‘Kif Se Jirnexxili Nipprietka?’
Madwar id-dinja kollha għandna eżempji eċċellenti t’aħwa li lealment jieħdu sehem fix-xogħol tal-ippritkar minkejja li għandhom problemi serji taʼ saħħa. Bħala eżempju ejja nikkunsidraw lil Dalia, li tgħix f’Vilnius, il-belt kapitali tal-Litwanja.
Dalia hi oħt li għandha madwar 35 sena. Mit-twelid, hi sofriet mill-effetti taʼ puplesija ċerebrali. Din il-marda ħallietha paralizzata u b’diffikultà serja biex titkellem. Minħabba f’hekk, membri tal-familja tagħha biss jistgħu jifhmuha sew. Dalia tgħix m’ommha, Galina, li tieħu ħsieb il-bżonnijiet tagħha. Għalkemm il-ħajja taʼ Dalia kienet mimlija għawġ u ansjetà, hi għandha ħarsa pożittiva. Kif inhu possibbli dan?
Galina tispjega: “Fl-1999, ġiet iżżurna kuġinti, Apolonija. Innotajna li Apolonija, li hi waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova, kienet taf il-Bibbja sew, u Dalia bdiet tistaqsiha ħafna mistoqsijiet. Ftit wara, inbeda studju tal-Bibbja maʼ Dalia. Kultant kont ningħaqad magħhom fl-istudju biex nispjega l-kliem taʼ Dalia. Però, innotajt li kulma kienet qed titgħallem kien qed jgħinha verament. Jien ukoll ma domtx ma tlabt studju tal-Bibbja.”
Hekk kif Dalia bdiet tifhem il-veritajiet tal-Bibbja, kien hemm mistoqsija li bdiet thewden fuqha. Fl-aħħar, esprimiet ruħha u staqsiet lil Apolonija: “Kif jistaʼ xi ħadd bħali—paralizzat—jirnexxilu jipprietka?” (Mt. 28:19, 20) Apolonija bil-kalma assigurat lil Dalia: “Tibżax. Ġeħova se jgħinek.” U, tabilħaqq, Ġeħova hekk jagħmel.
Allura, Dalia kif tipprietka? B’diversi modi. Aħwa nisa Kristjani jgħinuha tipprepara ittri b’messaġġ mill-Bibbja. L-ewwel, Dalia tesprimi ħsibijietha lill-aħwa. Imbagħad huma jiktbu ittra li jkun fiha dak li tkun esprimiet. Dalia tagħti xhieda wkoll billi tibgħat messaġġi minn fuq il-mowbajl tagħha. U meta t-temp ikun sabiħ, membri tal-kongregazzjoni joħorġuha sabiex titkellem maʼ nies li jiltaqgħu magħhom f’ġonna lokali u fit-toroq.
Dalia u ommha komplew jagħmlu progress spiritwali. It-tnejn iddedikaw ruħhom lil Ġeħova u tgħammdu f’Novembru tal-2004. F’Settembru tal-2008, f’Vilnius ġie fformat grupp għal dawk li jitkellmu bil-Pollakk. Ladarba kien hemm bżonn taʼ iktar pubblikaturi tas-Saltna, Dalia u ommha ngħaqdu maʼ dan il-grupp. Dalia tgħid: “Kultant jiġi xahar u ninkwieta għax ma nkunx għadni ħriġt fil-ministeru. Imma wara li nitlob lil Ġeħova dwar dan, ma jdumx ma jiġi xi ħadd jiftiehem miegħi biex noħorġu fil-ministeru flimkien.” L-għażiża oħtna Dalia kif tħossha dwar is-sitwazzjoni tagħha? Hi tgħid: “Il-marda pparalizzatli ġismi, imma ma pparalizzatlix moħħi. Jien ferħana ħafna li nistaʼ ngħid lil oħrajn dwar Ġeħova!”