“Residenti Temporanji” f’Dinja mill-Agħar
‘Dawn kollha bil-fidi stqarrew pubblikament li kienu stranġieri u residenti temporanji f’dik l-art.’—EBR. 11:13.
1. Ġesù x’qal dwar il-Kristjani veri u din id-dinja?
ĠESÙ qal dan dwar id-dixxipli tiegħu: “Qegħdin fid-dinja.” Imma qal ukoll: “M’humiex parti mid-dinja, bħalma jien m’iniex parti mid-dinja.” (Ġw. 17:11, 14) Kliemu juri b’mod ċar kif il-Kristjani veri għandhom iqisu din id-dinja. Satana hu l-alla taʼ “din is-sistema,” jew dinja. (2 Kor. 4:4) Għalkemm il-Kristjani jgħixu fid-dinja, mhumiex parti minnha. Huwa għalhekk li l-Bibbja tgħid li l-Kristjani huma bħal “barranin,” jew stranġieri. Huma “residenti temporanji” f’din id-dinja.—1 Pt. 2:11.
Għexu Bħala “Residenti Temporanji”
2, 3. Għala jistaʼ jingħad li Enok, Noè, u Abraham u Sara kienu jgħixu bħala “stranġieri u residenti temporanji”?
2 Il-qaddejja leali taʼ Ġeħova minn dejjem kienu differenti min-nies tad-dinja. Qabel id-Dilluvju, Enok u Noè ‘mxew maʼ l-Alla l-veru.’ (Ġen. 5:22-24; 6:9) It-tnejn li huma kienu predikaturi kuraġġużi tal-ġudizzji taʼ Ġeħova kontra d-dinja mill-agħar taʼ Satana. (Aqra t-2 Pietru 2:5; Ġuda 14, 15.) Huma għamlu s-sewwa avolja n-nies taʼ madwarhom kienu mill-agħar. Għalhekk, naqraw li Enok “għoġob sew lil Alla” u li Noè “kien bla nuqqas fost in-nies taʼ żmienu.”—Ebr. 11:5; Ġen. 6:9.
3 Nistgħu nitgħallmu wkoll mill-eżempju t’Abraham u Sara. Huma obdew lil Alla meta staqsiehom biex jitilqu d-dar komda tagħhom fil-belt t’Ur tal-Kaldin. Kienu lesti li jgħixu mingħajr dar f’art barranija. (Ġen. 11:27, 28; 12:1) L-appostlu Pawlu kiteb: “Bil-fidi Abraham, meta kien imsejjaħ, obda u mar f’post li kellu jirċivih bħala wirt; u mar, għalkemm ma kienx jaf fejn kien sejjer. Bil-fidi għex bħala barrani fl-art tal-wegħda bħallikieku f’art barranija, u għex fit-tined maʼ Iżakk u Ġakobb, li kienu werrieta miegħu taʼ l-istess wegħda.” (Ebr. 11:8, 9) Rigward qaddejja leali taʼ Ġeħova bħal dawn, Pawlu qal: “Dawn kollha mietu waqt li żammew il-fidi, għalkemm ma qalgħux it-twettiq tal-wegħdi, imma rawhom mill-bogħod u laqgħuhom u stqarrew pubblikament li kienu stranġieri u residenti temporanji f’dik l-art.”—Ebr. 11:13.
Twissija lill-Iżraelin
4. Ġeħova liema twissija ta lill-Iżraelin qabel ma tahom l-art tagħhom?
