Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tistaʼ Tkun Ferħan F’dar Maqsuma

Tistaʼ Tkun Ferħan F’dar Maqsuma

“Kif taf jekk issalvax lil [martek jew żewġek]?”—1 KOR. 7:16.

TISTAʼ SSIB IT-​TWEĠIBIET?

X’jistgħu jagħmlu l-​Kristjani biex ikollhom il-​paċi f’dar maqsuma?

Kristjan kif jistaʼ jgħin membri tal-​familja li ma jemmnux biex iħaddnu l-​qima vera?

X’jistgħu jagħmlu oħrajn biex jgħinu lil sħabhom fit-​twemmin li jgħixu fi djar maqsumin?

1. Meta xi ħadd jaċċetta l-​verità, x’jistaʼ jkun l-​effett fuq familtu?

 META darba minnhom Ġesù bagħat lill-​appostli tiegħu jippritkaw, hu qal: “Intom u sejrin, ippritkaw u għidu, ‘Qorbot is-​saltna tas-​smewwiet.’” (Mt. 10:1, 7) Din l-​aħbar tajba kienet se ġġib il-​paċi u l-​ferħ lil dawk li jaċċettawha b’apprezzament veru. Però, Ġesù wissa lill-​appostli tiegħu li ħafna kienu se jopponu x-​xogħol tal-​ippritkar tagħhom. (Mt. 10:16-​23) Forma t’oppożizzjoni taʼ wġigħ partikulari hi meta membri tal-​familja ma jaċċettawx il-​messaġġ tas-​Saltna.—Aqra Mattew 10:34-​36.

2. Għala hu possibbli għalina li nkunu ferħanin anke jekk il-​familja tagħna mhix fil-​verità?

2 Ifisser dan li ma nistgħux inkunu ferħanin jekk il-​familja tagħna mhix fil-​verità? Lanqas xejn! Għalkemm xi drabi l-​oppożizzjoni mill-​familja tistaʼ tkun ħarxa, dan mhux dejjem il-​każ. Ukoll, l-​oppożizzjoni mill-​familja mhix dejjem permanenti. Ħafna jiddependi minn kif dawk li jemmnu jirreaġixxu għall-​oppożizzjoni jew l-​indifferenza. Iktar minn hekk, Ġeħova jbierek lil dawk li huma leali lejh u jferraħhom minkejja ċirkustanzi diffiċli. Il-​Kristjani jistgħu jkunu iktar ferħanin jekk (1) jaħdmu iebes biex ikollhom il-​paċi fid-​dar u (2) jipprovaw bis-​sinċerità jgħinu lil membri tal-​familja li ma jemmnux biex iħaddnu l-​qima vera.

AĦDEM IEBES BIEX IKOLLOK IL-​PAĊI FIL-​FAMILJA

3. Kristjan għala għandu jaħdem iebes biex ikollu l-​paċi fil-​familja?

3 Il-​familja tkun iktar lesta li taċċetta l-​verità jekk ikun hemm il-​paċi fid-​dar. (Aqra Ġakbu 3:18.) Anke jekk il-​familja taʼ Kristjan għadha mhix magħquda fil-​qima pura, dan għandu jagħmel sforz ħerqan biex ikabbar il-​paċi fil-​familja. Dan kif jistaʼ jsir?

4. Kif nistgħu nżommu l-​paċi ġewwinija tagħna?

4 Jeħtieġ li l-​Kristjani jżommu l-​paċi ġewwinija tagħhom. Dan jirrikjedi talb mill-​qalb, li jistaʼ jagħtina “l-​paċi t’Alla” li ma tistaʼ titqabbel maʼ xejn. (Flp. 4:6, 7) Il-​ferħ u l-​paċi jiġu milli nieħdu għarfien dwar Ġeħova u milli napplikaw prinċipji Skritturali fil-​ħajja. (Is. 54:13) Il-​parteċipazzjoni fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni u l-​attività żeluża fil-​ministeru tal-​għalqa huma vitali wkoll jekk irridu ngawdu l-​paċi u l-​ferħ. Dawk li jgħixu f’familja maqsuma ġeneralment jistgħu jsibu mod kif jagħmlu dawn l-​affarijiet importanti. Pereżempju, ikkunsidra lil Enza, a li għandha żewġha jopponilha bil-​qawwi. Hi tieħu sehem fix-​xogħol taʼ li tagħmel dixxipli wara li tlesti l-​faċendi tad-​dar. Enza tgħid, “Ġeħova tassew iberikni b’riżultati tajbin kull darba li nagħmel sforz biex naqsam l-​aħbar tajba m’oħrajn.” Barkiet bħal dawn bla dubju jissarrfu f’paċi, sodisfazzjon, u ferħ.

