Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Tirnexxi fi Triqtek”—Kif?

“Tirnexxi fi Triqtek”—Kif?

“IS-​SUĊĊESS”—kelma li tiġbed l-​attenzjoni! Xi wħud avanzaw fil-​karriera tagħhom u rnexxielhom isiru sinjuri u famużi. Oħrajn ħolmu dwar is-​suċċess imma fallew kompletament.

Is-​suċċess kważi jiddependi għalkollox minn fuq xiex tiffoka f’ħajtek. Żewġ aspetti importanti oħrajn huma kif tuża l-​ħin u l-​enerġija tiegħek u jekk turix l-​inizjattiva.

Ħafna Kristjani sabu li meta jkollhom sehem sħiħ fil-​ministeru jħossu sodisfazzjon kbir. Il-​fatt li s-​servizz full-​time jagħmluh il-​karriera tagħhom għen kemm liż-​żgħar kif ukoll lill-​kbar biex jirnexxu. Madankollu, xi wħud forsi jħossu li l-​ministeru mhuwiex daqshekk interessanti u jagħtuh post sekondarju f’ħajjithom hekk kif jiġru wara miri oħrajn. Dan għala forsi jiġri? X’tistaʼ tagħmel biex tibqaʼ ffokat fuq dak li hu tassew taʼ valur? U int kif tistaʼ “tirnexxi fi triqtek”?—Ġoż. 1:8.

Attivitajiet u Passatempi Barra l-​Ħin tal-​Iskola

Iż-​żgħażagħ Kristjani għandhom bżonn iżommu l-​bilanċ xieraq bejn li jaqdu lill-​Alla l-​veru u bejn li jieħdu sehem f’attivitajiet oħrajn. Dawk li jagħmlu hekk se jirnexxu f’ħajjithom u jixirqilhom tifħir mill-​qalb.

Però, xi żgħażagħ Kristjani jsiru involuti sew f’attivitajiet u passatempi barra l-​ħin tal-​iskola. Attivitajiet bħal dawn forsi ma jkunux oġġezzjonabbli fihom infushom. Madankollu, iż-​żgħażagħ Kristjani għandhom jistaqsu lilhom infushom: ‘Dawn l-​attivitajiet kemm se jieħdu mill-​ħin tiegħi? Xi ngħidu dwar is-​sħubija? Għal liema tip t’attitudni se nkun espost meta nieħu sehem f’dawn l-​attivitajiet? U ħajti fuq xiex tistaʼ tibda tiffoka?’ Int x’aktarx li tirrealizza li dak li jkun jistaʼ tant isir ossessjonat b’attivitajiet bħal dawn li ma tantx jifdallu ħin jew enerġija biex iżomm relazzjoni m’Alla. Għalhekk, tistaʼ tara għala hu importanti li tagħmel il-​prijoritajiet.—Efes. 5:15-​17.

Ikkunsidra l-​każ taʼ Wiktor. a Hu jirrakkonta: “Meta kelli 12-​il sena ngħaqadt maʼ klabb tal-​volleyball. Maż-​żmien irbaħt ħafna rigali u premjijiet. Kelli opportunità nsir famuż.” Maż-​żmien, Wiktor sar inkwetat dwar l-​effett li l-​involviment tiegħu fl-​isport kien qed ikollu fuq l-​ispiritwalità tiegħu. Ġurnata minnhom, marret għajnu bih meta kien qed jipprova jaqra l-​Bibbja. Ukoll, hu induna li ftit li xejn kien qed jikseb ferħ mill-​ministeru tal-​għalqa. “L-​isport seraqli l-​enerġija tiegħi, u ma domtx ma rrealizzajt li kien ukoll qed jisraqli ż-​żelu spiritwali tiegħi. Kont naf li ma kontx qed nagħmel kulma stajt.”

Edukazzjoni Iktar Għolja

Kristjan għandu obbligu Skritturali biex jieħu ħsieb lil familtu, u dan jinkludi li jipprovdi għall-​bżonnijiet materjali tagħhom. (1 Tim. 5:8) Xorta waħda, jirrikjedi dan verament lawrja mill-​kulleġġ jew mill-​università?

Ikun tajjeb li nikkunsidraw x’effett jistaʼ jkollha l-​edukazzjoni iktar għolja fuq ir-​relazzjoni taʼ dak li jkun maʼ Ġeħova. Ejja nikkunsidraw dan billi naraw eżempju Skritturali.