4 Abraham kellu ħafna dixxendenti, u Alla organizzahom fil-ġens taʼ Iżrael u tahom liġijiet u art. (Ġen. 48:4; Dt. 6:1) In-nies taʼ Iżrael kellhom jiftakru li l-art ma kinitx tagħhom imma taʼ Ġeħova. (Lev. 25:23) Għalkemm użaw l-art, kellhom jobdu r-regoli taʼ Ġeħova. Ukoll, l-Iżraelin kellhom jiftakru li “mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem,” u li l-affarijiet tajbin kollha tagħhom kienu ġejjin mingħand Ġeħova. (Dt. 8:1-3) Huwa għalhekk li qabel ma Ġeħova tahom l-art tagħhom, hu wissiehom: “Irid iseħħ li meta Ġeħova Alla tiegħek idaħħlek fl-art li ħalef lil missirijietek Abraham, Iżakk, u Ġakobb li jagħtihielek, bliet kbar u sbieħ li ma bnejtx int, djar mimlijin bl-affarijiet tajbin kollha li ma mlejtx int, ġwiebi mħaffrin li ma ħaffirtx int, u għelieqi bid-dwieli u siġar taż-żebbuġ li ma ħawwiltx int, u tkun kilt u xbajt, oqgħod attent li ma tinsiex lil Ġeħova.”—Dt. 6:10-12.
5. Ġeħova għala ċaħad lil Iżrael, u lil liema ġens ġdid ta l-approvazzjoni tiegħu?
5 Din it-twissija ma kinitx bla raġuni. Fi żmien Neħemija, grupp taʼ Leviti bil-mistħija ftakru f’dak li seħħ wara li l-Iżraelin daħlu fl-Art Imwiegħda. Wara li n-nies taʼ Iżrael kellhom djar komdi u abbundanza taʼ ikel u nbid, “bdew jieklu u jixbgħu u jeħxienu.” Huma rribellaw kontra Alla, u saħansitra qatlu lill-profeti li bagħat biex iwissihom. Għalhekk, Ġeħova ħalla lill-għedewwa tagħhom jaħkmu fuqhom. (Aqra Neħemija 9:25-27; Ħos. 13:6-9) Iktar tard, meta r-Rumani ħakmu fuq Iżrael, l-Iżraelin saħansitra qatlu lill-Messija mwiegħed! Ġeħova ċaħadhom u ta l-approvazzjoni tiegħu lil ġens ġdid, Iżrael spiritwali.—Mt. 21:43; Atti 7:51, 52; Gal. 6:16.
Ebda “Parti mid-Dinja”
6, 7. (a) Kif tispjega dak li qal Ġesù dwar is-segwaċi tiegħu u din id-dinja? (b) Skont Pietru, il-Kristjani veri għala kellhom ikomplu ma jkunux parti mid-dinja?
6 Bħalma ntwera qabel f’dan l-artiklu, il-Kap tal-kongregazzjoni Kristjana, Ġesù Kristu, għamilha ċara li s-segwaċi tiegħu kienu se jkunu separati mid-dinja, is-sistema mill-agħar taʼ Satana. Ftit qabel mewtu, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kieku kontu parti mid-dinja, id-dinja kienet tkun ferħana b’dak li hu tagħha. Issa għax m’intomx parti mid-dinja, imma għażiltkom mid-dinja, minħabba f’hekk tobgħodkom id-dinja.”—Ġw. 15:19.
7 Wara xi żmien, il-Kristjani kienu qed jgħixu f’bosta postijiet madwar id-dinja fejn kienu jaħkmu r-Rumani. Il-Kristjani kellhom ikomplu ma jkunux parti mid-dinja. Kellhom jiċħdu l-mod taʼ ħajja tan-nies taʼ madwarhom. Kull fejn kienu jgħixu, kellhom ikunu differenti. Madwar 30 sena wara l-mewt taʼ Ġesù, l-appostlu Pietru kiteb lill-ewwel Kristjani: “Maħbubin, bħala barranin u residenti temporanji, inħeġġiġkom biex tibqgħu titbiegħdu mix-xewqat tal-laħam, għax huma dawn li jitqabdu kontra r-ruħ. Żommu kondotta tajba fost il-ġnus.”—1 Pt. 1:1; 2:11, 12.
