Qed Tħalli lil Ġeħova Jkun is-Sehem Tiegħek?
“Ibqgħu fittxu l-ewwel is-saltna u s-sewwa tiegħu, u dawn l-affarijiet l-oħrajn kollha se jiżdidulkom.”—MT. 6:33.
1, 2. (a) “L-Israel t’Alla” msemmi f’Galatin 6:16 lil min jirrappreżenta? (b) F’Mattew 19:28, “it-tnax-il tribù taʼ Israel” lil min jirrappreżentaw?
META taqra l-isem Iżrael fil-Bibbja, x’jiġik f’moħħok? Jiġik f’moħħok bin Iżakk, Ġakobb, li ngħata l-isem ġdid Iżrael? Jew jiġuk f’moħħok id-dixxendenti tiegħu, il-ġens taʼ Iżrael tal-qedem? Il-Bibbja titkellem ukoll dwar Iżrael spiritwali, jew “l-Israel t’Alla.” Dawn huma l-144,000, li huma midlukin bl-ispirtu qaddis biex isiru slaten u qassisin fis-sema. (Gal. 6:16; Riv. 7:4; 21:12) Imma kkunsidra r-referenza speċjali għat-12-il tribù taʼ Iżrael li tinsab f’Mattew 19:28.
2 Ġesù qal: “Fit-tiġdid taʼ kollox, meta Bin il-bniedem joqgħod bil-qiegħda fuq it-tron glorjuż tiegħu, intom li ġejtu warajja toqogħdu wkoll bil-qiegħda fuq tnax-il tron, tiġġudikaw lit-tnax-il tribù taʼ Israel.” F’dan il-vers, “it-tnax-il tribù taʼ Israel” huma dawk li se jgħixu għal dejjem fil-Ġenna fuq l-art. Il-144,000 se jaqdu bħala mħallfin u qassisin għal dawn l-uħud.
3, 4. Il-midlukin leali ħallew liema eżempju mill-aħjar?
3 Bħall-qassisin u l-Leviti tal-qedem, illum il-midlukin iqisu s-servizz tagħhom bħala privileġġ. (Num. 18:20) Il-midlukin ma jistennewx li jingħataw xi territorju jew post fuq l-art. Minflok, Rivelazzjoni 4:10, 11 juri li se jkomplu bis-servizz tagħhom lil Ġeħova fis-sema, fejn se jkunu slaten u qassisin maʼ Ġesù Kristu.—Eżek. 44:28.
4 Waqt li jkunu fuq l-art, il-midlukin jgħixu b’tali mod li juri li Ġeħova hu s-sehem tagħhom. Il-privileġġ tagħhom li jaqdu lil Alla hu l-iktar ħaġa importanti għalihom. Huma jeżerċitaw il-fidi fis-sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa u jsegwuh kontinwament, u b’hekk ‘jaċċertaw ruħhom mis-sejħa u l-għażla tagħhom.’ (2 Pt. 1:10) Iċ-ċirkustanzi u l-abbiltajiet tagħhom huma differenti. Madankollu, huma ma jużawx il-limitazzjonijiet tagħhom bħala skuża biex jagħmlu ftit fis-servizz t’Alla. Għall-kuntrarju, huma jagħtu l-ogħla prijorità lis-servizz t’Alla, billi jagħmlu kulma jistgħu. U huma jħallu eżempju tajjeb għal dawk li jittamaw li jgħixu fuq art magħmula ġenna.
5. (a) Il-Kristjani kollha kif jistaʼ jkollhom lil Ġeħova bħala s-sehem tagħhom? (b) Dan għala jistaʼ jkun taʼ sfida?