Baruk kien is-​segretarju tal-​profeta Ġeremija. Kien hemm żmien meta, minflok ma ffoka fuq il-​privileġġi li kellu f’li jaqdi lil Ġeħova, Baruk sar ambizzjuż. Ġeħova nnota dan u permezz taʼ Ġeremija wissieh: “Int qed tfittex ħwejjeġ kbar għalik innifsek. Tibqax tfittixhom.”—Ġer. 45:5.

X’kienu l-​“ħwejjeġ kbar” li Baruk baqaʼ jfittex? Forsi kien tħajjar jagħmel isem għalih innifsu fis-​sistema Lhudija. Jew il-​ħwejjeġ kbar setgħu kienu l-​prosperità materjali. Kien x’kien il-​każ, ma kienx għadu qed jagħti prijorità lill-​affarijiet iktar importanti, dawk li kienu taʼ valur spiritwali. (Flp. 1:10) Però, Baruk evidentement semaʼ mit-​twissija taʼ Ġeħova permezz taʼ Ġeremija, u b’hekk kiseb ruħu bħala priża.—Ġer. 43:6.

X’nistgħu nitgħallmu minn dan ir-​rakkont? Il-​parir li ngħata Baruk jindika li kien hemm xi ħaġa mhix f’lokha. Kien qed ifittex ħwejjeġ kbar għalih innifsu. Jekk għandek mezz biex tmantni lilek innifsek, verament għandek bżonn tqattaʼ ħin, flus, u sforz fuq iktar edukazzjoni sempliċement biex tilħaq xewqat persunali jew dawk tal-​ġenituri tiegħek jew qraba oħrajn?

Ikkunsidra lil Grzegorz, programmatur tal-​kompjuters. Perswadut mill-​kollegi tiegħu, hu beda kors intensiv taʼ taħriġ speċjalizzat addizzjonali. U f’kemm ilna ngħidu ma kienx għad fadallu ħin għall-​affarijiet spiritwali. Hu jiftakar: “Kont dejjem inħossni nervuż. Il-​kuxjenza tiegħi niggżitni għax ma stajtx nilħaq il-​miri spiritwali li kont għamilt għalija nnifsi.”

Medhi fix-​Xogħol

Il-​Kelma t’Alla tinkuraġġixxi lill-​Kristjani veri biex ikunu beżlin u biex ikunu ħaddiema u mgħallmin responsabbli. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Kulma tagħmlu, agħmluh b’ruħkom kollha qisu għal Ġeħova, u mhux għall-​bnedmin.” (Kol. 3:22, 23) Madankollu, filwaqt li l-​bżulija hi taʼ min ifaħħarha, hemm bżonn taʼ xi ħaġa iktar—relazzjoni tajba mal-​Ħallieq tagħna. (Ekk. 12:13) Jekk Kristjan isir medhi fix-​xogħol sekulari tiegħu, l-​affarijiet spiritwali jistgħu faċilment jispiċċaw fit-​tieni post.

Jekk Kristjan isir medhi fix-​xogħol sekulari jistaʼ jispiċċa jħossu għajjien wisq biex iżomm il-​bilanċ spiritwali tiegħu stess u biex jgħin lil familtu. Is-​Sultan Salamun osserva li żewġ idejn “mimlijin bix-​xogħol iebes” spiss jinvolvu “ġiri wara r-​riħ.” Jekk Kristjan hu involut iżżejjed f’karriera sekulari, jistaʼ jispiċċa jkollu stress qawwi fuq tul taʼ żmien. Individwu bħal dan jistaʼ saħansitra jsir ilsir taʼ karriera sal-​punt li jħossu eżawrit. Jekk jiġri hekk, jistaʼ tassew ‘jifraħ u jgawdi affarijiet tajbin għax-​xogħol iebes kollu tiegħu’? (Ekk. 3:12, 13; 4:6) Iktar importanti minn dan, jifdallu kieku biżżejjed saħħa fiżika u emozzjonali biex iwettaq id-​dmirijiet tiegħu fil-​familja u biex jieħu sehem f’attivitajiet spiritwali?

Janusz, li jgħix fl-​Ewropa tal-​Lvant, sar medhi fin-​negozju tiegħu tal-​ġardinaġġ. Hu jiftakar: “In-​nies tad-​dinja kienu jammirawni għax kont mimli inizjattiva u kont kapaċi llesti kull biċċa xogħol li ngħatajt. Imma batiet l-​ispiritwalità tiegħi, u ma bqajtx nieħu sehem fil-​ministeru tal-​għalqa. Wara ftit waqaft nattendi l-​laqgħat. Tant kemm sirt kburi li injorajt il-​parir tal-​anzjani u tlaqt mill-​kongregazzjoni.”