8. X’qal wieħed kittieb tal-istorja li juri li l-Kristjani tal-bidu ma kinux parti mid-dinja?
8 Il-Kristjani kienu jgħixu bħala “stranġieri u residenti temporanji” fid-dinja Rumana taʼ żmienhom. Wieħed kittieb tal-istorja kiteb li huma esperjenzaw persekuzzjoni ħarxa u li dan kien jiġri spiss. Hu qal li ġew akkużati li ma kinux jemmnu f’Alla għax ma kinux jieħdu sehem f’ċerimonji reliġjużi foloz. Kienu jissejħu “wħud li jobogħdu r-razza umana” għax ma kinux jingħaqdu man-nies taʼ madwarhom f’divertiment u festi li kienu miżgħudin bil-qima falza u l-immoralità sesswali.
Ma Nużawx id-Dinja bis-Sħiħ
9. Bħala Kristjani veri, kif nuru li m’aħniex “uħud li jobogħdu r-razza umana”?
9 Bħall-Kristjani tal-bidu, aħna wkoll m’aħniex parti “minn din is-sistema mill-agħar.” (Gal. 1:4) Minħabba f’hekk, ħafna jifhmuna ħażin u xi wħud saħansitra jobogħduna. Madankollu, aħna ċertament li m’aħniex “uħud li jobogħdu r-razza umana.” Sforz l-imħabba għal sħabna l-bnedmin, aħna mmorru minn dar għal dar u nagħmlu kull sforz biex nikkuntattjaw lil kull inkwilin bl-“aħbar tajba tas-saltna” t’Alla. (Mt. 22:39; 24:14) Dan nagħmluh għax aħna konvinti li l-gvern tas-Saltna taʼ Ġeħova taħt Kristu dalwaqt se jtemm il-ħakma umana imperfetta, u minflokha se jkun hawn sistema ġdida taʼ ġustizzja.—Dan. 2:44; 2 Pt. 3:13.
10, 11. (a) Kif nużawha d-dinja? (b) Il-Kristjani b’liema modi ma jużawx id-dinja bis-sħiħ?
10 Minħabba li d-dinja taʼ Satana dalwaqt se tispiċċa, aħna nafu li issa mhuwiex iż-żmien li nipprovaw ngħixu ħajja komda. Aħna nagħtu widen għall-kliem tal-appostlu Pawlu: “Dan ngħidilkom, ħuti, iż-żmien li fadal tqassar. Minn issa ’l quddiem, . . . dawk li jixtru [ħa jkunu] bħal dawk li m’għandhomx, u dawk li jużaw id-dinja bħal dawk li ma jużawhiex bis-sħiħ; għax ix-xena taʼ din id-dinja qed tinbidel.” (1 Kor. 7:29-31) Imma llum kif nużawha d-dinja? Dan nagħmluh billi nużaw it-teknoloġija moderna u l-mezzi taʼ komunikazzjoni biex inxerrdu l-għarfien tal-Bibbja mad-dinja kollha b’mijiet taʼ lingwi. Nużaw id-dinja sa ċertu punt biex naqilgħu l-għajxien. Nixtru prodotti u servizzi neċessarji li huma disponibbli fid-dinja. Imma ma nużawx id-dinja bis-sħiħ. Dan ifisser li l-flus, l-affarijiet li għandna, u l-impjieg tagħna mhumiex l-iktar affarijiet importanti f’ħajjitna.—Aqra l-1 Timotju 6:9, 10.
