L-Iskejjel Teokratiċi—Evidenza tal-Imħabba taʼ Ġeħova
ĠEĦOVA huwa “l-Istruttur Grandjuż” tagħna. (Is. 30:20) L-imħabba timmotivah biex jeduka u jħarreġ lil ħaddieħor. Pereżempju, imqanqal minn imħabba profonda, Ġeħova juri lil Ġesù “kulma jagħmel.” (Ġw. 5:20) L-imħabba li għandu għalina, ix-Xhieda tiegħu, tqanqal lil Ġeħova biex jagħtina “l-ilsien taʼ wieħed li ġie mgħallem” waqt li nistinkaw biex nonorawh u ngħinu ’l ħaddieħor.—Is. 50:4.
Billi jimita lil Ġeħova f’li juri mħabba, il-Kumitat tat-Tagħlim tal-Ġemgħa li Tiggverna jipprovdi għaxar skejjel teokratiċi biex iħarreġ lil uħud li għandhom kemm ix-xewqa kif ukoll iċ-ċirkustanzi biex japplikaw għalihom. Tqishom int dawn l-iskejjel bħala evidenza tal-imħabba taʼ Ġeħova?
Agħti ħarsa lejn l-iskejjel teokratiċi li hemm bħalissa u lejn il-kummenti minn uħud li attendewhom. Imbagħad staqsi lilek innifsek, ‘Kif nistaʼ nibbenefika minn din l-edukazzjoni divina?’
IBBENEFIKA MIT-TAĦRIĠ TEOKRATIKU
Bħala “l-Alla taʼ l-imħabba,” Ġeħova jipprovdi taħriġ li jagħtina skop fil-ħajja, jippreparana biex negħlbu l-ostakli, u jgħinna nesperjenzaw ferħ kbir fil-ministeru tagħna. (2 Kor. 13:11) Bħad-dixxipli tal-ewwel seklu, aħna armati sew biex ngħinu lin-nies billi ‘ngħallmuhom josservaw dak kollu’ li ġejna ordnati.—Mt. 28:20.
Għalkemm għandu mnejn ma nkunux nistgħu nattendu dawn l-iskejjel kollha, nistgħu nibbenefikaw minn waħda jew iktar minnhom. U nistgħu napplikaw it-tagħlim ibbażat fuq il-Bibbja li huwa disponibbli. Nistgħu nkunu iktar effettivi fil-ministeru billi naħdmu spalla maʼ spalla maʼ qaddejja taʼ Ġeħova li huma mħarrġin sew.
Staqsi lilek innifsek, ‘Iċ-ċirkustanzi tiegħi jippermettuli nirsisti biex nattendi xi waħda minn dawn l-iskejjel?’
L-aduraturi taʼ Ġeħova jqisuh bħala privileġġ li jappoġġaw dawn l-iskejjel imprezzabbli u jitgħallmu minnhom. Jalla t-taħriġ li tirċievi jressqek eqreb lejn Alla u jippreparak biex twettaq ir-responsabbiltajiet tiegħek lejh, speċjalment il-kmand urġenti biex tipprietka l-aħbar tajba.
[Kaxxa/Stampi f’paġni 13-17]
ĦARSA LEJN L-ISKEJJEL TEOKRATIĊI
L-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
Skop: Tħarreġ lill-pubblikaturi jkunu predikaturi u għalliema effettivi tal-aħbar tajba.
Kemm Iddum: Kontinwa.
Post: F’Sala tas-Saltna lokali.
Min Jikkwalifika: Dawk kollha li jassoċjaw regolarment mal-kongregazzjoni, li jaqblu mat-tagħlim tal-Bibbja, u li ħajjithom tkun fi qbil mal-prinċipji Kristjani.
Kif Tapplika: L-istudenti jkellmu lill-indokratur tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku jekk ikunu jixtiequ jinkitbu.
Sharon, li hi paralizzata bl-amyotrophic lateral sclerosis (ALS), tgħid: “L-Iskola tal-Ministeru Teokratiku għallmitni kif għandi nagħmel riċerka u kif nistaʼ nippreżenta l-informazzjoni b’mod loġiku. Tgħallimt ukoll niffoka fuq il-bżonnijiet spiritwali taʼ ħaddieħor—mhux fuq tiegħi biss.”