Tistaʼ Tirnexxi f’Ħajtek

Ikkunsidrajna tliet attivitajiet li Kristjan jistaʼ jsus warajhom b’mod estensiv u minħabba f’hekk idgħajjef l-​ispiritwalità tiegħu. Int involut f’xi waħda minn dawn? Jekk inhu hekk, il-​mistoqsijiet, l-​iskritturi, u l-​kummenti li ġejjin jistgħu jgħinuk tagħraf jekk intix verament se tirnexxi.

Attivitajiet u passatempi barra l-​ħin tal-​iskola: Kemm int medhi f’attivitajiet bħal dawn? Qegħdin dawn jiħdulek ħin li qabel kont tiddedikah għal affarijiet spiritwali? Issib li m’intix qed tieħu gost tqattaʼ ħin maʼ sħabek fit-​twemmin daqskemm kont qabel? Jekk inhu hekk, għala ma timitax lis-​Sultan David, li bil-​ħrara talab lil Ġeħova: “Għarrafni t-​triq li għandi nimxi fiha.”—Salm 143:8.

Indokratur li jivvjaġġa għen lil Wiktor, li ssemma qabel. L-​indokratur qallu: “Int titkellem bil-​ħeġġa dwar il-​karriera tiegħek fil-​volleyball.” “Dan ġabni f’sensija,” jgħid Wiktor. “Indunajt li kont qbiżt il-​limitu. Malajr, waqaft nissieħeb maʼ ħbieb tad-​dinja fil-​klabb u fittixt ħbieb fil-​kongregazzjoni.” Illum, Wiktor qed jaqdi lil Ġeħova biż-​żelu fil-​kongregazzjoni tiegħu. Hu jirrikkmanda: “Staqsi lil sħabek, lill-​ġenituri tiegħek, jew lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni jekk indunawx jekk l-​attivitajiet tiegħek tal-​iskola ressqukx eqreb lejn Ġeħova jew jekk begħdukx minnu.”

Għala ma tgħidx lill-​anzjani fil-​kongregazzjoni tiegħek li tixtieq tirsisti għal iktar privileġġi f’li taqdi lil Alla? Tistaʼ int tagħti daqqa t’id lil dawk imdaħħlin fiż-​żmien li għandhom bżonn ftit kumpanija jew assistenza, forsi billi tgħinhom bix-​xiri jew f’xi faċendi fid-​dar tagħhom? Għandek kemm għandek żmien, forsi tistaʼ tieħu sehem fil-​ministeru full-​time, billi taqsam m’oħrajn il-​bażi għall-​ferħ tiegħek.

Edukazzjoni iktar għolja: Ġesù wissa kontra li ‘tfittex il-​glorja tiegħek stess.’ (Ġw. 7:18) Hu x’inhu dak li tiddeċiedi rigward kemm se tikseb edukazzjoni sekulari, ‘aċċertajt ruħek minn dak li hu iktar importanti’?—Flp. 1:9, 10.

Grzegorz, il-​programmatur tal-​kompjuters, għamel xi bidliet f’ħajtu. Hu qal: “Billi ħadt bis-​serjetà l-​parir tal-​anzjani, jien issimplifikajt ħajti. Indunajt li ma kellix bżonn inkompli l-​edukazzjoni sekulari tiegħi. Dan kien biss se jisraqli mill-​ħin u l-​enerġija tiegħi.” Grzegorz sar involut iktar fl-​attivitajiet tal-​kongregazzjoni. Maż-​żmien, hu ggradwa mill-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali, li issa tissejjaħ l-​Iskola tal-​Bibbja Għal Aħwa Rġiel Mhux Miżżewġin. Iva, hu ‘uża l-​ħin bl-​aħjar mod’ biex ikabbar l-​edukazzjoni divina tiegħu.—Efes. 5:16.