11 Mod ieħor kif il-Kristjani ma jużawx id-dinja bis-sħiħ hu billi ma jagħtux importanza żejda lill-edukazzjoni li toffri din id-dinja. Ħafna nies f’din id-dinja jaħsbu li individwu jrid imur l-università, isib xogħol tajjeb, u jaqlaʼ ħafna flus. Imma bħala residenti temporanji, aħna ma naħsbuhiex bħalhom. Ma nħabirkux biex niksbu “affarijiet taʼ kburija,” jiġifieri, l-affarijiet li kieku jagħmluna importanti f’din id-dinja. (Rum. 12:16; Ġer. 45:5) Aħna nobdu t-twissija li tana Ġesù: “Żommu għajnejkom miftuħin u għassu kontra kull xenqa b’għira, għax anki meta wieħed ikollu bl-abbundanza, ħajtu ma tiddependix minn dak li għandu.” (Lq. 12:15) Għalhekk, il-Kristjani żgħażagħ għandhom jiftakru li l-iktar ħaġa importanti hi li jaqdu lil Ġeħova. Għandhom jieħdu biżżejjed edukazzjoni biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet bażiċi tagħhom sabiex ikunu jistgħu jaqdu lil Ġeħova b’qalbhom, b’ruħhom, b’saħħithom, u b’moħħhom kollu. (Lq. 10:27) Jekk jagħmlu dan, jistgħu jsiru ‘għonja m’Alla.’—Lq. 12:21; aqra Mattew 6:19-21.
Tkunx Ansjuż Dwar l-Affarijiet Materjali
12, 13. Il-fatt li nobdu l-kliem taʼ Ġesù f’Mattew 6:31-33, għala jagħmilna differenti min-nies fid-dinja?
12 Il-qaddejja taʼ Ġeħova huma differenti min-nies tad-dinja fl-attitudni tagħhom lejn l-affarijiet materjali. F’dan ir-rigward, Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu: “Qatt tkunu ansjużi u tgħidu, ‘X’se nieklu?’ jew, ‘X’se nixorbu?’ jew, ‘X’se nilbsu?’ Għax dawn kollha huma l-affarijiet li l-ġnus qed ifittxu bil-ħerqa. Għax Missierkom tas-sema jaf li teħtieġu dawn l-affarijiet kollha. Mela, ibqgħu fittxu l-ewwel is-saltna u s-sewwa tiegħu, u dawn l-affarijiet l-oħrajn kollha se jiżdidulkom.” (Mt. 6:31-33) Mill-esperjenza persunali, ħafna minn sħabna fit-twemmin sabu li Missierna tas-sema jipprovdilhom l-affarijiet li għandhom bżonn.
13 Huwa tajjeb li nkunu kuntenti b’dak li għandna. (1 Tim. 6:6) Dan hu l-oppost taʼ kif jaħsbuha n-nies fid-dinja. Pereżempju, meta ż-żgħażagħ jiżżewġu, ħafna minnhom ikunu jridu kollox mill-ewwel. Iridu dar jew appartament, għamara, karozza sabiħa, u apparat elettroniku ġdid. Imma l-Kristjani li jgħixu bħala residenti temporanji jikkontrollaw ix-xewqat tagħhom, u ma jixtrux iktar milli jifilħu. Nieħdu gost naraw li ħafna ma jaħlux il-ħin u l-flus jixtru dawn l-affarijiet kollha ħalli jkunu jistgħu jużaw iktar ħin u enerġija fis-servizz taʼ Ġeħova. Xi wħud jistgħu jaqdu bħala pijunieri, f’Betel, fix-xogħol tal-ivvjaġġar, jew bħala missjunarji. Aħna grati għax-xogħol li jagħmlu ħutna hekk kif jaqdu lil Ġeħova b’qalbhom kollha.
14. X’nistgħu nitgħallmu minn waħda mill-parabboli taʼ Ġesù?
14 F’waħda mill-parabboli tiegħu, Ġesù qal li “l-ansjetà taʼ din is-sistema u l-qawwa qarrieqa tar-rikkezzi” jistgħu jġegħluna nnaqqsu l-pass fis-servizz tagħna lil Alla. (Mt. 13:22) Dan mhuwiex se jiġri jekk aħna kuntenti ngħixu bħala residenti temporanji f’din id-dinja. Se nżommu għajna “sempliċi” billi niffokaw l-attenzjoni tagħna kollha kemm hi fuq li naqdu lil Alla u billi nżommu s-Saltna tiegħu l-ewwel f’ħajjitna.—Mt. 6:22.
