Ġeħova Jaf Kif Jeħles lill-Poplu Tiegħu
“Ġeħova jaf kif jeħles mill-provi lil dawk li huma devoti lejh.”—2 PT. 2:9.
GĦALA NISTGĦU NKUNU FIDUĊJUŻI LI ĠEĦOVA:
Jikkontrolla meta jiġru l-affarijiet sabiex jitwettaq l-iskop tiegħu?
Se jkun lest juża l-qawwa li għandu biex isalva lill-poplu tiegħu?
Jaf eżattament kif se jiġru l-affarijiet matul it-tribulazzjoni l-kbira?
1. Id-dinja kif se tkun matul ‘it-tribulazzjoni l-kbira’?
IL-QERDA tad-dinja taʼ Satana se tibda ħabta u sabta, meta n-nies ma jkunux qed jistennewha. (1 Tess. 5:2, 3) Matul “il-jum il-kbir taʼ Ġeħova,” id-dinja se tkun mimlija konfużjoni. (Sof. 1:14-17) Tant se jkun hemm sofferenza u niket li l-Bibbja tiddeskrivi dan il-perijodu bħala żmien taʼ “tribulazzjoni kbira li qatt ma kien hawn bħalha mill-bidu tad-dinja s’issa.”—Aqra Mattew 24:21, 22.
2, 3. (a) Il-poplu t’Alla x’se jiffaċċja matul ‘it-tribulazzjoni l-kbira’? (b) X’se jsaħħaħ il-fiduċja tagħna fl-abbiltà taʼ Ġeħova li jsalva lill-poplu tiegħu?
2 Hekk kif ‘it-tribulazzjoni l-kbira’ tersaq lejn il-quċċata tagħha, il-poplu t’Alla se jkun il-mira t’attakk sfrenat minn “Gog taʼ l-art taʼ Magog.” Matul dan l-attakk, “qawwa militari numeruża” se tiġi kontra l-poplu t’Alla “bħal sħab li jiksi l-pajjiż.” (Eżek. 38:2, 14-16) L-ebda organizzazzjoni umana mhi se tgħin lill-poplu taʼ Ġeħova. Se jkollu bżonn jafda f’Alla għas-salvazzjoni. Il-poplu taʼ Ġeħova kif se jirreaġixxi meta l-għedewwa tiegħu se jiġu biex jeqirduh?
3 Jekk int qaddej taʼ Ġeħova, għandek fidi li Ġeħova jistaʼ u se jsalva lill-poplu tiegħu matul it-tribulazzjoni l-kbira? L-appostlu Pietru kiteb: “Ġeħova jaf kif jeħles mill-provi lil dawk li huma devoti lejh, imma jżomm lil dawk li huma inġusti għall-qtugħ f’jum il-ġudizzju.” (2 Pt. 2:9) Il-fiduċja tagħna fl-abbiltà taʼ Ġeħova li jsalva lill-poplu tiegħu se tissaħħaħ jekk nimmeditaw fuq eżempji taʼ kif Ġeħova ħeles lill-qaddejja tiegħu fil-passat. Mela ejja nikkunsidraw tlieta minn dawn l-eżempji.
SALVAT MINN DILLUVJU
4. X’kellu jsir qabel ma setaʼ jiġi d-Dilluvju?
4 L-ewwel, ikkunsidra r-rakkont tad-Dilluvju taʼ żmien Noè. Kellhom isiru ċerti affarijiet qabel ma setaʼ jiġi d-Dilluvju. Kellha tinbena arka enormi u fiha kellhom jiddaħħlu l-annimali biex isalvaw ukoll. Ir-rakkont tal-Ġenesi ma jgħidx li Ġeħova stenna sakemm tinbena l-arka biex jiddeċiedi meta kellu jkun hemm id-Dilluvju. Ġeħova ma kellux għalfejn jinkwieta jekk l-arka tkunx lesta fil-ħin. Fil-fatt, Alla ddeċieda meta kellu jibda d-Dilluvju ħafna żmien qabel ma qal lil Noè biex jibni l-arka. Kif nafuh dan?
