Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għal Dawk li Jħobbu lil Ġeħova, “M’Hemm Ebda Tfixkil”

Għal Dawk li Jħobbu lil Ġeħova, “M’Hemm Ebda Tfixkil”

“Paċi abbundanti jkollhom dawk li jħobbu l-liġi tiegħek, u għalihom m’hemm ebda tfixkil.”—SALM 119:165.

1. Waħda ġerrejja kif uriet li ma kinitx se tieqaf ittellaq?

MARY DECKER kienet għadha adoloxxenti meta saret famuża għat-tlielaq li kienet tagħmel. Sal-1984, tant kienet saret ġerrejja tajba li ħafna ħasbu li kienet se tirbaħ midalja tad-deheb fl-Olimpijadi. Imma ġrat xi ħaġa terribbli. Matul it-tiġrija taʼ 3,000 metru, tfixklet f’sieq ġerrejja oħra u waqgħet. Ma setgħetx tispiċċa dik it-tellieqa, imma ma waqfitx ittellaq. Inqas minn sena wara, ġriet f’tellieqa taʼ mil u dan għamlitu f’inqas ħin minn kwalunkwe mara qabilha.

2. Il-Kristjani veri f’liema sens huma f’tellieqa, u fuq xiex għandna niffokaw?

2 Il-ħajja tagħna bħala Kristjani hi bħallikieku qegħdin f’tellieqa għall-ħajja taʼ dejjem. M’għandna nħallu xejn iwaqqafna milli niġru f’din it-tellieqa. Mhijiex tellieqa qasira li fiha individwu jkollu jiġri kemm jiflaħ biex jirbaħ. U mhijiex bħal meta wieħed jiġġoggja bil-mod u kultant anki jieqaf. Minflok, tistaʼ titqabbel maʼ maratona li fiha jkollok bżonn is-sabar biex tirbaħ. L-appostlu Pawlu uża l-metafora taʼ ġerrej f’tellieqa fl-ittra tiegħu lill-Kristjani li kienu jgħixu f’Korintu, belt magħrufa għall-kompetizzjonijiet atletiċi. Hu kiteb: “Ma tafux li f’tellieqa l-ġerrejja kollha jiġru, imma wieħed biss jirċievi l-premju? Iġru b’tali mod li tiksbuh.”—1 Kor. 9:24.

3. Min jistaʼ jirbaħ it-tellieqa għall-ħajja taʼ dejjem?

3 Il-Bibbja tgħidilna biex niġru f’din it-tellieqa. (Aqra l-1 Korintin 9:25-27.) Il-premju hu l-ħajja taʼ dejjem. Għall-kuntrarju tal-biċċa l-kbira mit-tlielaq, dawk kollha li jieħdu sehem f’din  it-tellieqa jistgħu jirbħu l-premju jekk jissaportu sal-aħħar. (Mt. 24:13) Individwu jitlef it-tellieqa biss jekk jieqaf isegwi r-regoli jew jieqaf jiġri qabel ma tispiċċa t-tellieqa. Din hi l-unika tellieqa li l-premju tagħha hu l-ħajja taʼ dejjem.

4. Għala mhuwiex faċli li tiġri t-tellieqa għall-ħajja taʼ dejjem?

4 Mhuwiex faċli li tiġri t-tellieqa għall-ħajja taʼ dejjem. Ġesù Kristu ġrieha bla ma qatt tfixkel, imma ħadd minna ma jistaʼ jagħmel dan. Ġakbu qal li “lkoll nitfixklu ħafna drabi.” (Ġak. 3:2) L-imperfezzjonijiet tagħna jew dawk t’oħrajn jistgħu jġegħluna nbattu fit-tellieqa jew saħansitra nieqfu għal xi żmien. Jekk jiġrilna hekk, forsi jkollna bżonn l-għajnuna biex nerġgħu nidħlu fit-tellieqa. M’għandux jissorprendina jekk nitfixklu minn żmien għal żmien.—1 Slat. 8:46.

Jekk taqaʼ, aċċetta l-għajnuna u qum!

JEKK TITFIXKEL, IBQAʼ FIT-TELLIEQA

5, 6. (a) Għala “m’hemm ebda tfixkil” għal Kristjan, u x’se jgħinu “jqum” meta jitfixkel? (b) Xi wħud għala ma ‘jqumux’ wara li jitfixklu?

5 Dak li nagħmlu meta nitfixklu jew naqgħu juri x’tip taʼ nies aħna. Xi wħud li jitfixklu jew jaqgħu, iqumu u jibqgħu jaqdu lil Alla. Oħrajn jagħżlu li ma jindmux. Proverbji 24:16 jgħid: “Il-ġust jistaʼ saħansitra jaqaʼ sebaʼ darbiet, u żgur iqum; imma n-nies mill-agħar se jitfixklu minħabba l-gwaj.”