Arnie, li ilu jaqdi bħala indokratur li jivvjaġġa għal żmien twil, jgħid: “Meta kont żgħir kont intemtem u kont insibha diffiċli nagħmel kuntatt bl-għajnejn maʼ oħrajn. Din l-iskola għenitni nikseb fiduċja fija nnifsi u ma nħossnix ma niswa għal xejn. Bl-għajnuna taʼ Ġeħova permezz taʼ dan it-taħriġ, tgħallimt tekniki taʼ kif nieħu n-nifs u taʼ kif nikkonċentra. Jien grat ħafna għall-abbiltà li nfaħħar lil Alla fil-kongregazzjoni u fil-ministeru.”
L-Iskola għad-Dħul f’Betel
Skop: Tgħin lil Beteliti ġodda jkollhom suċċess fis-servizz tagħhom.
Kemm Iddum: 45 minuta kull ġimgħa għal 16-il ġimgħa.
Post: F’Betel.
Min Jikkwalifika: Trid tkun membru permanenti tal-familja Betel jew volontier temporanju li jkun ġie approvat biex jaqdi f’Betel għal sena jew iktar.
Kif Tapplika: Membri tal-familja Betel li jkunu jikkwalifikaw jinkitbu awtomatikament.
Demetrius, li attenda din l-iskola fis-snin 80, jgħid: “Dan il-kors għenni ntejjeb id-drawwiet taʼ studju tiegħi u għenni nipprepara għal karriera twila f’Betel. L-għalliema, il-kurrikulu, u l-pariri prattiċi kkonvinċewni li Ġeħova jħobbni u jixtieqni nirnexxi fis-servizz tiegħi f’Betel.”
Kaitlyn tgħid: “Ġejt megħjuna niffoka fuq dak li hu l-iktar importanti—li nkun persuna spiritwali. Din l-iskola żiditli l-apprezzament tiegħi lejn Ġeħova, lejn id-dar tiegħu, u lejn l-organizzazzjoni tiegħu.”
L-Iskola tal-Ministeru tas-Saltna
Skop: Tħarreġ lill-indokraturi li jivvjaġġaw, l-anzjani, u xi drabi l-qaddejja ministerjali biex jieħdu ħsieb l-indokrar u r-responsabbiltajiet tagħhom fl-organizzazzjoni. (Atti 20:28) Jiġu kkunsidrati sitwazzjonijiet kurrenti, tendenzi, u bżonnijiet immedjati tal-kongregazzjonijiet. L-iskola tinżamm kull ftit snin skont kif tkun iddeċidiet il-Ġemgħa li Tiggverna.
Kemm Iddum: F’dawn l-aħħar snin, din l-iskola damet bejn jumejn u jumejn u nofs għall-indokraturi li jivvjaġġaw, ġurnata u nofs għall-anzjani, u ġurnata għall-qaddejja ministerjali.
Post: Ġeneralment f’Sala tas-Saltna jew f’Sala tal-Assemblea.
Min Jikkwalifika: Trid tkun indokratur li jivvjaġġa, anzjan, jew qaddej ministerjali.
Kif Tapplika: L-anzjani u l-qaddejja ministerjali jirċievu stedina mingħand l-indokratur tas-circuit. L-uffiċċju tal-fergħa jistieden lill-indokraturi li jivvjaġġaw.
“Għalkemm il-kors hu konċiż u jkopri ħafna informazzjoni fi żmien qasir, isaħħaħ lill-anzjani biex iżommu l-ferħ tagħhom u ‘jkunu rġiel’ fis-servizz taʼ Ġeħova. Kemm l-anzjani ġodda kif ukoll dawk li jkunu ilhom, jitgħallmu jirgħu b’mod effettiv u jkunu magħqudin kif jixraq ‘bi ħsieb wieħed.’”—Quinn (hawn taħt).
“Dan it-taħriġ jilħaq bilanċ perfett għax iżidilna l-apprezzament spiritwali, iwissina dwar il-perikli, u jipprovdilna suġġerimenti prattiċi dwar kif għandna nieħdu ħsieb il-merħla. Kemm hu qalbu tajba Ġeħova li jagħtina din l-għajnuna!”—Michael.