‘Id-Dinja Qed Tgħaddi’
15. Ġwanni x’qal dwar din id-dinja?
15 Raġuni importanti għala l-Kristjani veri jgħixu bħala “barranin u residenti temporanji” hi għax jemmnu li d-dinja taʼ Satana se tintemm dalwaqt. (1 Pt. 2:11; 2 Pt. 3:7) Din il-ħarsa teffettwa l-għażliet tagħna fil-ħajja, ix-xewqat tagħna, u l-miri tagħna. L-appostlu Ġwanni wissa lil sħabu fit-twemmin biex ma jħobbux id-dinja jew l-affarijiet fid-dinja għax “id-dinja [qed] tgħaddi u x-xewqa tagħha wkoll, imma min jagħmel ir-rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.”—1 Ġw. 2:15-17.
16. Kif nistgħu nuru li aħna ġejna mwarrbin bħala poplu differenti?
16 L-Iżraelin intqalilhom li jekk jobdu lil Ġeħova kienu se jsiru ‘l-proprjetà speċjali tiegħu mill-popli l-oħrajn kollha.’ (Eżo. 19:5) Meta kien leali, Iżrael kien differenti mill-ġnus l-oħrajn kollha fil-qima u fil-mod taʼ ħajja. B’mod simili llum, Ġeħova warrab għalih innifsu poplu li hu differenti ferm mid-dinja taʼ Satana. Jintqalilna: ‘Warrbu dak kollu li hu kontra r-rieda t’Alla u x-xewqat tad-dinja u għixu sewwa b’moħħ f’loku u b’devozzjoni lejn Alla f’din is-sistema. Dan nagħmluh waqt li nistennew it-tama hienja u l-manifestazzjoni glorjuża tal-kbir Alla u taʼ Kristu Ġesù, is-Salvatur tagħna, li ta lilu nnifsu għalina biex jeħlisna minn kull xorta taʼ ħażen u jnaddaf għalih innifsu poplu esklużivament tiegħu, żeluż għal għemejjel tajbin.’ (Titu 2:11-14) Dan il-“poplu” hu magħmul minn Kristjani midlukin u miljuni taʼ “nagħaġ oħrajn” taʼ Ġesù, li jgħinuhom u jappoġġawhom.—Ġw. 10:16.
17. Il-midlukin u n-nagħaġ l-oħrajn, għala qatt ma se jiddispjaċihom li jkunu għexu bħala residenti temporanji f’din id-dinja mill-agħar?
17 “It-tama hienja” tal-midlukin hi dik li jsaltnu maʼ Kristu fis-sema. (Riv. 5:10) Meta t-tama taʼ ħajja eterna fuq l-art titwettaq għan-nagħaġ l-oħrajn, mhux se jkunu iktar residenti temporanji f’dinja mill-agħar. Se jkollhom djar mill-isbaħ u abbundanza taʼ ikel u xorb. (Salm 37:10, 11; Is. 25:6; 65:21, 22) Kuntrarju għall-Iżraelin, qatt ma se jinsew li dan kollu ġej mingħand Ġeħova, “l-Alla taʼ l-art kollha.” (Is. 54:5) La l-midlukin u lanqas in-nagħaġ l-oħrajn ma se jiddispjaċihom li jkunu għexu bħala residenti temporanji f’din id-dinja mill-agħar.
Int Kif Twieġeb?
• Irġiel leali tal-qedem b’liema mod kienu jgħixu bħala residenti temporanji?
• Il-Kristjani tal-bidu kif kienu jgħixu fid-dinja taʼ żmienhom?
• Il-Kristjani veri kif ma jużawx id-dinja bis-sħiħ?
• Għala qatt ma se jiddispjaċina li nkunu għexna bħala residenti temporanji f’din id-dinja mill-agħar?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 18]
Il-Kristjani tal-bidu ma kinux jieħdu sehem f’divertiment vjolenti u immorali