6 Anki jekk nitfixklu jew naqgħu, nistgħu nirkupraw. Dment li nafdaw f’Ġeħova, hu lest li jgħinna meta jkollna l-problemi jew niżbaljaw. Hu se jgħinna ‘nqumu,’ għax jaf li nħobbuh. Imma n-nies mill-agħar ma jridux iqumu. Huma jirrifjutaw l-għajnuna tal-ispirtu qaddis t’Alla u tal-poplu tiegħu. Il-Bibbja tgħid li “m’hemm ebda tfixkil” għal dawk li jħobbu l-liġi taʼ Ġeħova. Dan ifisser li nistgħu nerġgħu nidħlu  fit-tellieqa għall-ħajja taʼ dejjem.—Aqra Salm 119:165.

7, 8. Wieħed kif jistaʼ “jaqaʼ” imma xorta jkollu l-approvazzjoni t’Alla?

7 Kultant wieħed jidneb għax ikollu xi dgħufija. Forsi jagħmel l-istess żball darba wara l-oħra. Imma Ġeħova xorta jqisu ġust jekk kull darba jerġaʼ jqum, jiġifieri, jekk jindem sinċerament u jħabrek biex jagħmel is-sewwa. Dan nistgħu narawh mill-mod kif Alla ttratta maʼ Iżrael tal-qedem. (Is. 41:9, 10) Proverbji 24:16, li kkwotajna qabel, minflok ma jenfasizza n-negattiv—il-fatt li ‘naqgħu’—jiffoka fuq il-pożittiv, il-fatt li ‘nqumu’ bl-għajnuna tal-Alla ħanin tagħna. (Aqra Isaija 55:7.) Alla Ġeħova u Ġesù Kristu juru li għandhom fiduċja fina u jinkuraġġuna b’qalb tajba biex ‘inqumu.’—Salm 86:5; Ġw. 5:19.

8 Anki jekk ġerrej jitfixkel jew jaqaʼ f’maratona, hu għandu mnejn xorta jkollu ħin iqum u jibqaʼ jiġri jekk iqum malajr. Fit-tellieqa tagħna għall-ħajja taʼ dejjem, ma nafux “il-jum u s-siegħa” meta se tispiċċa t-tellieqa. (Mt. 24:36) Madankollu, inqas ma nitfixklu, iktar se nkunu nistgħu nżommu ritmu regulari, nibqgħu fit-tellieqa, u nispiċċawha b’suċċess. Allura kif nistgħu nevitaw li nitfixklu?

AFFARIJIET LI JISTGĦU JĠEGĦLUNA NITFIXKLU

9. Liema ħames affarijiet se niddiskutu?

9 Aħna se niddiskutu ħames affarijiet li jistgħu jġegħluna nitfixklu—id-dgħufijiet persunali, ix-xewqat tal-laħam, l-inġustizzja fil-kongregazzjoni, it-tribulazzjoni jew il-persekuzzjoni, u l-imperfezzjonijiet t’oħrajn. Però, ftakar li jekk tfixkilna, Ġeħova hu paċenzjuż ħafna. Mhux se jaqtaʼ qalbu minnek malajr.

10, 11. David issielet maʼ liema dgħufija persunali?

10 Id-dgħufijiet persunali jistgħu jitqabblu maʼ żrar fil-korsa tat-tiġrija. Jekk nikkunsidraw xi ġrajjiet mill-ħajja tas-Sultan David u tal-appostlu Pietru, nistgħu naraw tnejn minn dawn id-dgħufijiet—in-nuqqas taʼ rażan u l-biżaʼ mill-bniedem.

11 Is-Sultan David wera li kellu dgħufija f’li jrażżan lilu nnifsu, bħalma nistgħu naraw minn dak li ġara maʼ Batseba. U meta ffaċċja l-insulti taʼ Nabal, David kien se jaġixxi bla ma jaħsibha. Iva, għalkemm kultant sabha diffiċli jrażżan lilu nnifsu, hu qatt ma waqaf jipprova jogħġob lil Ġeħova. Bl-għajnuna t’oħrajn, hu setaʼ “jqum” wara l-iżbalji li għamel.—1 Sam. 25:5-13, 32, 33; 2 Sam. 12:1-13.