5. (a) Ġeħova xi ddikjara f’Ġenesi 6:3? (b) Dan id-digriet meta ħareġ?
5 Il-Bibbja tgħidilna li Ġeħova ħareġ digriet fis-sema. Skont Ġenesi 6:3, hu qal: “L-ispirtu tiegħi mhux se jaġixxi bil-paċenzja mal-bniedem għal żmien indefinit għax hu laħam ukoll. Għaldaqstant, jiemu se jkunu mija u għoxrin sena.” Din ma kinitx stqarrija rigward kemm se jgħixu n-nies inġenerali. Kienet digriet ġudizzjarju li fih Ġeħova ddikjara meta kien se jnaddaf l-art mill-ħażen kollu. a Ladarba d-Dilluvju beda fis-sena 2370 Q.E.K., aħna nifhmu li Alla ħabbar li kellu jiġi d-Dilluvju fis-sena 2490 Q.E.K. F’dak iż-żmien, Noè kellu 480 sena. (Ġen. 7:6) Xi 20 sena wara, fis-sena 2470 Q.E.K., twieled l-ewwel iben taʼ Noè. (Ġen. 5:32) Kien fadal madwar mitt sena biex jibda d-Dilluvju, imma Ġeħova kien għadu ma qalx lil Noè liema rwol speċjali kien se jkollu biex isalva lir-razza umana. Alla kemm stenna qabel ma qal lil Noè?
6. Ġeħova meta kkmanda lil Noè biex jibni l-arka?
6 Milli jidher, Ġeħova stenna għaxriet taʼ snin qabel ma qal lil Noè x’kien se jagħmel. Fuq liema bażi naslu għal din il-konklużjoni? Ir-rakkont ispirat jindika li wlied Noè kienu diġà kibru u żżewġu meta Alla kkmanda lil Noè biex jibni l-arka. Ġeħova qallu: “Jien nagħmel patt miegħek; u trid tidħol fl-arka, int u wliedek u martek u n-nisa taʼ wliedek miegħek.” (Ġen. 6:9-18) Għalhekk, jistaʼ jkun li meta Noè ngħata l-inkarigu biex jibni l-arka, kien għad fadal biss xi 40 jew 50 sena għad-Dilluvju.
7. (a) Noè u familtu kif urew il-fidi? (b) Alla meta qal lil Noè li kellu jibda d-Dilluvju?
7 Waqt li Noè u familtu kienu qed jibnu l-arka, żgur li ħasbu dwar kif Alla kien se jwettaq l-iskop tiegħu u dwar meta kien se jibda d-Dilluvju. Imma minkejja li ma kinux jafu dawn id-dettalji, huma wrew il-fidi billi komplew jibnu l-arka. Il-Bibbja tgħid: “Noè għamel skond kulma kien ordnalu Alla. Għamel preċiż hekk.” (Ġen. 6:22) Fl-aħħar, Ġeħova qal lil Noè li d-Dilluvju kien se jibda fi żmien sebat ijiem. Dan ta biżżejjed ħin lil Noè u lil familtu biex jiġbru l-annimali fl-arka. Għalhekk, kollox kien lest meta nfetħu bibien is-sema “fis-sena sitt mija tal-ħajja taʼ Noè, fit-tieni xahar, fis-sbatax tax-xahar.”—Ġen. 7:1-5, 11.
8. Ir-rakkont tad-Dilluvju kif jaċċertana li Ġeħova se jkun jaf meta għandu jsalva lill-poplu tiegħu fit-tmiem taʼ din is-sistema?
8 Ir-rakkont tad-Dilluvju juri li Ġeħova dejjem ikun jaf l-aħjar żmien u l-aħjar mod kif isalva lill-poplu tiegħu. Hekk kif nersqu eqreb lejn it-tmiem taʼ din is-sistema, nistgħu nkunu ċerti li l-iskopijiet kollha taʼ Ġeħova se jitwettqu eżattament fil-“jum u s-siegħa” li hu ddeċieda.—Mt. 24:36; aqra Ħabakkuk 2:3.