5 Kemm jekk għandna t-tama għas-sema u kemm jekk għall-art, irridu ‘niċħdu lilna nfusna u nerfgħu z-zokk tat-tortura tagħna u nibqgħu mexjin wara Kristu.’ (Mt. 16:24) Miljuni li jħarsu ’l quddiem lejn il-ħajja f’Ġenna fuq l-art qed iqimu lil Alla u jsegwu lil Kristu b’dan il-mod. Ma jkunux kuntenti li jagħmlu ftit biss jekk ikunu jafu li jistgħu jagħmlu iktar. Ħafna tqanqlu biex jissimplifikaw ħajjithom u saru pijunieri. Oħrajn jirnexxilhom ikunu pijunieri f’xi xhur kull sena. Jerġaʼ oħrajn, filwaqt li ma jistgħux jaqdu bħala pijunieri, jistinkaw fil-ministeru. Dawn l-uħud huma bħal Marija, li ferrgħet żejt ifuħ fuq Ġesù. Hu qal: “Hi għamlet ħaġa tajba miegħi. . . . Hi għamlet dak li setgħet.” (Mk. 14:6-8) Il-fatt li nagħmlu kulma nistgħu għandu mnejn ma jkunx faċli, għax ngħixu f’dinja dominata minn Satana. Madankollu, aħna nistinkaw kemm nifilħu u npoġġu l-fiduċja tagħna f’Ġeħova. Ikkunsidra kif nagħmlu dan f’erbaʼ oqsma speċifiċi.
Fittex l-Ewwel is-Saltna t’Alla
6. (a) In-nies inġenerali kif juru li sehemhom hu f’din il-ħajja biss? (b) Għala hu aħjar li jkollok il-ħarsa taʼ David?
6 Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu biex ifittxu l-ewwel is-Saltna u s-sewwa t’Alla. In-nies tad-dinja għandhom it-tendenza li jfittxu l-interessi persunali l-ewwel bħala “bnedmin taʼ din is-sistema, li sehemhom hu f’din il-ħajja.” (Aqra Salm 17:1, 13-15.) Dawn in-nies ma jimpurtahomx minn Ġeħova. Ħafna jimpurtahom biss milli jkollhom ħajja komda, irabbu familja, u jħallu wirt għal uliedhom. Sehemhom hu f’din il-ħajja biss. Mill-banda l-oħra, David kien interessat f’li jagħmel “isem tajjeb” maʼ Ġeħova. Ibnu Salamun iktar tard qal li aħna lkoll għandna nagħmlu l-istess. (Ekk. 7:1) Eżatt bħal Asaf, David kien jaf illi li jkun ħabib taʼ Ġeħova kienet l-iktar ħaġa importanti fil-ħajja. Hu tgħaxxaq jimxi m’Alla. Fi żmienna, ħafna Kristjani poġġew l-attivitajiet spiritwali qabel l-impjieg sekulari tagħhom.
7. Wieħed ħu liema barka rċieva talli poġġa l-ewwel is-Saltna?
7 Ikkunsidra lil Jean-Claude, fir-Repubblika Afrikana Ċentrali. Hu anzjan miżżewweġ u għandu tlett itfal. F’dak il-pajjiż, hu diffiċli biex issib xogħol, u l-biċċa l-kbira min-nies jagħmlu kważi minn kollox biex iżommu l-impjieg tagħhom. Jum minnhom, il-maniġer tal-produzzjoni qal lil Jean-Claude biex jibda jaħdem billejl—billi jibda fis–6:30 p.m., sebat ijiem fil-ġimgħa. Jean-Claude spjega li minbarra li jrid jappoġġa materjalment lill-familja tiegħu kellu bżonn ukoll jieħu ħsieb il-benesseri spiritwali tagħhom. Hu qal ukoll li kellu r-responsabbiltà li jgħin lill-kongregazzjoni. Kif wieġeb il-maniġer? “Jekk int fortunat biżżejjed biex għandek impjieg, trid tinsa l-affarijiet l-oħrajn kollha, inkluż martek, uliedek, u l-problemi tiegħek. Trid tiddedika ħajtek għal xogħlok—xejn ħlief xogħlok. Agħżel: jew ir-reliġjon jew ix-xogħol.” X’kont tagħmel int? Sewwa, Jean-Claude rrealizza li jekk jitlef l-impjieg tiegħu, Alla kien se jieħu ħsiebu. Xorta kien se jkollu ħafna x’jagħmel fis-servizz t’Alla, u Ġeħova kien se jgħinu jieħu ħsieb il-bżonnijiet materjali tal-familja tiegħu. B’hekk, hu attenda l-laqgħa li kien imiss. Wara dan, lesta biex imur għax-xogħol, iżda ma kienx ċert jekk kienx għad għandu impjieg. Eżatt dak il-ħin, kellu telefonata. Il-maniġer kien tkeċċa, imma ħuna kien għad kellu l-impjieg tiegħu.