12. Pietru kif baqaʼ fit-tellieqa minkejja li tfixkel?

12 Pietru baqaʼ leali lejn Ġesù u Ġeħova, imma minħabba li kellu l-biżaʼ mill-bniedem kultant tfixkel bl-ikrah. Pereżempju, ċaħad lil Sidu pubblikament, mhux biss darba, imma tliet darbiet. (Lq. 22:54-62) Darb’oħra, ittratta lil xi Kristjani bħallikieku kienu aħjar minn Kristjani oħrajn. Pietru kellu attitudni ħażina, u oħrajn fil-kongregazzjoni setgħu imitawh. Allura Pawlu ta lil Pietru parir sod. (Gal. 2:11-14) Ħa għalih Pietru minħabba dan il-parir u waqaf jiġri t-tellieqa għall-ħajja? Le. Hu ħaseb bis-serjetà dwar il-parir taʼ Pawlu, applikah, u baqaʼ fit-tellieqa.

13. Il-problemi tas-saħħa għala jistgħu jġegħluna nitfixklu?

13 Il-problemi tas-saħħa jistgħu jagħmlulna ħajjitna diffiċli ferm.  Minħabba f’hekk, xi wħud jieqfu jiġru fit-tellieqa. Pereżempju, oħt fil-Ġappun mardet serjament 17-il sena wara li tgħammdet. Ħalliet il-problemi tas-saħħa li kellha jdgħajfuha fil-verità, u saret inattiva. Imbagħad żewġ anzjani żaruha u inkuraġġewha. Meta reġgħet bdiet tattendi l-laqgħat, l-aħwa tant laqgħuha bi mħabba li bdiet tibki. Oħtna issa reġgħet qiegħda fit-tellieqa.

14, 15. Xi rridu nagħmlu meta jkollna xewqat ħżiena? Agħti eżempju.

14 Ix-xewqat tal-laħam fixklu lil ħafna nies. Meta niffaċċjaw dawn it-tentazzjonijiet, irridu nieħdu azzjoni soda biex nibqgħu nodfa mentalment, moralment, u spiritwalment. Ftakar fil-parir taʼ Ġesù biex f’sens figurattiv ‘narmu’ kull ħaġa li tistaʼ tfixkilna, saħansitra għajna jew idna. B’hekk, għandna nneħħu ħsibijiet u azzjonijiet immorali li jistgħu jġegħluna ma nibqgħux fit-tellieqa.—Aqra Mattew 5:29, 30.

15 Wieħed ħu li trabba fil-verità qal li sa fejn jiftakar hu dejjem kellu xewqat omosesswali. Hu qal li dejjem ħassu differenti u skomdu maʼ nies oħrajn. Sakemm għalaq 20 sena, kien sar pijunier regulari u kien qaddej ministerjali fil-kongregazzjoni. Imbagħad għamel żball serju u ġie dixxiplinat, u l-anzjani tawh l-għajnuna. Hu talab, studja l-Bibbja, u għamel sforz biex jgħin lil oħrajn. Dan kollu għenu jkompli jiġri fit-tellieqa. Dan seħħ ħafna żmien ilu, imma hu jgħid: “Kultant xorta nħoss dawn is-sentimenti, imma ma nħallihomx jegħlbuni. Tgħallimt li Ġeħova mhux se jħallik tiġi ttantat iktar milli tiflaħ. Allura nemmen li Alla għandu fiduċja fija.” Dan il-ħu ma jrid iħalli xejn iwaqqfu milli jkompli fit-tellieqa. Hu jaf li dak li jrid jissaporti issa mhu xejn meta mqabbel mal-ħajja fid-dinja l-ġdida. Hu jgħid: “Sa dak iż-żmien, jien se nkompli nissielet.

16, 17. (a) X’għen lil wieħed ħu li ħaseb li ma kienx ġie trattat sew? (b) X’għandna niftakru dwar il-kongregazzjoni biex ma nitfixklux?

16 Aħna nistgħu nħallu lilna nfusna nitfixklu minħabba l-inġustizzja minn oħrajn fil-kongregazzjoni. Fi Franza, ħu li qabel kien anzjan ħaseb li ma kienx ġie trattat sew. Hu mtela bl-imrar u ma baqax jattendi l-laqgħat u joħroġ fil-ministeru. Żewġ anzjani żaruh u bi mħabba semgħu hekk kif spjega dak li ħaseb li kien ġara. Inkuraġġewh jafda f’Ġeħova u fakkruh li l-iktar ħaġa importanti hi li jagħmel dak li jogħġob lil Alla. Semaʼ mill-parir tagħhom u ma damx ma reġaʼ daħal fit-tellieqa.

