‘Kien l-Aqwa Messaġġ li Qatt Instemaʼ’
Mill-arkivji Tagħna
“DAWK x’jaħbtu?” staqsa George Naish, u hu jipponta lejn munzell zkuk twal 18-il metru li kienu fl-armerija f’Saskatoon, Saskatchewan, il-Kanada. Intqallu li l-injam kien intuża biex inbnew strutturi taʼ komunikazzjoni matul l-Ewwel Gwerra Dinjija. Iktar tard Ħuna Naish irrakkonta: “Ġieni f’rasi li nistgħu nużaw dawn iz-zkuk biex nibnu antenni sabiex inkunu nistgħu nittrasmettu bir-radju, u b’hekk nibtet l-idea għal stazzjon tar-radju teokratiku.” Sena biss wara—fl-1924—beda jittrasmetti s-CHUC. Kien wieħed mill-ewwel stazzjonijiet tar-radju li xandru suġġetti reliġjużi fil-Kanada.
Il-Kanada, li bejn wieħed u ieħor hi daqs l-Ewropa, kienet il-post ideali biex tingħata xhieda bir-radju. “Grazzi għax-xandiriet tagħna bir-radju, il-verità laħqet lil ħafna nies li ma stajniex nikkuntattjawhom personalment,” tgħid Florence Johnson, li kienet taħdem fl-istazzjon f’Saskatoon. “U ladarba dak iż-żmien ir-radju kien xi ħaġa ġdida, in-nies kienu ħerqanin biex jisimgħu kwalunkwe ħaġa li tiġi mxandra.” Sal-1926, l-Istudenti tal-Bibbja (kif kienu jissejħu x-Xhieda taʼ Ġeħova dak iż-żmien) kienu qed iħaddmu l-istazzjonijiet tar-radju tagħhom stess f’erbat ibliet Kanadiżi. a
X’kont tismaʼ kieku qbadt maʼ waħda minn dawn ix-xandiriet? Kantanti minn kongregazzjoni lokali spiss kienu jkantaw maʼ xi mużiċist u saħansitra maʼ orkestri żgħar. Naturalment, l-aħwa kienu jagħtu taħditiet u jikkonduċu diskussjonijiet fuq il-Bibbja. Amy Jones, li ħadet sehem fid-diskussjonijiet, qalet, “Waqt li kont inkun fil-ministeru tal-għalqa, kont nintroduċi lili nnifsi u xi kultant l-inkwilin kien jgħidli, ‘Eh, iva, smajtek fuq ir-radju.’”
Studenti tal-Bibbja f’Halifax, Nova Scotia, ippreżentaw il-programm b’mod li kien oriġinali għal dak iż-żmien. Kienu jitkellmu fuq suġġett u mbagħad jistiednu lis-semmiegħa jċemplu u jistaqsu
mistoqsijiet Bibliċi waqt li jkun qed jixxandar il-programm. Ħu wieħed kiteb: “Ir-respons għal dan it-tip taʼ programm kien enormi. Ma stajniex inlaħħqu mat-telefonati kollha li kienu jidħlulna.”Bħal fi żmien l-appostlu Pawlu, xi nies wieġbu b’mod favorevoli għall-messaġġ tal-Istudenti tal-Bibbja, u oħrajn le. (Atti 17:1-5) Xi semmiegħa għoġobhom il-messaġġ. Pereżempju, meta Hector Marshall semaʼ fuq ir-radju l-Istudenti tal-Bibbja jsemmu l-kotba Studies in the Scriptures, hu ordna sitt volumi. Iktar tard hu kiteb: “Jien ħsibt li l-kotba kienu se jgħinuni biex ngħallem il-katekiżmu nhar taʼ Ħadd.” Madankollu, sakemm qara l-ewwel volum, Hector iddeċieda li jitlaq mir-reliġjon tiegħu. Hu sar evanġelizzatur żeluż u baqaʼ jaqdi lil Ġeħova lealment sakemm miet fl-1998. Fil-Lvant taʼ Nova Scotia, l-għada li xxandret it-taħdita “Is-Saltna, it-Tama tad-Dinja,” il-Kurunell J. A. MacDonald qal lil ħu lokali: “In-nies tal-Gżira Cape Breton ilbieraħ semgħu messaġġ li kien l-aqwa wieħed li qatt instemaʼ f’din il-parti tad-dinja.”
Min-naħa l-oħra, il-kleru kien mgħaddab. Xi Kattoliċi f’Halifax heddew li jisplodu l-istazzjon li kien ixandar il-programmi tal-Istudenti tal-Bibbja. Fl-1928, imħeġġeġ mill-mexxejja reliġjużi, il-gvern bla mistenni ħabbar li mhux se jġedded il-liċenzji tal-istazzjonijiet tal-Istudenti tal-Bibbja. Bi tweġiba, l-aħwa qassmu l-fuljett Who Owns the Air?, li kien fih messaġġ stampat bi protesta kontra din l-azzjoni inġusta. Minkejja dan, l-uffiċjali tal-gvern irrifjutaw li jġeddu l-liċenzji tax-xandir tal-Istudenti tal-Bibbja.
Il-grupp żgħir tal-qaddejja tax-Xhieda fil-Kanada, ġew skuraġġiti minħabba dan? “Għall-ewwel, dehret li kienet rebħa kbira għall-għadu,” ammettiet Isabel Wainwright. “Imma kont naf li Ġeħova setaʼ jipprevieni dan kieku kien fi qbil mal-iskop tiegħu. Allura kien ifisser li kellna naġġustaw ruħna għal mod ieħor iktar rimarkevoli biex inxandru l-aħbar tajba tas-Saltna.” Minflok ma baqgħu jistrieħu żżejjed fuq ir-radju sabiex jagħtu xhieda, l-Istudenti tal-Bibbja bdew jiffokaw fuq iż-żjajjar persunali fid-djar tan-nies. Però, fi żmienu, ir-radju kellu rwol kbir f’li jxandar ‘l-aqwa messaġġ li qatt instemaʼ.’—Mill-arkivji tagħna fil-Kanada.
[Nota ta’ taħt]
a Biex jagħtu xhieda permezz tar-radju, l-aħwa fil-Kanada ħallsu lil stazzjonijiet kummerċjali biex jittrasmettu programmi fuqhom.
[Kumment f’paġna 32]
“Ma stajniex inlaħħqu mat-telefonati kollha li kienu jidħlulna”
[Stampi f’paġna 32]
(1) Stazzjon f’Edmonton, Alberta (2) Ħu jinnaviga fit-trasmettitur f’Toronto, Ontario (3) L-istazzjon CHUC f’Saskatoon, Saskatchewan