SALVATI ĦDEJN IL-BAĦAR L-AĦMAR
9, 10. Ġeħova kif uża lill-poplu tiegħu biex jonsob lill-armata Eġizzjana?
9 Mir-rakkont tad-Dilluvju tgħallimna li Ġeħova jikkontrolla meta jiġru l-affarijiet sabiex jitwettaq l-iskop tiegħu. It-tieni eżempju li se nikkunsidraw juri li nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova se juża l-qawwa bla limitu li għandu biex isalva lil niesu u jagħmel ċert li titwettaq ir-rieda tiegħu. Naturalment, Ġeħova dejjem ikollu l-abbiltà li jsalva lin-nies tiegħu. Imma kultant iħallihom jiġu f’sitwazzjoni perikoluża sabiex jonsbu lill-għedewwa tiegħu. Hekk ġara meta hu ħeles lill-Iżraelin mill-jasar fl-Eġittu.
10 L-Iżraelin li telqu mill-Eġittu kienu madwar tliet miljun ruħ. Ġeħova inkariga lil Mosè biex imexxihom b’tali mod li ġiegħel lill-Fargħun jaħseb li kienu mitlufin u konfużi. (Aqra Eżodu 14:1-4.) Meta ra dan, il-Fargħun mar warajhom bl-armata tiegħu, u għalhekk l-Iżraelin inqabdu bejn l-armata u l-Baħar l-Aħmar. L-Iżraelin donnhom ġew daharhom mal-ħajt. (Eżo. 14:5-10) Imma, fil-fatt, l-Iżraelin ma kienu fl-ebda periklu. Għala le? Għax Ġeħova kien lest biex isalvahom.
11, 12. (a) Ġeħova kif għen lill-Iżraelin? (b) X’kien ir-riżultat taʼ dak li għamel Ġeħova, u dan x’jgħallimna dwar Ġeħova?
11 “Il-kolonna tas-sħab” li kienet qed tmexxi lill-Iżraelin qagħdet warajhom, u ma ħallietx lill-armata Eġizzjana tersaq lejhom. Il-kolonna ġabet id-dlam fuq l-Eġizzjani, imma lill-Iżraelin tathom id-dawl saħansitra bil-lejl. (Aqra Eżodu 14:19, 20.) Imbagħad Ġeħova feraq il-baħar permezz taʼ riħ qawwi mil-Lvant u “biddel qiegħ il-baħar f’art niexfa.” Mingħajr dubju, dan ħa ftit ħin mhux ħażin għax ir-rakkont jgħid: “Sa fl-aħħar, ulied Israel għaddew minn nofs il-baħar fuq art niexfa.” L-Iżraelin imxew ħafna iktar bil-mod mill-karrijiet tal-gwerra tal-armata Eġizzjana. Imma xorta waħda kien impossibbli li l-Eġizzjani jilħqu lill-Iżraelin għax Ġeħova kien qed jiġġieled għall-poplu tiegħu. Hu “tefaʼ lill-Eġizzjani f’konfużjoni. U beda jaqlgħalhom ir-roti minn mal-karrijiet tagħhom, u b’hekk bdew isuquhom bit-tbatija.”—Eżo. 14:21-25.
12 Meta l-Iżraelin kollha kienu fis-sigurtà fuq in-naħa l-oħra tal-baħar, Ġeħova qal lil Mosè: “Midd idek fuq il-baħar, sabiex l-ilmijiet jerġgħu lura għal fuq l-Eġizzjani, fuq il-karrijiet tal-gwerra tagħhom, u fuq is-suldati tal-kavallerija tagħhom.” Hekk kif is-suldati pprovaw jaħarbu l-ilmijiet li kienu ġejjin għal fuqhom, “Ġeħova tefaʼ lill-Eġizzjani f’nofs il-baħar.” Ma setgħux jaħarbu. “Lanqas wieħed minnhom ma tħalla.” (Eżo. 14:26-28) B’hekk, Ġeħova wera li hu għandu l-qawwa biex jeħles lill-poplu tiegħu minn kwalunkwe sitwazzjoni.