L-Iskola tas-Servizz taʼ Pijunier
Skop: Tgħin lill-pijunieri ‘jwettqu bis-sħiħ il-ministeru tagħhom.’—2 Tim. 4:5.
Kemm Iddum: Ġimagħtejn.
Post: Jiddeċiedi l-uffiċċju tal-fergħa; ġeneralment f’Sala tas-Saltna.
Min Jikkwalifika: Trid tkun ilek taqdi bħala pijunier regulari għal sena jew iktar. a
Kif Tapplika: Pijunieri li jkunu jikkwalifikaw jinkitbu awtomatikament mill-indokratur tas-circuit tagħhom u jinformahom hu.
“Din l-iskola għenitni niffaċċja l-isfidi fil-ministeru u f’ħajti,” tgħid Lily (lemin). “Il-mod kif nistudja, ngħallem, u nuża l-Bibbja tjieb ġmielu. Ninsab iktar ippreparata biex ngħin lil oħrajn, nappoġġa lill-anzjani, u nikkontribwixxi għat-tkabbir tal-kongregazzjoni.”
Brenda, li attendiet l-iskola darbtejn, tgħid: “Għenitni nkun medhija għalkollox f’affarijiet spiritwali, insaħħaħ il-kuxjenza tiegħi, u niffoka fuq li ngħin lil oħrajn. Bla dubju, Ġeħova huwa ġeneruż!”
[Nota ta’ taħt]
a Jekk ma jkunx hemm biżżejjed pijunieri biex jgħaqqdu klassi, xi pijunieri li ma jkunux attendew fil-ħames snin taʼ qabel jistgħu jiġu mistidnin jerġgħu jattendu.
L-Iskola għall-Anzjani tal-Kongregazzjoni
Skop: Tgħin lill-anzjani jieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet tagħhom fil-kongregazzjoni u jkabbru l-ispiritwalità tagħhom.
Kemm Iddum: Ħamest ijiem.
Post: Jiddeċiedi l-uffiċċju tal-fergħa; ġeneralment f’Sala tas-Saltna jew f’Sala tal-Assemblea.
Min Jikkwalifika: Trid tkun anzjan maħtur.
Kif Tapplika: L-anzjani jiġu mistidnin mill-uffiċċju tal-fergħa.
Innota l-kummenti taʼ xi wħud li attendew it-92 klassi fl-Istati Uniti:
“L-iskola kienet taʼ benefiċċju kbir għalija għax għenitni neżamina lili nnifsi biex nara kif nistaʼ nieħu ħsieb in-nagħaġ taʼ Ġeħova.”
“Issa ninsab iktar lest u determinat li nuża l-Iskrittura biex ninkuraġġixxi ’l ħaddieħor.”
“Dan it-taħriġ se ngħożżu tul għomri kollu.”
L-Iskola għall-Indokraturi li Jivvjaġġaw u n-Nisa Tagħhom
Skop: Biex l-indokraturi tas-circuit u tad-distrett ikunu iktar effettivi f’li jaqdu lill-kongregazzjonijiet hekk kif “jaħdmu iebes biex jitkellmu u jgħallmu.”—1 Tim. 5:17; 1 Pt. 5:2, 3.
Kemm Iddum: Xahrejn.
Post: Jiddeċiedi l-uffiċċju tal-fergħa.
Min Jikkwalifika: Il-ħu jrid ikun indokratur tas-circuit jew tad-distrett.
Kif Tapplika: L-uffiċċju tal-fergħa jistieden lill-indokraturi li jivvjaġġaw u n-nisa tagħhom.
“L-apprezzament tagħna għal Ġesù bħala l-kap tal-organizzazzjoni kiber. Rajna l-ħtieġa li ninkuraġġixxu lill-aħwa li naqdu u li nsaħħu l-unità f’kull kongregazzjoni. Il-kors naqqax f’moħħna l-fatt li għalkemm l-indokratur li jivvjaġġa jagħti pariri u kultant anke twiddib, il-mira prinċipali tiegħu hi li jgħin lill-aħwa jaraw li Ġeħova jħobbhom.”—Joel, l-ewwel klassi, 1999.
