tal-​ġemgħa tal-​anzjani jipprepara l-​iskedi għal-​laqgħat taʼ kull ġimgħa. Is-​segretarju tal-​kongregazzjoni jħejji r-​rapporti tas-​servizz tal-​għalqa taʼ kull xahar u taʼ kull sena. L-​indokratur tal-​iskola jagħmel l-​iskeda tal-​iskola bir-​reqqa u bil-​ħsieb. Kull tliet xhur, ir-​rekords tal-​kontijiet tal-​kongregazzjoni jiġu awditjati. L-​anzjani jaqraw ittri li jirċievu mingħand l-​uffiċċju tal-​fergħa u japplikaw id-​direzzjoni li tgħin biex tinżamm “l-​unità fil-​fidi.” (Efes. 4:3, 13) Permezz tal-​isforzi t’anzjani bħal dawn li jaħdmu iebes, “isir kollox bid-​deċenza u bl-​ordni.”—1 Kor. 14:40.

“Jippresiedu Fuqkom”

11, 12. Min jippresiedi fuq il-​kongregazzjoni, u dan x’jinvolvi?

11 Pawlu ddeskriva lill-​anzjani li jaħdmu iebes taʼ Tessalonika bħala li qed “jippresiedu” fuq il-​kongregazzjoni. Il-​kelma bil-​lingwa oriġinali timplika li wieħed “jieqaf quddiem” u tistaʼ tiġi tradotta “jidderieġi; jieħu t-​tmexxija fost.” (1 Tess. 5:12) Pawlu rrefera għall-​istess anzjani bħala li qed “jaħdmu iebes.” Hu ma kienx qed jitkellem dwar “indokratur li jippresiedi” wieħed, imma dwar l-​anzjani kollha fil-​kongregazzjoni. Illum, il-​biċċa l-​kbira mill-​anzjani jkunu minn taʼ quddiem fil-​kongregazzjoni u jikkonduċu l-​laqgħat. L-​aġġustament reċenti biex jintuża t-​titlu “koordinatur tal-​ġemgħa tal-​anzjani” jgħinna nqisu lill-​anzjani kollha bħala membri taʼ ġisem magħqud.

12 Li “jippresiedu” fuq il-​kongregazzjoni jinvolvi iktar milli wieħed jgħallem biss. L-​istess espressjoni tintuża fl-​1 Timotju 3:4. Pawlu qal li indokratur għandu jkun “raġel li jippresiedi fuq dawk taʼ daru bl-​aħjar mod u li għandu wliedu sottomessi bis-​serjetà kollha.” Hawnhekk l-​espressjoni “jippresiedu fuq” ovvjament tinkludi mhux biss li jgħallem lil uliedu, imma wkoll li jieħu t-​tmexxija fil-​familja u jkollu “wliedu sottomessi.” Iva, l-​anzjani jieħdu t-​tmexxija fil-​kongregazzjoni, u b’hekk jgħinu lil kulħadd biex ikun sottomess lejn Ġeħova.—1 Tim. 3:5.