Xogħol sekulari: Sirt int tant medhi f’xogħlok li l-​affarijiet spiritwali qed jiġu mwarrbin fil-​ġenb? Qiegħed tuża biżżejjed ħin biex tikkomunika maʼ familtek? U fil-​kongregazzjoni, qed ittejjeb il-​kwalità tal-​inkarigi li tingħata? Xi ngħidu dwar li tieħu sehem f’konversazzjoni li tibni m’oħrajn? “Ibżaʼ mill-​Alla l-​veru u ħares il-​kmandamenti tiegħu,” u b’hekk tirċievi l-​barka kbira taʼ Ġeħova u ‘tgawdi affarijiet tajbin minħabba x-​xogħol iebes tiegħek.’—Ekk. 2:24; 12:13.

Janusz, li ssemma qabel, ma kellux suċċess kbir fin-​negozju tiegħu tal-​ġardinaġġ; minflok, in-​negozju tiegħu falla. Bla dħul u b’dejn kbir, dar lejn Ġeħova. Janusz irranġa l-​affarijiet tiegħu u issa qed jaqdi bħala pijunier regulari u anzjan fil-​kongregazzjoni. Hu jgħid: “Meta jien sodisfatt bl-​affarijiet bażiċi u fl-​istess ħin nuża l-​enerġija tiegħi għal attivitajiet spiritwali, ikolli l-​paċi tal-​moħħ u qalb kalma.”—Flp. 4:6, 7.

Warrab ftit ħin biex bl-​onestà tikkunsidra l-​motivi u l-​prijoritajiet tiegħek. Ħajtek se tkun waħda taʼ suċċess jekk taqdi lil Ġeħova. Ħajtek iffokaha fuq li taqdih.

Forsi jkollok tagħmel xi aġġustamenti, billi saħansitra telimina xi affarijiet mhux neċessarji sabiex tagħti prova lilek innifsek “dwar x’inhi r-​rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla.” (Rum. 12:2) Imma tistaʼ “tirnexxi fi triqtek” billi taqdih b’ruħek kollha.

[Nota taʼ taħt]

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 31]

Kif Tistaʼ Tirnexxi fi Triqtek?

B’tant affarijiet li jistgħu jaljenawk, kif tistaʼ tibqaʼ ffokat fuq dak li hu tassew taʼ valur? Warrab ftit ħin biex teżamina l-​motivi u l-​prijoritajiet tiegħek billi tirrifletti fuq il-​mistoqsijiet li ġejjin:

ATTIVITAJIET U PASSATEMPI BARRA L-​ĦIN TAL-​ISKOLA

▪ Għal liema tipi t’attitudnijiet tkun espost meta tieħu sehem f’dawn l-​attivitajiet?

▪ Dawn l-​attivitajiet kemm se jieħdu mill-​ħin tiegħek?

▪ Tistaʼ ħajtek tibda tiffoka fuqhom?

▪ Qegħdin dawn jiħdulek mill-​ħin li qabel kont tiddedikah għal affarijiet spiritwali?

▪ Xi ngħidu dwar is-​sħubija?

▪ Issib li iktar tieħu gost tqattaʼ ħin maʼ dawn il-​ħbieb milli maʼ sħabek fit-​twemmin?

EDUKAZZJONI IKTAR GĦOLJA

▪ Jekk għandek mezz biex tmantni lilek innifsek, verament għandek bżonn tqattaʼ ħin, flus, u sforz fuq iktar edukazzjoni?

▪ Biex tmantni lilek innifsek, verament għandek bżonn lawrja mill-​kulleġġ jew mill-​università?

▪ Kieku kif teffettwa l-​attendenza tiegħek għal-​laqgħat?

▪ ‘Aċċertajt ruħek minn dak li hu iktar importanti’?

▪ Għandek bżonn issaħħaħ il-​fiduċja tiegħek fl-​abbiltà taʼ Ġeħova biex jipprovdi għalik?

XOGĦOL

▪ L-​għażla tiegħek tħallik ‘tifraħ u tgawdi affarijiet tajbin minħabba x-​xogħol iebes tiegħek’?

▪ Jifdallek biżżejjed saħħa fiżika u emozzjonali biex twettaq id-​dmirijiet tiegħek fil-​familja u biex tieħu sehem f’attivitajiet spiritwali?

▪ Qiegħed tuża biżżejjed ħin biex tikkomunika maʼ familtek?

▪ Sirt int tant medhi f’xogħlok li l-​affarijiet spiritwali qed jiġu mwarrbin fil-​ġenb?

▪ Effettwa l-​kwalità tal-​inkarigi li tingħata?

[Stampa f’paġna 30]

Ġeħova wissa lil Baruk dwar l-​ambizzjoni