8, 9. F’liema sens nistgħu nimitaw lill-qassisin u l-Leviti f’li jkollna lil Ġeħova bħala s-sehem tagħna?
8 Xi wħud minnkom forsi kontu f’sitwazzjoni simili. Għandu mnejn inkwetajtu dwar kif kontu se tieħdu ħsieb il-familja tagħkom kieku tliftu l-impjieg. (1 Tim. 5:8) Kemm jekk iffaċċjajt sfida simili u kemm jekk le, mill-esperjenza tiegħek stess x’aktarx li int ċert li qatt ma se tiddiżappunta ruħek jekk Alla jkun is-sehem tiegħek u tgħożż ħafna l-privileġġ li taqdih. Meta Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu biex jibqgħu jfittxu l-ewwel is-saltna, hu assigurahom: “Dawn l-affarijiet l-oħrajn kollha”—bħal x’se jieklu, jixorbu, jew jilbsu—“se jiżdidulkom.”—Mt. 6:33.
9 Aħseb dwar il-Leviti, li ma ngħatawx art bħala wirt. Ladarba l-qima safja kienet l-iktar ħaġa importanti għalihom, għall-ikel u x-xorb kellhom jistrieħu fuq Ġeħova, li qalilhom: ‘Jien is-sehem tagħkom.’ (Num. 18:20) Għalkemm m’aħniex naqdu f’tempju letterali kif għamlu l-qassisin u l-Leviti, aħna nistgħu nimitaw l-ispirtu tagħhom, billi jkollna l-fiduċja li Ġeħova se jipprovdilna. Il-fiduċja tagħna fil-qawwa t’Alla biex jipprovdilna ssir iktar u iktar importanti hekk kif nersqu eqreb lejn it-tmiem.—Riv. 13:17.
Fittex l-Ewwel is-Sewwa t’Alla
10, 11. Xi wħud kif poġġew il-fiduċja tagħhom f’Ġeħova b’konnessjoni mal-impjieg tagħhom? Agħti eżempju.
10 Ġesù ħeġġeġ ukoll lid-dixxipli tiegħu biex ‘jibqgħu jfittxu l-ewwel is-sewwa t’Alla.’ (Mt. 6:33) Dan ifisser li nsegwu dak li Ġeħova jaħseb li hu tajjeb u li hu ħażin u mhux dak li jaħsbu l-bnedmin. (Aqra Isaija 55:8, 9.) Forsi tiftakar li fil-passat, għadd taʼ nies kienu involuti f’li jkabbru t-tabakk jew ibigħu prodotti tat-tabakk, iħarrġu lil oħrajn għall-gwerra, jew jipproduċu u jbigħu armi tal-gwerra. Wara li kisbu l-għarfien tal-verità, il-biċċa l-kbira minnhom għażlu li jbiddlu l-impjieg tagħhom u jikkwalifikaw għall-magħmudija.—Is. 2:4; 2 Kor. 7:1; Gal. 5:14.
11 Andrew hu eżempju taʼ dan. Meta hu u martu tgħallmu dwar Ġeħova, huma kienu determinati li jaqduh. Andrew kien jogħġbu ħafna x-xogħol tiegħu imma telqu. Għala? Għax l-organizzazzjoni li kien jaħdem għaliha kienet involuta fil-gwerra u kien determinat li jpoġġi l-ewwel is-sewwa t’Alla. Meta telaq l-impjieg tiegħu, Andrew kellu żewġt itfal, ma kellu ebda dħul, u kellu biżżejjed flus biex iservuh għal ftit xhur biss. Mill-ħarsa tal-bniedem, forsi deher li ma kellu ebda ‘wirt.’ B’fiduċja f’Alla, hu fittex impjieg. Meta jħarsu lura, hu u l-familja tiegħu jistgħu jikkonfermaw li id Ġeħova mhix qasira. (Is. 59:1) Billi żammew ħajjithom sempliċi, Andrew u martu kellhom saħansitra l-privileġġ li jaqdu fis-servizz full-time. Hu jgħid li kultant huma kienu ansjużi dwar il-flus, post fejn joqogħdu, saħħithom, u dwar is-sempliċi fatt li kienu qed jixjieħu. Imma Ġeħova dejjem għenhom. Jistgħu jgħidu bla dubju taʼ xejn illi li taqdi lil Ġeħova hu premjanti u li hu l-akbar unur li jistaʼ jkollu bniedem. a—Ekk. 12:13.