13. Għala jistaʼ jieħu l-​ħin biex jaslu għal deċiżjoni f’laqgħa tal-​anzjani?

13 Sabiex jippresiedu sew fuq il-​merħla, l-​anzjani jiddiskutu bejniethom il-​bżonnijiet tal-​kongregazzjoni u l-​aħjar mod kif jistgħu jgħinuha. Għandu mnejn ikun iktar effiċjenti jekk anzjan wieħed jieħu d-​deċiżjonijiet kollha. Madankollu, peress li jsegwu l-​eżempju tal-​ġemgħa li tiggverna tal-​ewwel seklu, il-​ġemgħat tal-​anzjani fi żmienna jiddiskutu l-​kwistjonijiet bil-​libertà, billi jfittxu l-​gwida mill-​Iskrittura. Il-​mira tagħhom hi li japplikaw il-​prinċipji Skritturali għall-​bżonnijiet tal-​kongregazzjoni lokali. Dan ikun l-​iktar effettiv meta kull anzjan jipprepara għal-​laqgħat tal-​anzjani, billi jikkunsidra l-​Iskrittura u l-​linji taʼ gwida mill-​klassi tal-​ilsir leali u għaqli. Naturalment, dan jieħu l-​ħin. Meta jkun hemm nuqqas taʼ qbil, kif ġara meta l-​ġemgħa li tiggverna tal-​ewwel seklu kkunsidrat il-​kwistjoni taċ-​ċirkonċiżjoni, jistaʼ jkun meħtieġ iktar ħin u riċerka biex jaslu għal qbil ibbażat fuq l-​Iskrittura.—Atti 15:2, 6, 7, 12-​14, 28.

14. Tapprezzah int il-​fatt li l-​ġemgħa tal-​anzjani taħdem flimkien f’unità? Għala tħossok hekk?

14 X’jistaʼ jiġri jekk anzjan jinsisti li għandha tgħaddi tiegħu jew jipprova jippromwovi l-​ideat tiegħu stess? Jew x’jiġri jekk xi ħadd—bħal Dijotrefe fl-​ewwel seklu—jiżraʼ żrieragħ taʼ nuqqas taʼ qbil? (3 Ġw. 9, 10) Żgur li se ssofri l-​kongregazzjoni kollha kemm hi. Jekk Satana pprova jfixkel lill-​kongregazzjoni tal-​ewwel seklu, nistgħu nkunu ċerti li hu jrid ifixkel il-​paċi tal-​kongregazzjoni tal-​lum. Hu jistaʼ jappella għal tendenzi umani egoistiċi, bħalma hi x-​xewqa għall-​prominenza. B’hekk, l-​anzjani għandhom bżonn jikkultivaw l-​umiltà u jaħdmu flimkien bħala ġisem magħqud. Kemm napprezzawha l-​umiltà tal-​anzjani li tassew jikkooperaw bħala ġemgħa!

“Iwissukom”

15. L-​anzjani liema motiv ikollhom meta jwissu lil xi ħu jew oħt?

15 Pawlu mbagħad enfasizza xogħol diffiċli iżda importanti tal-​anzjani: li jwissu lill-​merħla. Fl-​Iskrittura Griega Kristjana, Pawlu biss uża t-​terminu Grieg tradott “iwissi.” Dan jistaʼ jirreferi għal parir qawwi imma ma jindikax ostilità. (Atti 20:31; 2 Tess. 3:15) Pereżempju, Pawlu kiteb lill-​Korintin: “Mhux qed niktbilkom dan biex inġegħelkom tistħu, imma biex inwiddibkom [jew, inwissikom] bħala wliedi maħbubin.” (1 Kor. 4:14) Il-​motiv tiegħu wara t-​twissija kien tħassib bi mħabba għal oħrajn.

16. L-​anzjani jagħmlu tajjeb li jżommu f’moħħhom liema ħaġa meta jwissu lil oħrajn?

16 L-​anzjani jżommu f’moħħhom kemm hi importanti l-​manjiera kif iwissu lil oħrajn. Huma jistinkaw biex jimitaw lil Pawlu billi jkunu qalbhom tajba, juru mħabba, u jkunu t’għajnuna. (Aqra l-1 Tessalonikin 2:11, 12.) M’għandniex xi ngħidu, l-​anzjani ‘jżommu sod mal-​kelma li tistaʼ tafdaha, biex ikunu jistgħu jħeġġu bit-​tagħlim mimli saħħa.’—Titu 1:5-​9.

17, 18. X’għandek iżżomm f’moħħok jekk tingħata twissija minn xi anzjan?