L-Iskola tal-Bibbja Għal Aħwa Rġiel Mhux Miżżewġin
Skop: Tipprepara lill-anzjani u l-qaddejja ministerjali mhux miżżewġin għal iktar responsabbiltajiet fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Ħafna minn dawk li jiggradwaw jiġu inkarigati biex jaqdu fejn ikun hemm il-bżonn f’pajjiżhom. Oħrajn għandhom mnejn jingħataw inkarigu f’pajjiż ieħor jekk jagħmlu lilhom infushom disponibbli. Xi gradwati jkunu jistgħu jaqdu bħala pijunieri speċjali b’mod temporanju biex jagħtu bidu u jespandu x-xogħol fi nħawi remoti u iżolati.
Kemm Iddum: Xahrejn.
Post: Jiddeċiedi l-uffiċċju tal-fergħa; ġeneralment f’Sala tas-Saltna jew f’Sala tal-Assemblea.
Min Jikkwalifika: Aħwa rġiel mhux miżżewġin li jkollhom bejn it-23 u t-62 sena, ikollhom saħħa tajba, u jkunu jixtiequ jaqdu kull fejn il-bżonn ikun ikbar. (Mk. 10:29, 30) Iridu jkunu ilhom jaqdu bħala pijunieri regulari minn tal-inqas sentejn u jkunu qed jaqdu bħala qaddejja ministerjali jew anzjani minn tal-inqas sentejn kontinwi.
Kif Tapplika: Tinżamm laqgħa fl-assemblea tas-circuit għal dawk li jkunu interessati.
“Peress li kont medhi f’dan il-kors, l-ispirtu taʼ Ġeħova setaʼ jagħmel tibdil fil-fond taʼ qalbi,” jgħid Rick, mit-23 klassi tal-Istati Uniti. “Meta Ġeħova jagħtik inkarigu, hu jappoġġak fih. Tgħallimt li jekk niffoka fuq ir-rieda t’Alla u mhux fuqi nnifsi, hu se jsaħħaħni.”
“Tgħallimt napprezza li l-organizzazzjoni t’Alla hi bħal miraklu fi żmienna,” jgħid Andreas, li jaqdi fil-Ġermanja. “It-taħriġ għenni nipprepara għax-xogħol li hemm quddiemi. Barra minn hekk, ħafna eżempji mill-Bibbja għallmuni din il-verità bażika: Li naqdi lil ħuti u lil Ġeħova jwassal għall-ferħ veru.”
L-Iskola tal-Bibbja Għal Koppji Kristjani
Skop: Tagħti taħriġ speċjalizzat lil koppji miżżewġin sabiex ikunu jistgħu jintużaw iktar bis-sħiħ minn Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu. Ħafna minn dawk li jiggradwaw jiġu inkarigati biex jaqdu fejn ikun hemm bżonn ikbar f’pajjiżhom. Oħrajn għandhom mnejn jingħataw inkarigu f’pajjiż ieħor jekk jagħmlu lilhom infushom disponibbli. Il-gradwati jistgħu jaqdu bħala pijunieri speċjali b’mod temporanju biex jagħtu bidu u jespandu x-xogħol fi nħawi remoti u iżolati.
Kemm Iddum: Xahrejn.
Post: Din l-iskola tinżamm fl-Istati Uniti u, b’seħħ minn Settembru 2012, se tinżamm ukoll fit-territorju taʼ fergħat magħżula madwar id-dinja, ġeneralment f’Sala tas-Saltna jew f’Sala tal-Assemblea.
Min Jikkwalifika: Koppji miżżewġin li jkollhom bejn il-25 u l-50 sena, b’saħħa tajba, b’ċirkustanzi li jippermettulhom jaqdu kull fejn ikun hemm bżonn ikbar, u b’attitudni: “Hawn jien! Ibgħat lili.” (Is. 6:8) Iridu jkunu ilhom miżżewġin minn tal-inqas sentejn u ilhom jaqdu fis-servizz full-time minn tal-inqas sentejn kontinwi. Ir-raġel irid ikun anzjan jew qaddej ministerjali għall-inqas sentejn kontinwi.
Kif Tapplika: Tinżamm laqgħa fil-konvenzjoni distrettwali biex tipprovdi informazzjoni lil dawk li jkunu interessati li japplikaw. Jekk ma tinżammx laqgħa fil-konvenzjonijiet f’pajjiżek u tkun tixtieq tapplika, ikteb lill-uffiċċju tal-fergħa tiegħek għal iktar informazzjoni.