12. Liema kwalità neħtieġu biex infittxu l-ewwel is-sewwa t’Alla? Semmi xi eżempji lokali.
12 Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk ikollkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, tgħidu lil din il-muntanja, ‘Inqalaʼ minn hawn u mur hemm,’ u din tmur, u xejn ma jkun impossibbli għalikom.” (Mt. 17:20) Int xorta tibqaʼ tfittex l-ewwel is-sewwa t’Alla kieku dan joħloqlok id-diffikultajiet? Jekk m’intix ċert jekk tistax tagħmel hekk, tkellem maʼ membri oħrajn tal-kongregazzjoni. L-esperjenzi tagħhom dwar kif għenhom Ġeħova żgur li se jsaħħulek il-fidi.
Apprezza l-Provvedimenti Spiritwali taʼ Ġeħova
13. Meta nistinkaw fis-servizz taʼ Ġeħova, x’nistgħu nistennew inkwantu għal provvedimenti spiritwali?
13 Jekk tgħożż il-privileġġ tiegħek li taqdi lil Ġeħova, int tistaʼ tkun ċert li hu se jipprovdilek dak li għandek bżonn fiżikament u spiritwalment, sewwasew bħalma għamel lil-Leviti. Aħseb dwar David. Għalkemm kien f’għar, setaʼ jistrieħ fuq Alla biex jipprovdilu. Aħna wkoll nistgħu nistrieħu fuq Ġeħova anki meta jkun jidher li ħadd ma jistaʼ jgħinna. Ftakar li meta Asaf daħal “fis-santwarju grandjuż t’Alla,” hu setaʼ jifhem aħjar x’kien qed jinkwetah. (Salm 73:17) Bl-istess mod, irridu nafdaw f’Ġeħova biex jagħtina dak li neħtieġu sabiex inżommu r-relazzjoni tagħna miegħu. B’hekk, nuru l-apprezzament għall-privileġġ tagħna li naqdu lil Alla jkunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi tagħna. Għaldaqstant inkunu qed inħallu lil Ġeħova jkun is-sehem tagħna.
14, 15. Kif għandna nwieġbu meta jkun hemm iktar dawl fuq ċerti skritturi, u għala?
14 Int kif tirreaġixxi meta Ġeħova, is-Sors taʼ tidwil spiritwali, jixħet dawl fuq “l-affarijiet profondi t’Alla” li jinsabu fil-Bibbja? (1 Kor. 2:10-13) Għandna eżempju eċċellenti fir-reazzjoni tal-appostlu Pietru meta Ġesù qal lis-semmiegħa Tiegħu: “Jekk ma tiklux il-laħam taʼ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, m’għandkom ebda ħajja fikom infuskom.” Billi ħadu dan il-kliem letteralment, ħafna dixxipli qalu: “Dan id-diskors ikexkxek; min jiflaħ jisimgħu?” Huma “marru lura lejn dak li ħallew warajhom.” Imma Pietru qal: “Mulej, għand min tridna mmorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja taʼ dejjem.”—Ġw. 6:53, 60, 66, 68.
15 Pietru ma fehemx bis-sħiħ il-kliem taʼ Ġesù, imma kien fiduċjuż li Ġeħova kien qed juża lil Ġesù biex jgħin lin-nies jifhmu l-verità. Meta llum ikun hemm xi bidla fil-mod kif nifhmu xi verità tal-Bibbja, tipprova int tifhem ir-raġuni għall-bidla? (Prov. 4:18) Il-Bereani tal-ewwel seklu laqgħu l-kelma “bl-akbar ħeġġa u kienu jeżaminaw bir-reqqa l-Iskrittura kuljum.” (Atti 17:11) Jekk timitahom, se tkabbar l-apprezzament għall-privileġġ tiegħek li taqdi lil Ġeħova, li jkollok lilu bħala s-sehem tiegħek.