17 Naturalment, l-​anzjani huma imperfetti u għandhom mnejn jgħidu xi affarijiet li iktar tard jiddispjaċihom li qaluhom. (1 Slat. 8:46; Ġak. 3:8) Ukoll, l-​anzjani jafu li għall-​aħwa spiritwali, li jingħataw parir normalment ma jkunx “taʼ ferħ, imma taʼ niket.” (Ebr. 12:11) Għalhekk, meta anzjan iwissi lil xi ħadd, hu x’aktarx li jagħmel dan wara li jkun ikkunsidra sew il-​kwistjoni u talab dwarha. Jekk ġejt imwissi, tapprezzah int it-​tħassib bi mħabba taʼ dan l-​anzjan?

18 Suppost li kellek problema taʼ saħħa li dehret li ma setgħetx tiġi spjegata medikament. Imbagħad tabib identifika l-​problema b’mod korrett, imma d-​dijanjosi kienet pjuttost iebsa biex taċċettaha. Kont int se tiħodha kontra dan it-​tabib? Le! Anki jekk irrikkmandalek li tagħmel operazzjoni, int x’aktarx li kont se taqbel mal-​kura, għax temmen li hi għall-​benefiċċju tiegħek. Il-​mod kif it-​tabib wassallek l-​informazzjoni setaʼ kellu effett fuq is-​sentimenti tiegħek, imma kont se tħalli dan jiddetermina d-​deċiżjoni tiegħek? Probabbilment li le. Bl-​istess mod, tħallix il-​mod kif tiġi mwissi jżommok lura milli tismaʼ minn dawk li Ġeħova u Ġesù qed jużaw biex jgħidulek kif tistaʼ tgħin jew tipproteġi lilek innifsek spiritwalment.

Apprezza l-​Provvediment tal-​Anzjani Mingħand Ġeħova

19, 20. Kif tistaʼ turi apprezzament lejn l-​“irġiel bħala għotjiet”?

19 X’tagħmel kieku tirċievi xi għotja magħmula speċjalment għalik? Se turi l-​apprezzament tiegħek billi tużaha? L-​“irġiel bħala għotjiet” huma dak li pprovda għalik Ġeħova permezz taʼ Ġesù Kristu. Mod wieħed kif tistaʼ turi l-​gratitudni tiegħek lejn dawn l-​għotjiet hu billi tismaʼ bl-​attenzjoni t-​taħditiet li jingħataw mill-​anzjani u billi tipprova tapplika l-​punti li jsemmu. Tistaʼ wkoll turi l-​apprezzament tiegħek billi tagħmel kummenti siewja fil-​laqgħat. Appoġġa x-​xogħol li fih l-​anzjani qed jieħdu t-​tmexxija, bħal ngħidu aħna l-​ministeru tas-​saltna. Jekk ibbenefikajt minn xi parir li ngħatajt minn ċertu anzjan, għala ma tgħidlux li bbenefikajt? Iżjed minn hekk, għala ma turix l-​apprezzament tiegħek lejn il-​familji tal-​anzjani? Ftakar, biex anzjan jaħdem iebes fil-​kongregazzjoni, il-​familja tiegħu qed tissagrifika l-​ħin li tqattaʼ miegħu.

20 Iva, għandna ħafna raġunijiet biex nuru l-​gratitudni lejn l-​anzjani, li qed jaħdmu iebes fostna, jippresiedu fuqna, u jwissuna. Dawn l-​“irġiel bħala għotjiet” huma verament provvediment bi mħabba mingħand Ġeħova!

Tiftakar Int?

• Il-​Kristjani Tessalonikin liema raġunijiet kellhom biex japprezzaw lil dawk li kienu qed jieħdu t-​tmexxija fosthom?

• L-​anzjani fil-​kongregazzjoni tiegħek kif jaħdmu iebes għalik?

• Kif tibbenefika int mill-​fatt li l-​anzjani jippresiedu fuqek?

• Jekk tiġi mwissi minn xi anzjan, x’għandek iżżomm f’moħħok?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 27]

Tapprezzahom int il-​ħafna modi li bihom l-​anzjani jirgħu lill-​kongregazzjoni?