17 Ilkoll irridu niftakru li Ġesù Kristu hu l-wieħed li Alla ħatar bħala l-Kap tal-kongregazzjoni. M’għandniex noqogħdu ninkwetaw dwar x’jagħmlu bnedmin imperfetti. Ġesù għandu għajnejn “bħal fjamma nar.” Hu jifhem kulma jiġri fil-kongregazzjoni ħafna aħjar milli qatt nistgħu nifhmuh aħna. (Riv. 1:13-16) Pereżempju, għandna mnejn naħsbu li saret xi inġustizzja fil-kongregazzjoni. Imma fir-realtà forsi sempliċement ma fhimniex sew dak li ġara jew għala ġara. Ġesù jirranġa l-problemi fil-kongregazzjoni bil-mod it-tajjeb u fil-ħin it-tajjeb. Allura qatt m’għandna nħallu dak li jagħmel Kristjan ieħor iġegħelna nitfixklu u ma nibqgħux fit-tellieqa.

18. Kif nistgħu nibqgħu leali matul it-tribulazzjoni jew il-persekuzzjoni?

18 Żewġ affarijiet oħra li jistgħu jfixkluna huma t-tribulazzjoni jew il-persekuzzjoni u l-imperfezzjonijiet t’oħrajn fil-kongregazzjoni. Fit-tixbiha tiegħu  dwar ir-raġel li żeraʼ ż-żerriegħa, Ġesù wera li xi wħud kienu se jitfixklu għax ikunu ġarrbu “xi tribulazzjoni jew xi persekuzzjoni” minħabba li jaqdu lil Alla. Il-familja tagħna, il-ġirien tagħna, jew il-gvern jistaʼ jgħaddina minn xi tribulazzjoni jew jippersegwitana minħabba l-verità. Bniedem jistaʼ jkun f’periklu li jitfixkel speċjalment jekk “m’għandux għeruq fih innifsu,” jiġifieri, jekk il-fidi tiegħu tkun dgħajfa. (Mt. 13:21) Imma jekk inkunu determinati li nibqgħu qrib taʼ Ġeħova, il-messaġġ tas-Saltna se jgħinna jkollna għeruq b’saħħithom. Allura meta tgħaddi minn żminijiet diffiċli, immedita fuq affarijiet ‘li jistħoqqilhom tifħir.’ (Aqra Filippin 4:6-9.) Ġeħova se jagħtina s-saħħa biex nibqgħu leali matul il-provi biex ma nitfixklux u nieqfu niġru fit-tellieqa.

Tħalli xejn iwaqqfek milli tispiċċa t-tellieqa!

19. Kif nistgħu nevitaw li nitfixklu meta xi ħadd iweġġagħna?

19 B’dispjaċir, xi wħud waqfu jaqdu lil Ġeħova minħabba l-imperfezzjonijiet t’oħrajn. Huma tfixklu minħabba opinjonijiet differenti dwar kwistjonijiet tal-kuxjenza. (1 Kor. 8:12, 13) Jekk xi ħadd iweġġagħna, se niħduha daqshekk bi kbira li nitilqu mill-verità? Il-Bibbja twissi lill-Kristjani biex ma jibqgħux jiġġudikaw, biex jaħfru lil oħrajn, u biex ma jinsistux fuq drittijiet persunali. (Lq. 6:37) Meta tiffaċċja xi xkiel, staqsi lilek innifsek: ‘Qiegħed jien niġġudika lil oħrajn skont il-preferenzi tiegħi stess? Se nitlaq jien mill-verità sempliċement għax ħuti huma imperfetti?’ L-imħabba għal Ġeħova tistaʼ tgħinna nkunu determinati li ma nħallux dak li jagħmel bniedem ieħor iwaqqafna milli nispiċċaw it-tellieqa għall-ħajja.

IĠRI BIS-SABAR —EVITA T-TFIXKIL

20, 21. X’int determinat li tagħmel fit-tellieqa għall-ħajja?

20 Tixtieq inti ‘tiġri l-korsa sat-tmiem’? (2 Tim. 4:7, 8) Mela studja l-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet tagħna, agħmel riċerka, u mmedita biex issir taf liema affarijiet jistgħu jfixkluk. Itlob lil Ġeħova bil-ħrara għall-ispirtu qaddis biex isaħħek. Ftakar, jekk nitfixklu jew naqgħu, xorta nistgħu nerġgħu nidħlu fit-tellieqa u niġru sat-tmiem. Għandna mnejn inkunu nistgħu nitgħallmu mill-iżbalji tagħna ħalli niġru fit-tellieqa saħansitra aħjar.

21 Il-Bibbja turi li għandna niġru fit-tellieqa sat-tmiem jekk irridu l-premju taʼ ħajja taʼ dejjem. Hekk kif niġru, Ġeħova se jagħtina “paċi abbundanti.” (Salm 119:165) Hu se jkompli jgħinna issa u se jagħtina barkiet dejjiema jekk intemmu t-tellieqa.—Ġak. 1:12.