Nagħmlu l-Ħin tal-Istudju Iktar Pjaċevoli u Produttiv
Kif nistgħu nieħdu iktar pjaċir meta nistudjaw il-Bibbja? Kif nistgħu nagħmlu l-istudju tagħna iktar produttiv? Ejja nikkunsidraw fil-qosor tliet passi importanti li se jgħinuna niksbu l-iktar benefiċċju mill-istudju persunali tagħna tal-Bibbja.
1 ITLOB: L-ewwel pass li għandna nieħdu hu li nitolbu. (Salm 42:8) Għala? Għax għandna nqisu l-istudju tal-Kelma t’Alla bħala parti mill-qima tagħna. Għalhekk, għandna bżonn nitolbu lil Ġeħova biex jagħtina l-attitudni mentali xierqa u biex jagħtina l-ispirtu qaddis tiegħu. (Lq. 11:13) Barbara, li ilha taqdi bħala missjunarja, tgħid: “Jien dejjem nitlob qabel ma naqra jew nistudja l-Bibbja. Wara li nitlob, inħoss li Ġeħova hu miegħi u li japprova dak li qed nagħmel.” It-talb qabel l-istudju jiftħilna moħħna u qalbna biex naċċettaw bis-sħiħ l-abbundanza taʼ ikel spiritwali li jkollna quddiemna.
2 IMMEDITA: Minħabba nuqqas taʼ ħin, xi wħud jikkuntentaw ruħhom biss billi jaqraw il-Kelma t’Alla fuq fuq. Madankollu, jitilfu l-benefiċċji li jistgħu jiksbu jekk jistudjaw il-Bibbja. Carlos, li ilu jaqdi lil Ġeħova iktar minn 50 sena, sar jifhem l-importanza taʼ li jwarrab il-ħin biex jimmedita ħalli l-istudju tiegħu jkun iktar produttiv. Hu jgħid: “Issa meta nistudja, naqra inqas paġni tal-Bibbja—madwar żewġ paġni kuljum. Imbagħad inkun nistaʼ niddedika iktar ħin biex nimmedita fuq dak li nkun qrajt sabiex nitgħallem lezzjonijiet importanti.” (Salm 77:12) Meta nieħdu l-ħin biex nimmeditaw, inkabbru l-għarfien u l-fehma tagħna dwar ir-rieda t’Alla.—Kol. 1:9-11.
3 APPLIKA: Jekk naraw il-valur prattiku taʼ xi attività, nibbenefikaw iktar minnha. Dan ċertament li hu minnu rigward l-istudju tal-Bibbja. “L-istudju jgħinni negħleb il-problemi fil-ħajja taʼ kuljum, u jħejjini biex ngħin lil oħrajn,” jgħid Gabriel, ħu żagħżugħ li għandu rutina regulari taʼ studju tal-Bibbja. Hu jżid jgħid: “Fil-ħajja persunali tiegħi nipprova napplika kulma nitgħallem.” (Dt. 11:18; Ġoż. 1:8) Iva, hemm abbundanza taʼ għarfien mingħand Alla li nistgħu nitgħallmu u napplikaw.—Prov. 2:1-5.
IRRIVEDI: Xi privileġġ għandna li nħaffru fil-fond fl-għarfien li pprovda Ġeħova, is-Sors taʼ kull għerf! (Rum. 11:33) Għalhekk, meta terġaʼ tistudja, agħmel ċert li l-ewwel titlob lil Ġeħova u tistaqsih biex jagħtik l-attitudni mentali xierqa u l-ispirtu qaddis tiegħu. Imbagħad kultant ieqaf biex timmedita fuq dak li taqra. Ukoll, agħmel sforz u fil-ħajja taʼ kuljum applika dak li titgħallem. Meta tagħmel dawn il-passi importanti, se ssib li l-istudju tiegħek tal-Bibbja jsir pjaċevoli u produttiv ħafna.