XI WĦUD SALVAW MILL-QERDA TAʼ ĠERUSALEMM
13. Ġesù ta liema istruzzjonijiet, u s-segwaċi tiegħu x’għandhom mnejn ħasbu?
13 It-tielet eżempju li se nikkunsidraw hu dak li ġara meta Ġerusalemm ġiet attakkata mill-armata Rumana fl-ewwel seklu. Dan l-eżempju jenfasizza l-fatt li Ġeħova jaf eżattament kif se jiġru l-affarijiet biex jitwettaq l-iskop tiegħu. Permezz taʼ Ġesù, Ġeħova ta istruzzjonijiet lill-Kristjani li kienu qed jgħixu f’Ġerusalemm u fil-Lhudija qabel il-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 70 E.K. Ġesù qal: “Meta taraw wieqfa f’post qaddis il-ħaġa moqżieża li ġġib ħerba u li tkellem dwarha l-profeta Danjel . . . , imbagħad dawk li jkunu fil-Lhudija ħa jibdew jaħarbu lejn il-muntanji.” (Mt. 24:15, 16) Imma s-segwaċi taʼ Ġesù kif kienu se jindunaw li din il-profezija kienet qed titwettaq?
14. Liema affarijiet seħħew li wrew ċar it-tifsir tal-istruzzjonijiet taʼ Ġesù?
14 Hekk kif bdew iseħħu l-ġrajjiet, it-tifsir tal-kliem taʼ Ġesù deher ċar. Fis-sena 66 E.K., armati Rumani mmexxija minn Ċestju Gallu waslu Ġerusalemm biex iwaqqfu ribelljoni mil-Lhud. Meta r-ribelli Lhud, magħrufin bħala Zeloti, staħbew fit-tempju, is-suldati Rumani bdew iħaffru mina minn taħt il-ħajt tat-tempju. Dawk il-Kristjani li ftakru fl-istruzzjonijiet li tahom Ġesù kienu jafu xi jfisser dan kollu. Huma fehmu li l-armata pagana li kienet qed iġġorr il-bnadar idolatrużi barra l-ħajt tat-tempju kienet “il-ħaġa moqżieża” wieqfa “f’post qaddis.” Dan kien il-waqt biex is-segwaċi taʼ Ġesù “jibdew jaħarbu lejn il-muntanji.” Imma kif kienu se joħorġu minn belt imdawra bl-għedewwa? Kienet se tiġri xi ħaġa mhix mistennija.
15, 16. (a) Ġesù ta liema istruzzjoni speċifika, u għala kien vitali li s-segwaċi tiegħu jobduha? (b) Il-ħelsien tagħna minn xiex se jiddependi?
15 Bla mistenni, Ċestju Gallu u s-suldati tiegħu telqu minn Ġerusalemm, u z-Zeloti rħewlha għal warajhom. Issa li r-Rumani u r-ribelli Lhud kienu telqu mill-belt, is-segwaċi taʼ Ġesù kellhom iċ-ċans jaħarbu. Ġesù kien qalilhom ċar u tond biex jitilqu mill-belt minnufih u ma jiħdux affarijiet magħhom. (Aqra Mattew 24:17, 18.) Kien vitali li jobdu lil Ġesù u jitilqu mill-ewwel. Għala? Għax fi ftit jiem, iz-Zeloti marru lura u bdew iġiegħlu lin-nies taʼ Ġerusalemm u tal-Lhudija jingħaqdu fir-ribelljoni. Diversi gruppi taʼ Lhud bdew jiġġieldu għall-kontroll, u s-sitwazzjoni fil-belt malajr qalbet għall-agħar. Beda jsir iktar u iktar diffiċli biex jitilqu minn Ġerusalemm. Meta r-Rumani marru lura fis-sena 70 E.K., kien impossibbli li wieħed jitlaq minn Ġerusalemm. (Lq. 19:43) Kull min baqaʼ fil-belt inqabad hemm! Imma l-Kristjani li obdew l-istruzzjonijiet taʼ Ġesù u ħarbu lejn il-muntanji kienu salvati. Huma raw b’għajnejhom stess li Ġeħova jaf kif isalva lill-poplu tiegħu. Liema lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn dan ir-rakkont?
