Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

It-Torri tal-Għassa Simplifikat Għala Nbeda?

It-Torri tal-Għassa Simplifikat Għala Nbeda?

GĦAL bosta snin, in-​nies madwar id-​dinja bbenefikaw mill-​informazzjoni fit-​Torri tal-​Għassa. F’Lulju 2011 inbdiet l-​edizzjoni għall-​istudju simplifikat tat-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż. Din il-​ħarġa spjegat: “Din l-​edizzjoni l-​ġdida se tkun bi prova għal sena, u jekk tkun t’għajnuna, se tkompli tiġi stampata.”

Issa, għandna l-​pjaċir inħabbrulkom li ddeċidejna li nkomplu nistampawha. Se jkun hemm ukoll edizzjoni simplifikata bil-​Franċiż, bil-​Portugiż, u bl-​Ispanjol.

GĦALA JINGĦOĠOB MINN ĦAFNA

Xi wħud fil-​Paċifiku tan-​Nofsinhar kitbu li l-​edizzjoni simplifikata għenet l-​aħwa t’hemmhekk jifhmu It-​Torri tal-​Għassa ħafna aħjar. Oħt minn pajjiż ieħor kitbet li hi u l-​familja tagħha kienu jqattgħu ħafna ħin jipprovaw ifittxu t-​tifsir taʼ kliem f’dizzjunarju u biex jifhmu espressjonijiet fl-​artikli għall-​istudju. Iżda issa jużaw dak il-​ħin biex jifhmu l-​iskritturi u għala qed jintużaw fl-​artikli.

Oħt fl-​Istati Uniti li studjat f’università qalet li għal 18-​il sena, tkellmet u kitbet b’tali mod li nies b’edukazzjoni iktar għolja biss setgħu jifhmu. Hi qalet: “Żviluppajt drawwa li nitkellem u naħseb b’mod li kien iktar komplikat milli kien hemm bżonn. Irrealizzajt li kelli nagħmel bidliet kbar fil-​mod kif naħseb u nitkellem.” It-​Torri tal-​Għassa simplifikat għenha ssir għalliema aħjar tal-​Bibbja. Hi spjegat: “It-​Torri tal-​Għassa simplifikat wera li hu t’għajnuna kbira. Il-​lingwaġġ tiegħu jagħtini eżempju mill-​aħjar taʼ kif għandi npoġġi l-​kliem bis-​sempliċità.”

Oħt fl-​Ingilterra li tgħammdet fl-​1972 kitbet dwar It-​Torri tal-​Għassa simplifikat: “Meta qrajt l-​ewwel ħarġa, ħassejt bħallikieku Ġeħova kien bilqiegħda maġenbi bi driegħu madwar spallejja u konna qegħdin naqrawha flimkien. Kien bħal meta missier jaqra storja lil ibnu qabel jorqod.”

Oħt li taqdi f’Betel fl-​Istati Uniti u li tgħammdet iktar minn 40 sena ilu qalet li l-​edizzjoni simplifikata għenitha tifhem il-​Bibbja b’mod iktar ċar. Pereżempju, il-​kaxxa “Xi Espressjonijiet Spjegati” fil-​ħarġa tal-​15 taʼ Settembru, 2011, iddeskriviet l-​espressjoni ‘sħaba taʼ xhieda’ li tinsab f’​Ebrej

12:1 b’dan il-​kliem: “Tant kien hemm li ma setgħux jingħaddu.” L-​oħt qalet li din l-​ispjegazzjoni għamlithielha ħafna eħfef biex tifhem dan il-​vers. Hi kitbet ukoll dwar l-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa taʼ kull ġimgħa. Qalet li anki jekk tifel jew tifla taqra r-​risposta tagħha mill-​edizzjoni simplifikata, il-​kliem ikun differenti mill-​edizzjoni normali. Allura t-​tweġiba tagħha tinstemaʼ interessanti għall-​udjenza.

Oħt oħra f’Betel kitbet li issa qed tieħu pjaċir saħansitra iktar bil-​kummenti tat-​tfal tal-​kongregazzjoni. It-​Torri tal-​Għassa simplifikat għenhom iwieġbu minn qalbhom. Hi żiedet tgħid: “L-​espressjonijiet tagħhom kienu t’inkuraġġiment għalija.”

Oħt li tgħammdet fl-​1984 kitbet kemm hi grata għall-​edizzjoni simplifikata: “Inħoss li kienet miktuba proprju għalija. Għamlithieli veru faċli biex nifhem dak li naqra. Issa nħossni kunfidenti li nistaʼ nwieġeb fl-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa.”

GĦAJNUNA KBIRA GĦALL-​ĠENITURI

Omm li binha għandu sebaʼ snin qalet li kienet tegħja tipprepara l-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa miegħu għax kien jiħdilha ħafna ħin biex tispjegalu s-​sentenzi. L-​edizzjoni simplifikata kif għenitha? Hi mistagħġba kemm issa binha jistaʼ jaqra l-​paragrafi faċilment. U minħabba li l-​kliem mhuwiex diffiċli u s-​sentenzi huma iqsar, hu jifhem u jieħu pjaċir bl-​artiklu. Hi kitbet: “Hu beda jipprepara l-​kummenti tiegħu għal-​laqgħat mingħajr l-​għajnuna tiegħi, u l-​attenzjoni tiegħu hi ffokata fuq ir-​rivista matul l-​istudju kollu.”

Omm li t-​tifla tagħha għandha disaʼ snin kitbet: “Qabel kellna ngħinuha tagħmel il-​kummenti tagħha. Issa tippreparahom waħedha.” Il-​ġenituri rari jkollhom jispjegaw l-​informazzjoni lil binthom għax tistaʼ tifhimha waħedha. Issa qed tieħu pjaċir ħafna iktar bl-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa.

IT-​TFAL X’JGĦIDU?

Ħafna tfal iħossu li It-​Torri tal-​Għassa simplifikat intgħamel b’mod partikulari għalihom. Rebecca, li għandha 12-​il sena, kitbet: “Jekk jogħġobkom komplu b’din l-​edizzjoni l-​ġdida!” Hi kompliet tgħid: “Inħobb is-​sezzjoni ‘Xi Espressjonijiet Spjegati.’ Hija sempliċi ħafna għat-​tfal.”

Nicolette, li għandha sebaʼ snin, tħossha l-​istess. Hi qalet: “It-​Torri tal-​Għassa kien ikun diffiċli għalija biex nifhmu. Issa nistaʼ nwieġeb mingħajr l-​għajnuna taʼ ħadd.” Emma, li għandha disaʼ snin, kitbet: “Kien t’għajnuna kbira għalija u għal ħija, li għandu sitt snin. Nistgħu nifhmu ħafna aħjar! Grazzi!”

B’mod ċar, ħafna qed jibbenefikaw minn edizzjoni taʼ It-​Torri tal-​Għassa li tuża kliem u sentenzi li huma jistgħu jifhmuhom faċilment. L-​edizzjoni simplifikata tgħin lil ħafna jifhmu l-​Bibbja iktar ċar u se tkompli tiġi stampata flimkien mal-​edizzjoni normali li għenet lil ħafna mill-​1879 ’l hawn.

[Kumment f’paġna 30]

Il-​ħin użat biex infittex it-​tifsir tal-​kliem f’dizzjunarju issa jistaʼ jintuża biex nifhem l-​iskritturi u għala qed jiġu użati

[Kumment f’paġna 31]

Omm kienet mistagħġba kemm binha issa jistaʼ jifhem l-​artiklu faċilment