5. Liema sfida spiss jiffaċċjaw uħud li jgħixu fi djar maqsumin, u x’għajnuna hemm għalihom?

5 Jeħtieġ li naħdmu iebes biex ikollna l-​paċi mal-​membri tal-​familja li mhumiex fil-​verità. Dan jistaʼ jkun taʼ sfida għax kultant ikunu jriduna nagħmlu affarijiet li jmorru kontra l-​prinċipji Bibliċi. Xi membri tal-​familja li ma jemmnux għandhom mnejn jirrabjaw meta nżommu sod maʼ prinċipji tajbin, però waqfa bħal din fl-​aħħar mill-​aħħar twassal għall-​paċi. M’għandniex xi ngħidu, irridu nagħmlu l-​almu tagħna biex nikkooperaw mal-​familja meta xi ħaġa ma tmurx kontra l-​prinċipji tal-​Bibbja. B’hekk nevitaw nuqqas taʼ qbil bla bżonn. (Aqra Proverbji 16:7.) Meta tiffaċċja sfida, hu importanti li tfittex pariri Skritturali minn pubblikazzjonijiet tal-​klassi tal-​ilsir leali u għaqli u mingħand l-​anzjani.—Prov. 11:14.

6, 7. (a) Għala xi wħud jopponu lill-​membri tal-​familja li jibdew jistudjaw max-​Xhieda taʼ Ġeħova? (b) Kif għandu student tal-​Bibbja jew Xhud jirreaġixxi għall-​oppożizzjoni mill-​familja?

6 Jistaʼ jkollna l-​paċi fil-​familja jekk nafdaw f’Ġeħova u nipprovaw nifhmu s-​sentimenti tal-​familja tagħna. (Prov. 16:20) Anke studenti tal-​Bibbja ġodda jistgħu jużaw id-​dixxerniment f’dan ir-​rigward. Xi rġiel jew nisa miżżewġin li ma jemmnux forsi ma joġġezzjonawx li s-​sieħeb tagħhom jistudja l-​Bibbja. Għandhom mnejn saħansitra jammettu li dan jistaʼ jkun taʼ ġid għall-​familja. Oħrajn għandhom mnejn jopponu bil-​qawwi. Esther, li issa hi Xhud, tammetti li hi rreaġixxiet “b’xejn ħlief rabja” meta żewġha beda jistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Hi tgħid, “Kont narmilu jew naħraqlu l-​letteratura.” Howard, li għall-​ewwel oppona għal li martu tistudja l-​Bibbja, qal: “Ħafna rġiel miżżewġin jibżgħu li n-​nisa tagħhom qed jiġu mqarrqin f’li jingħaqdu maʼ xi setta reliġjuża. Ir-​raġel jistaʼ ma jkunx jaf kif għandu jirreaġixxi għal din it-​theddida fittizja u dan jistaʼ jwassal biex jitkellem u jaġixxi bl-​aħrax.”

7 Student li martu topponi għandu jiġi megħjun jirrealizza li m’għandux iwaqqaf l-​istudju tiegħu tal-​Bibbja. Ħafna drabi jkun jistaʼ jsolvi l-​problemi billi jkun ġwejjed u billi juri rispett lil seħbitu li ma temminx. (1 Pt. 3:15) Howard jgħid, “Jien tant grat li marti baqgħet kalma u ma qagħditx tagħmilha bi kbira!” Martu tispjega: “Howard riedni bilfors nieqaf nistudja l-​Bibbja. Hu qal li jien kont qed niġi mqarrqa. Minflok ma llitikajt miegħu, jien għedt li setaʼ kellu raġun, imma għedtlu wkoll li onestament ma stajtx nara kif. Għalhekk, staqsejtu biex jaqra l-​ktieb li kont qed nistudja. Hu aċċetta u ma setax ma jaqbilx maʼ dak li qara. Dan tant effettwah.” Tajjeb li żżomm f’moħħok li dawk li ma jemmnux jistgħu jħossuhom abbandunati jew mheddin meta s-​sieħeb jew is-​sieħba tagħhom titlaq biex tipparteċipa f’attivitajiet Kristjani. Imma jekk din tfiehem bl-​imħabba lis-​sieħeb li ma jemminx, tistaʼ tgħinu ma jinkwetax.