Iżżewweġ Biss fil-Mulej
16. Alla kif jistaʼ jkun is-sehem tagħna rigward il-kmand li nsibu fl-1 Korintin 7:39?
16 Qasam ieħor li fih il-Kristjani jżommu l-iskopijiet t’Alla f’moħħhom hu billi jobdu l-kmand tal-Bibbja biex jiżżewġu “biss fil-Mulej.” (1 Kor. 7:39) Ħafna għażlu li ma jiżżewġux minflok ma jinjoraw dan il-parir divin. Alla jieħu ħsieb sew lil dawk li jagħmlu hekk. David x’għamel meta ħassu waħdu u qisu ma kien hemm ħadd biex jgħinu? “Quddiem [Alla] bqajt inferra’ t-tħassib tiegħi,” qal hu. “Lilu għedt dwar in-niket tiegħi, meta l-ispirtu tiegħi nfena fija.” (Salm 142:1-3) Il-profeta Ġeremija, li qeda lil Alla fedelment għal għaxriet taʼ snin bħala persuna mhix miżżewġa, jistaʼ jkun li kellu sentimenti simili. Tistaʼ tistudja l-eżempju tiegħu f’kapitlu 8 tal-ktieb God’s Word for Us Through Jeremiah.
17. Waħda oħt mhix miżżewġa x’tagħmel meta tħossha waħedha?
17 Waħda oħt fl-Istati Uniti qalet li hi qatt ma kienet ħadet id-deċiżjoni li tibqaʼ ma tiżżewwiġx. Hi trid tiżżewweġ meta tiltaqaʼ maʼ persuna xierqa. Ommha, li mhix Xhud, ma kienx jimportaha lil min tiżżewweġ bintha, basta tiżżewweġ. L-oħt staqsiet lil ommha jekk riditx tkun responsabbli għal żwieġ li ma jirnexxix. Imma meta l-omm rat li bintha kellha impjieg tajjeb, kienet qed tieħu ħsieb lilha nfisha, u kienet hienja, ma baqgħetx titkellem ħafna dwar dan. Din l-oħt kultant tħossha waħedha. Hi tgħid: “Nipprova nagħmel lil Ġeħova l-fiduċja tiegħi. Hu qatt ma jabbandunani.” X’għenha biex tafda f’Ġeħova? Hi twieġeb: “It-talb jgħinni nħoss li Alla hu reali u li jien qatt ma nkun waħdi. L-Iktar Għoli tal-univers qed jagħtini widen, u għalhekk kif nistaʼ ma nħossx dinjità u ferħ?” Hi tafda dak li tgħid il-Bibbja: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.” Għalhekk, hi tipprova tgħin lil oħrajn mingħajr ma tistenna xi ħaġa lura. Hi tkompli: “Meta nkun qed naħseb, ‘X’nistaʼ nagħmel biex ngħin lil din il-persuna?’ inħossni hienja.” (Atti 20:35) Hi għandha lil Ġeħova bħala s-sehem tagħha, u hi ferħana fis-servizz tiegħu.
18. Kif tistaʼ ssir is-sehem taʼ Ġeħova?
18 Hi x’inhi s-sitwazzjoni li ssib ruħek fiha, int tistaʼ tħalli lil Alla jkun is-sehem tiegħek. Jekk tagħmel hekk, int se tkun magħdud fost il-poplu hieni tiegħu. (2 Kor. 6:16, 17) Imbagħad tistaʼ ssir is-sehem taʼ Ġeħova, bħalma saru qaddejja t’Alla oħrajn fl-imgħoddi. (Aqra Dewteronomju 32:9, 10.) Sewwasew bħalma Iżrael sar is-sehem t’Alla fost il-ġnus, hu jistaʼ jagħżlek biex tkun is-sehem tiegħu u jieħu ħsiebek bi mħabba.—Salm 17:8.
[Nota taʼ taħt]
a Ara Stenbaħ! bl-Ingliż taʼ Novembru, 2009, paġni 12-14.
Int Kif Twieġeb?
Kif tistaʼ tħalli lil Ġeħova jkun is-sehem tiegħek
• billi tfittex l-ewwel is-Saltna t’Alla u s-sewwa tiegħu?
• billi turi apprezzament għall-ikel spiritwali?
• billi tobdi l-kmand t’Alla biex tiżżewweġ biss fil-Mulej?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Kumment f’paġna 13]
Ġeħova jsir is-sehem tagħna meta npoġġu s-servizz tiegħu l-ewwel f’ħajjitna
[Stampa f’paġna 15]
L-eżempju taʼ Ġeremija hu inkuraġġanti