16 Hekk kif jibdew iseħħu l-ġrajjiet matul it-tribulazzjoni l-kbira, il-Kristjani se jkollhom bżonn jobdu l-istruzzjonijiet mill-Kelma t’Alla u mill-organizzazzjoni tiegħu. Pereżempju, il-kmand taʼ Ġesù biex “jibdew jaħarbu lejn il-muntanji” japplika għalina llum ukoll. Aħna kif se naħarbu? Għadna ma nafux eżattament. b Madankollu, nistgħu nkunu żguri li Ġeħova se jurina b’mod ċar xi jfissru dawn l-istruzzjonijiet meta jasal il-waqt li nsegwuhom. Ladarba l-ħelsien tagħna se jiddependi mill-ubbidjenza, nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: ‘Jien kif nirreaġixxi għall-istruzzjonijiet li jagħti Ġeħova lin-nies tiegħu llum? Nobdi mill-ewwel jew noqgħod nitnikker?’—Ġak. 3:17.
IMSAĦĦIN GĦAL DAK LI HEMM JISTENNIENA
17. X’nitgħallmu mill-profezija taʼ Ħabakkuk dwar l-attakk taʼ Gog kontra l-poplu t’Alla?
17 Issa ejja nkomplu nitkellmu dwar l-attakk minn Gog li semmejna fil-bidu. Bħal Eżekjel, il-profeta Ħabakkuk tkellem dwar dan iż-żmien. Hu qal: “Jien smajt, u ħassejt il-ġewwieni jitqanqal; mal-ħoss xofftejja triegħdu; għadmi beda jitħassar; u fis-sitwazzjoni tiegħi ħassejtni aġitat, u b’hekk se nistenna bil-kwiet il-jum taʼ niket, għax ġej għand in-nies, biex jattakkahom.” (Ħab. 3:16) Meta Ħabakkuk semaʼ li l-għedewwa kienu ġejjin jattakkaw lill-poplu t’Alla, ħass l-istonku jingħafas, xofftejh bdew jitriegħdu, u ġismu ddgħajjef. Imma hu kien lest ‘jistenna bil-kwiet’ il-jum il-kbir taʼ Ġeħova. Meta Gog u s-segwaċi tiegħu jiġu biex jattakkaw lilna, aħna wkoll għandna mnejn nibżgħu. Imma jistaʼ jkollna l-istess fiduċja li kellu Ħabakkuk u nkunu fiduċjużi li Ġeħova se jsalva lill-poplu tiegħu.—Ħab. 3:18, 19.
18. (a) Għala m’għandniex għalfejn nibżgħu mill-attakk li ġej? (b) X’se nikkunsidraw darb’oħra?
18 It-tliet eżempji li kkunsidrajna juru li Ġeħova bla dubju jaf kif jeħles lill-poplu tiegħu. L-iskop tiegħu żgur mhux se jfalli; ir-rebħa hi ċerta. Jekk irridu nifirħu bir-rebħa kbira taʼ Ġeħova, jeħtieġ li nibqgħu leali sal-aħħar. Illum, Ġeħova kif jgħinna nżommu l-integrità tagħna? Dan hu s-suġġett tal-artiklu li jmiss.
[Noti ta’ taħt]
b Ara It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Mejju, 1999, paġna 19.
[Mistoqsijiet ta’ Studju]
[Stampa f’paġna 24]
Kienu l-Iżraelin verament fil-periklu mill-armata tal-Fargħun?