GĦINHOM IĦADDNU L-​QIMA VERA

8. L-​appostlu Pawlu x’parir ta lil dawk li l-​imseħbin tagħhom mhumiex Kristjani?

8 L-​appostlu Pawlu jagħti parir lill-​Kristjani biex ma jitilqux lill-​imseħbin fiż-​żwieġ minħabba s-​sempliċi fatt li dawn mhumiex Kristjani. b (Aqra l-1 Korintin 7:12-​16.) Kristjan jistaʼ jiġi megħjun iżomm il-​ferħ jekk jiftakar li s-​sieħba fiż-​żwieġ għandha mnejn taċċetta l-​verità. Imma jkun tajjeb li joqgħod attent kif jipprova jgħinha tifhem il-​verità, bħalma juru l-​esperjenzi li ġejjin.

9. Meta tintroduċi l-​verità tal-​Bibbja lill-​familja, minn xiex trid toqgħod attent?

9 Meta ftakar x’reazzjoni kellu meta tgħallem il-​verità mill-​Bibbja, Jason qal, “Ridt ngħid lil kulħadd!” Meta student tal-​Bibbja jasal biex japprezza l-​verità taʼ dak li ġie mgħallem mill-​Iskrittura, tant jistaʼ jkun ferħan li jibda jitkellem dwarha kważi l-​ħin kollu. Forsi jippretendi li membri tal-​familja li ma jemmnux jaċċettaw il-​messaġġ tas-​Saltna mill-​ewwel, imma dawn jistgħu ma jaqblux miegħu. L-​entużjażmu li kellu fil-​bidu Jason, x’effett ħalla fuq martu? Hi tiftakar, “Ħassejt rasi ddur bija.” Mara li aċċettat il-​verità 18-​il sena wara żewġha tgħid, “Jien, ngħid għalija, kelli nitgħallimha bil-​mod il-​mod.” Forsi bħalissa int qiegħed tikkonduċi studju tal-​Bibbja maʼ student li s-​sieħba tiegħu m’għandha l-​ebda xewqa li tieħu sehem fil-​qima vera. Għala ma turix lill-​istudent kif jistaʼ jispjega l-​verità b’qalb tajba u b’tali mod li ma jirrabjax lil martu? Mosè qal: “L-​istruzzjoni tiegħi traxxax bħax-​xita, dak li ngħid jien joqtor bħan-​nida, bħal irxiex fuq il-​ħaxix.” (Dt. 32:2) Ftit qtar taʼ verità mitkellma f’waqthom ħafna drabi huma effettivi iktar minn ħalba spiritwali.

10-12. (a) L-​appostlu Pietru x’parir ta lill-​Kristjani li żewġhom jew marthom mhumiex fil-​verità? (b) Studenta tal-​Bibbja kif tgħallmet tapplika l-​parir imniżżel fl-​1 Pietru 3:1, 2?

10 L-​appostlu Pietru pprovda parir ispirat lin-​nisa Kristjani li jgħixu fi djar maqsumin reliġjożament. Hu kiteb: “Kunu sottomessi lejn żwieġkom, sabiex, jekk xi wħud ma jkunux ubbidjenti lejn il-​kelma, dawn jintrebħu mingħajr ebda kelma permezz tal-​kondotta tan-​nisa tagħhom, għax ikunu raw b’għajnejhom stess il-​kondotta safja tagħkom flimkien mar-​rispett profond.” (1 Pt. 3:1, 2) Mara għandha mnejn tkun tistaʼ tgħin lil żewġha jaċċetta l-​verità billi tkun sottomessa u turi rispett profond lejh, anke jekk ikun aħrax magħha. B’mod simili, raġel miżżewweġ li jemmen għandu jaġixxi bħalma jridu Alla u jkun kap tal-​familja li juri mħabba minkejja kwalunkwe oppożizzjoni li jistaʼ jħabbat wiċċu magħha min-​naħa tal-​mara li ma temminx.—1 Pt. 3:7-​9.