“Kienu tmien ġimgħat li jbiddlulek ħajtek u opportunità mill-aqwa għal koppji li jridu jagħmlu iktar fis-servizz taʼ Ġeħova! Aħna determinati li nżommu ħajja bilanċjata li tippermettilna nużaw il-ħin tagħna bil-għaqal.”—Eric u Corina (hawn taħt), l-ewwel klassi, 2011.
L-Iskola taʼ Gilegħad
Skop: Tħarreġ studenti biex jaqdu bħala missjunarji fis-servizz tal-għalqa fi nħawi fejn ikun hemm popolazzjoni kbira ħafna, biex ikunu indokraturi li jivvjaġġaw, jew biex ikunu Beteliti. L-iskop hu li jsaħħu u jistabbilizzaw l-organizzar tat-territorju u tal-fergħa.
Kemm Iddum: Ħames xhur.
Post: Watchtower Educational Center, Patterson, New York, l-Istati Uniti tal-Amerika.
Min Jikkwalifika: Koppji miżżewġin li diġà jkunu qed jaqdu f’xi forma taʼ servizz speċjali full-time—jiġifieri, bħala missjunarji fis-servizz tal-għalqa li ma jkunux attendew din l-iskola, pijunieri speċjali, indokraturi li jivvjaġġaw, jew Beteliti. Iridu jkunu ilhom f’dan is-servizz flimkien għal imqar tliet snin mingħajr waqfien. Iridu jkunu jafu jitkellmu, jaqraw, u jiktbu tajjeb bl-Ingliż.
Kif Tapplika: Il-koppji jistgħu jiġu mistidnin mill-Kumitat tal-Fergħa tagħhom biex japplikaw.
Lade u Monique mill-Istati Uniti issa jaqdu fl-Afrika. “L-Iskola taʼ Gilegħad ħejjietna biex immorru fi kwalunkwe post fid-dinja, inxammru l-kmiem, u naħdmu mal-għeżież ħutna,” jgħid Lade.
Monique iżżid tgħid: “Meta napplika dak li tgħallimt mill-Kelma t’Alla, insib ferħ liema bħalu fl-inkarigu tiegħi. Inqis dan il-ferħ bħala iktar evidenza tal-imħabba taʼ Ġeħova.”
L-Iskola għall-Membri tal-Kumitati tal-Fergħa u n-Nisa Tagħhom
Skop: Tgħin lil dawk li jaqdu fil-Kumitati tal-Fergħa biex jieħdu ħsieb id-djar taʼ Betel, biex jagħtu attenzjoni lil kwistjonijiet tas-servizz li jeffettwaw lill-kongregazzjonijiet, u biex jieħdu ħsieb is-circuits u d-distretti. Jitgħallmu wkoll dwar it-traduzzjoni, l-istampar, u d-distribuzzjoni tal-letteratura.
Kemm Iddum: Xahrejn.
Post: Watchtower Educational Center, Patterson, New York, l-Istati Uniti tal-Amerika.
Min Jikkwalifika: Il-ħu għandu jkun membru taʼ Kumitat tal-Fergħa jew Kumitat tal-Pajjiż jew ikun se jiġi inkarigat bħala tali.
Kif Tapplika: Aħwa rġiel li jikkwalifikaw u n-nisa tagħhom jiġu mistidnin mill-Ġemgħa li Tiggverna.
Lowell u Cara, mill-25 klassi, jaqdu fin-Niġerja. “Jien ġejt imfakkar li jkolli kemm ikolli x’nagħmel jew ikun xi jkun ix-xogħol li ningħata, is-sigriet biex nogħġob lil Ġeħova huwa li nagħmel l-affarijiet kif irid hu,” jgħid Lowell. “Il-kors għallimna wkoll kemm hu importanti li nimitaw l-imħabba li Ġeħova juri lejn il-qaddejja tiegħu.”
Cara tgħid: “Kumment li mmeditajt fuqu hu dan: Jekk ma nkunx nistaʼ nispjega xi ħaġa b’tali mod li tiġi mifhuma mill-ewwel, għandi nistudja s-suġġett qabel ma nipprova ngħallmu ’l ħaddieħor.”