Natan—Difensur Leali tal-Qima Pura
Mhuwiex faċli li tikkonvinċi raġel setgħan li l-mogħdijiet tiegħu huma korrotti u li għandu bżonn jagħmel bidla. Kieku int, kont tiffaċċja individwu bħal dan kieku kont taf li kien qatel raġel biex jiġbor ġieħu?
Is-Sultan David t’Iżrael tal-qedem kien għamel adulterju maʼ Bat-seba, u hi nqabdet tqila. Biex jaħbu dnubhom, David ordna li żewġha jiġi maqtul u mbagħad ħa lil Bat-seba b’martu. Għaddew xhur sħaħ waqt li David għex ħajja doppja, u fl-istess ħin wisq probabbli baqaʼ jaqdi d-dmirijiet uffiċjali tiegħu. Imma Ġeħova ma ħalliex id-dnubiet tas-sultan jgħaddu qisu xejn mhu xejn. Hu bagħat lill-profeta tiegħu Natan biex jiffaċċjah.
Kien inkarigu iebes. Poġġi lilek innifsek fiż-żarbun taʼ Natan. Il-lealtà lejn Ġeħova u ż-żamma fis-sod mal-livelli divini bla dubju qanqlu lil Natan ifakkar lil David fi dnubietu. Il-profeta kif setaʼ jagħmel dan u jikkonvinċi lis-Sultan David li kellu bżonn jindem?
GĦALLIEM TATTIKU
Għala ma tiħux ftit minuti biex taqra t-2 Samwel 12:1-25? Immaġina li int kont minflok Natan hekk kif qal lil David din l-istorja: “Kien hemm żewġt irġiel li kienu f’belt waħda, wieħed għani u l-ieħor taʼ ftit mezzi. L-għani kellu ħafna u ħafna nagħaġ u baqar; imma dak taʼ ftit mezzi ma kellu xejn ħlief ħarufa waħda, żgħira, li kien xtara. U kien qed irabbiha, u kienet qed tikber miegħu u maʼ wliedu, kollha flimkien. Mil-loqma tiegħu kienet tiekol, u milli jkollu fit-tazza tiegħu kienet tixrob, u fi ħdanu kienet toqgħod, u għalih kienet saret qisha bintu. Darba waħda ġie xi ħadd iżur lir-raġel għani, imma dan ma riedx jieħu min-nagħaġ tiegħu u mill-baqar tiegħu biex ilestihom għall-vjaġġatur li kien daħal għandu. Għalhekk, ħa l-ħarufa tar-raġel taʼ ftit mezzi u lestieha għar-raġel li kien daħal għandu.”—2 Sam. 12:1-4.
David—li hu nnifsu qabel kien ragħaj—milli jidher emmen li din kienet sitwazzjoni vera. Kummentatur wieħed jissuġġerixxi: “Jistaʼ jkun li Natan kien imdorri jmur għandu biex jaqdi bħala avukat għal dawk imweġġgħin li ma setgħu jsibu l-ebda rimedju ieħor, u David ħaseb li għalhekk kien ġie għandu issa.” Anke jekk dan kien il-każ, kien jitlob lealtà lejn Alla kif ukoll kuraġġ biex Natan ikellem lis-sultan kif għamel. L-istorja li qal Natan inkorlat lil David. Hu esklama: “Daqskemm hu ħaj Ġeħova, ir-raġel li għamel dan jistħoqqlu jmut!” Imbagħad Natan laqtu fil-laħam il-ħaj billi qallu: “Int hu dak ir-raġel!”—2 Sam. 12:5-7.
Aħseb dwar għala Natan għażel li jitkellem dwar il-problema bil-mod li għamel. Mhux faċli biex persuna li saret involuta emozzjonalment maʼ xi ħadd tara s-sitwazzjoni tagħha mingħajr preġudizzju. Ilkoll kemm aħna għandna t-tendenza li nivvintaw skużi biex niġġustifikaw lilna nfusna jekk nagħmlu xi ħaġa dubjuża. Imma t-tixbiha taʼ Natan qanqlet lil David bla ma kien jaf biex jikkundanna l-azzjonijiet tiegħu stess. Is-sultan ra ċar daqs il-kristall li l-imġiba li ddeskriva Natan kienet taʼ min jistkerrahha. Iżda kien biss wara li David innifsu kkundannaha li Natan qal li t-tixbiha applikat għas-sultan. Imbagħad David setaʼ jara kemm kien serju d-dnub li għamel. Dan għenu jkollu l-attitudni tajba biex jaċċetta d-dixxiplina. Hu għaraf li tabilħaqq kien ‘stmerr’ lil Ġeħova bl-imġiba tiegħu maʼ Bat-seba, u hu aċċetta t-twiddib mistħoqq.—2 Sam. 12:9-14; Salm 51, sopraskrizzjoni.