11 Ħafna eżempji taʼ żmienna juru l-​valur taʼ li napplikaw il-​parir taʼ Pietru. Ikkunsidra l-​każ taʼ Selma. Meta bdiet tistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova, żewġha, Steve, ma ħax pjaċir. Hu jammetti, “Jien sirt irrabjat, għajjur, pussessiv, u beżgħan.” Selma tosserva: “Anke qabel ma sibt il-​verità, kelli noqgħod b’sebaʼ għajnejn maʼ Steve f’dak li ngħid u nagħmel. Kienu jitilgħulu malajr. Meta bdejt nistudja l-​Bibbja, din il-​karatteristika żdiedet.” X’għenha?

12 Selma tiftakar lezzjoni li tgħallmet mingħand ix-​Xhud li studjat magħha. Selma tgħid, “Darba minnhom, ma ridtx nagħmlu l-​istudju tal-​Bibbja. Il-​ġurnata taʼ qabel, Steve kien fajjarli daqqa meta pprovajt nirraġuna miegħu, u kont qed inħossni mdejqa u nitħassar lili nnifsi. Wara li għedt lill-​oħt x’kien ġara u kif ħassejtni, qaltli naqra l-​1 Korintin 13:4-​7. Waqt li għamilt dan, bdejt nirraġuna, ‘Steve ma jagħmel xejn minn dawn l-​affarijiet taʼ mħabba għalija.’ Imma l-​oħt ġegħlitni naħseb mod ieħor billi staqsiet, ‘Kemm minn dawn l-​atti taʼ mħabba turi int lejn żewġek?’ It-​tweġiba kienet, ‘Xejn, għax diffiċli wisq tgħix miegħu.’ L-​oħt qalet bil-​mogħdrija, ‘Selma, min qed jipprova jkun Kristjan? Int jew Steve?’ Irrealizzajt li kelli bżonn naġġusta l-​ħsib tiegħi, u għalhekk tlabt lil Ġeħova jgħinni nuri iktar imħabba lejn Steve. Bil-​mod il-​mod, l-​affarijiet bdew jinbidlu.” Wara 17-​il sena, Steve aċċetta l-​verità.

KIF OĦRAJN JISTGĦU JGĦINU

13, 14. X’jistgħu jagħmlu oħrajn fil-​kongregazzjoni biex jgħinu lil dawk li jgħixu fi djar maqsumin reliġjożament?

13 Bħal qtar tax-​xita li jinżel ħelu ħelu u jxarrab l-​art u jgħin il-​pjanti jikbru, ħafna individwi fil-​kongregazzjoni jikkontribwixxu għall-​ferħ tal-​Kristjani fi djar maqsumin. Elvina, mill-​Brażil, tgħid, “Kienet l-​imħabba li wrew ħuti li għenitni nżomm soda fil-​verità.”

14 Il-​qalb tajba u l-​interess muri minn oħrajn fil-​kongregazzjoni jistgħu jagħmlu ħafna biex imissu l-​qalb taʼ membru tal-​familja li ma jemminx. Fin-​Niġerja, raġel miżżewweġ li aċċetta l-​verità 13-​il sena wara martu jgħid: “Waqt li kont qed nivvjaġġa maʼ Xhud, waqfitlu l-​karozza. Hu fittex lil Xhieda sħabu f’raħal fil-​viċin u huma tawna fejn noqogħdu għal-​lejl. Ħadu ħsiebna bħallikieku konna ilna nafuhom mit-​tfulija. Mill-​ewwel ħassejt l-​imħabba Kristjana li marti dejjem tkellmet dwarha.” Fl-​Ingilterra, mara li ġiet fil-​verità 18-​il sena wara żewġha tiftakar: “Ix-​Xhieda stiednu lit-​tnejn li aħna għall-​ikel. Dejjem ħassejtni milqugħa.” c Raġel fl-​istess pajjiż li eventwalment sar Xhud jgħid: “L-​aħwa kienu jżuruna, jew kienu jistidnuna fi djarhom, u ħassejt li kien jimpurtahom minna. Dan stajt ninnotah speċjalment meta kont l-​isptar u ħafna minnhom ġew iżuruni.” Tistaʼ ssib modi kif turi interess simili f’membri tal-​familja li ma jemmnux?

15, 16. X’jistaʼ jgħin lil wieħed li jemmen biex jibqaʼ ferħan meta oħrajn fil-​familja jibqgħu ma jaċċettawx il-​verità?