X’nistgħu nitgħallmu minn dan? Il-mira t’għalliem tal-Bibbja hi li jgħin lis-semmiegħa tiegħu jaslu għall-konklużjoni t-tajba. Natan irrispetta lil David, u għalhekk kellmu bit-tattika. Natan kien jaf li f’qalbu David ħabb is-sewwa u l-ġustizzja. Għalhekk, uża storja li kien jaf li kienet se tinfluwenza lil raġel b’dawn il-kwalitajiet. Aħna wkoll nistgħu ngħinu lill-individwi sinċieri jifhmu l-ħarsa taʼ Ġeħova. Kif? In-nies għandhom idea ġenerali taʼ x’inhu tajjeb. Aħna nistgħu ngħinuhom jużaw l-għarfien tagħhom stess taʼ x’inhu tajjeb mingħajr ma nġegħluhom jaħsbu li aħna aħjar minnhom jew li għandna d-dritt li ngħidulhom x’għandhom jagħmlu. Il-Bibbja, u mhux l-opinjoni persunali tagħna, hi l-awtorità tagħna fejn jidħol dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin.
Iktar minn kull ħaġ’oħra, il-lealtà lejn Alla għenet lil Natan iċanfar lil sultan setgħan. (2 Sam. 12:1) Lealtà simili se tagħtina l-kuraġġ biex nibqgħu nżommu sod mal-prinċipji ġusti taʼ Ġeħova.
WIEĦED LI ĦABREK GĦALL-QIMA PURA
Milli jidher, Natan u David kienu ħbieb sew għax David semma wieħed minn uliedu s-subien Natan. (1 Kron. 3:1, 5) L-ewwel darba li jissemma Natan fil-Bibbja, hu jkun maʼ David. It-tnejn ħabbew lil Ġeħova. Nafu li s-sultan fada fl-opinjoni taʼ Natan għax qal lill-profeta bix-xewqa li jibni tempju għal Ġeħova. David qal: “‘Ara, issa, jien qed ngħammar f’dar taċ-ċedri waqt li l-arka taʼ l-Alla l-veru qiegħda f’nofs id-drapp tat-tined.’ U Natan qal lis-sultan: ‘Kulma għandek f’qalbek—mur u agħmlu, għaliex Ġeħova qiegħed miegħek.’”—2 Sam. 7:2, 3.
Bħala aduratur leali taʼ Ġeħova, Natan b’entużjażmu approva l-pjan taʼ David biex jibni l-ewwel ċentru permanenti tal-qima pura fuq l-art. Però, f’dik l-okkażjoni milli jidher Natan esprima s-sentimenti tiegħu stess minflok ma tkellem f’isem Ġeħova. Dak il-lejl, Alla bagħat lill-profeta tiegħu biex iwassal messaġġ differenti lis-sultan: David ma kellux jibni t-tempju taʼ Ġeħova. Il-wieħed li kellu jagħmel dan kien se jkun wieħed mill-ulied subien taʼ David. Imma Natan ħabbar li Alla kien qed jagħmel patt maʼ David, u li fil-qosor it-tron tiegħu kien se jkun “stabbilit fis-sod għal żmien indefinit.”—2 Sam. 7:4-16.