15 M’għandniex xi ngħidu, mhux dawk l-​imseħbin fiż-​żwieġ, it-​tfal, il-​ġenituri, jew il-​qraba kollha oħra li ma jemmnux se jiġu fil-​verità, anke wara snin taʼ kondotta tajba u għoti taʼ xhieda bit-​tattika min-​naħa taʼ dak li jemmen. Xi wħud jibqgħu indifferenti jew jibdew jopponu ħafna. (Mt. 10:35-​37) Madankollu, meta l-​Kristjani juru kwalitajiet li jogħġbu lil Alla, dan jistaʼ jħalli effett tajjeb ħafna. Raġel miżżewweġ li qabel ma kienx Kristjan jistqarr: “Meta s-​sieħeb jew is-​sieħba li temmen tibda turi dawn il-​kwalitajiet sbieħ, ma tkunx taf xi jkun għaddej fil-​moħħ u fil-​qalb taʼ dak li ma jemminx. Għalhekk, qatt taqtaʼ qalbek mis-​sieħeb tiegħek li ma jemminx.”

16 Anke jekk membru tal-​familja ma jaċċettax il-​verità, xorta waħda jistaʼ jkun ferħan dak li hu fil-​verità. Għalkemm ir-​raġel taʼ oħt m’aċċettax il-​messaġġ tas-​Saltna wara 21 sena taʼ sforzi min-​naħa tagħha, hi tgħid: “Jien inkun nistaʼ nibqaʼ ferħana billi nistinka biex nogħġob lil Ġeħova, billi nibqaʼ leali lejh, u billi naħdem biex insaħħaħ l-​ispiritwalità tiegħi. Li nkun mitfugħa b’ruħi u ġismi f’attivitajiet spiritwali—l-​istudju personali, l-​attendenza għal-​laqgħat, il-​ministeru tal-​għalqa, u li ngħin oħrajn fil-​kongregazzjoni—iressaqni eqreb lejn Ġeħova u jħarisli lil qalbi.”—Prov. 4:23.

TAQTAX QALBEK!

17, 18. Kristjan kif jistaʼ jibqaʼ jittama anke f’dar maqsuma reliġjożament?

17 Jekk inti Kristjan leali li tgħix f’dar maqsuma reliġjożament, taqtax qalbek. Ftakar li “Ġeħova ma jabbandunax lill-​poplu tiegħu minħabba ismu l-​kbir.” (1 Sam. 12:22) Hu miegħek dment li inti tkun imqabbad miegħu. (Aqra t-2 Kronaki 15:2.) Għalhekk, “tgħaxxaq b’Ġeħova.” Tabilħaqq, “erħi triqtek f’idejn Ġeħova, strieħ fuqu.” (Salm 37:4, 5) ‘Ippersevera fit-​talb,’ u kun fiduċjuż li Missierna tas-​sema kollu mħabba jistaʼ jgħinek tissaporti kull tip taʼ diffikultà.—Rum. 12:12.

18 Itlob bil-​ħerqa lil Ġeħova għall-​ispirtu qaddis tiegħu biex tippromwovi l-​paċi fid-​dar. (Ebr. 12:14) Iva, huwa possibbli li tinfluwenza għat-​tajjeb dawk tal-​familja tiegħek li mhumiex fil-​verità. Int se tesperjenza l-​ferħ u l-​paċi tal-​qalb u l-​moħħ waqt li ‘tagħmel kollox għall-​glorja t’Alla.’ (1 Kor. 10:31) Ukoll, kemm iqawwi l-​qalb li tkun taf li għandek l-​appoġġ kollu mħabba taʼ ħutek fil-​kongregazzjoni Kristjana!

[Noti taʼ taħt]

a L-​ismijiet ġew mibdulin.

b Il-​parir taʼ Pawlu ma żammx lill-​Kristjani lura milli jinfirdu legalment minn mal-​imseħbin fiż-​żwieġ f’ċirkustanzi estremi. Din tkun deċiżjoni personali serja. Ara l-​ktieb Żommu Ruħkom fl-​Imħabba t’Alla,” paġni 220-​221.

c Li tiekol maʼ wħud li ma jemmnux mhux projbit fl-​Iskrittura.—1 Kor. 10:27.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 28]

Agħżel il-​ħin it-​tajjeb biex tispjega t-​twemmin tiegħek

[Stampa f’paġna 29]

Uri tħassib għal imseħbin li ma jemmnux