L-opinjoni taʼ Natan dwar min kellu jibni t-tempju ma kinitx fi qbil mar-rieda t’Alla. Madanakollu, mingħajr tgergir, dan il-profeta umli ċeda għall-iskop taʼ Ġeħova u ħadem id f’id maʼ 1 Kron. 23:1-5; 2 Kron. 29:25.
dan l-iskop. X’eżempju mill-aħjar xi nsegwu jekk Alla jikkoreġi lilna b’xi mod! Nafu li Natan baqaʼ jkollu l-favur t’Alla minħabba kif Ġeħova iktar tard użah bħala profeta. Infatti, jidher li Ġeħova nebbaħ lil Natan, flimkien maʼ Gad il-viżjonarju, biex jiggwida lil David f’li jorganizza 4,000 mużiċist fis-servizz tat-tempju.—DIFENSUR TAL-ĦAKMA TAS-SULTAN
Natan kien jaf li Salamun kellu jsir is-sultan wara David. Għalhekk, Natan aġixxa fil-pront meta Adonija pprova jaħtaf it-tron matul l-aħħar ftit snin taʼ David. It-tattika u l-lealtà reġgħu spikkaw fil-mod kif aġixxa Natan. L-ewwel, hu ħeġġeġ lil Bat-seba biex tfakkar lil David bil-ħalfa li għamel rigward li jaħtar lil binhom Salamun bħala sultan. Imbagħad, Natan innifsu daħal quddiem is-sultan biex jistaqsi jekk David kienx għażel lil Adonija bħala s-sultan li jmiss. Peress li rrealizza s-serjetà tas-sitwazzjoni, is-sultan imdaħħal fiż-żmien ikkmanda lil Natan u lil qaddejja leali oħrajn biex jidilku lil Salamun u jħabbru lilu sultan. L-attentat t’Adonija biex jaħtaf il-poter inġieb fix-xejn.—1 Slat. 1:5-53.
STORJOGRAFU MODEST
Ġeneralment, in-nies jaqblu li Natan u Gad kitbu l-1 Samwel kapitli 25 sa 31 kif ukoll it-2 Samwel kollu. Rigward ir-rakkonti mnebbħin li huma mniżżlin f’dawn il-kotba, hemm miktub: “Issa l-ġrajjiet taʼ David, is-sultan, kemm taʼ l-ewwel u kemm taʼ l-aħħar, huma miktubin hemmhekk fost il-kliem taʼ Samwel, il-veġġent, u fost il-kliem taʼ Natan, il-profeta, u fost il-kliem taʼ Gad, il-viżjonarju.” (1 Kron. 29:29) Il-Bibbja ssemmi wkoll li Natan kiteb dwar “il-ġrajjiet taʼ Salamun.” (2 Kron. 9:29) Dan ifisser li Natan x’aktarx baqaʼ jaqdi fil-palazz irjali wara l-mewt taʼ David.
Ħafna minn dak li nafu dwar Natan għandu mnejn ġie miktub mill-profeta nnifsu. Imma nistgħu nitgħallmu wkoll ħafna dwaru minn dak li ma kitibx. Natan milli jidher kien storjografu modest, u ma kienx interessat f’li jsir famuż. Fil-kliem taʼ dizzjunarju tal-Bibbja, hu jidher fir-rakkont ispirat “bl-ebda introduzzjoni u bl-ebda informazzjoni dwar l-antenati tiegħu.” Ma nafu xejn dwar il-ħajja persunali taʼ Natan.
IMQANQAL MIL-LEALTÀ LEJN ĠEĦOVA
Mill-ftit li nafu dwar Natan mill-Iskrittura, jidher ċar li kien difensur leali imma żeluż tal-arranġamenti divini. Alla Ġeħova inkarigah b’responsabbiltajiet serji. Immedita fuq il-kwalitajiet taʼ Natan, bħal pereżempju, il-lealtà lejn Alla u l-imħabba għal-livelli divini. Stinka biex timita kwalitajiet bħal dawn.
X’aktarx m’intix se tiġi mitlub iċċanfar slaten adulterużi jew twaqqaf il-pjanijiet taʼ xi ħadd biex isir ħakkiem. Imma bl-għajnuna t’Alla tistaʼ tkun leali lejh u tistaʼ tiddefendi dak li jgħid li hu tajjeb. Ukoll, tistaʼ tkun għalliem kuraġġuż, imma tattiku, tal-verità u wieħed li jħabrek għall-qima vera.
[Stampa f’paġna 25]
Bħala difensur tal-ħakma tas-sultan, Natan bit-tattika kellem lil Bat-seba