Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Veru li Ġużeppi Flavju Kitibha?

Veru li Ġużeppi Flavju Kitibha?

Fl-XX Ktieb tiegħu tal-Jewish Antiquities, l-istorjografu tal-ewwel seklu Ġużeppi Flavju jirreferi għall-mewt taʼ “Ġakbu, ħu Ġesù li kien jissejjaħ il-Kristu.” Ħafna studjużi jqisu din id-dikjarazzjoni bħala awtentika. Madankollu, xi wħud jiddubitaw kemm hi ġenwina stqarrija oħra rigward Ġesù fl-istess ktieb. Din is-silta, magħrufa bħala t-Testimonium Flavianum, tgħid:

“Issa, madwar dan iż-żmien kien hemm Ġesù, bniedem għaref, jekk nistgħu nsejħulu bniedem, għaliex hu kien jagħmel affarijiet tal-għaġeb—u ħafna nies kienu jieħdu pjaċir jisimgħuh jgħallem. Hu ġibed lejh ħafna Lhud kif ukoll Ġentili. Kien [il-]Kristu; u meta Pilatu, bħalma ssuġġerewlu l-irġiel ewlenin fostna, kien ikkundannah għas-salib, dawk li kienu ħabbewh mill-bidu m’abbandunawhx u hu dehrilhom ħaj mill-ġdid fit-tielet jum, bħalma l-profeti t’Alla kienu bassru dawn u għaxart elef ħaġa tal-għaġeb oħra dwaru; u l-Kristjani, li ħadu isimhom minn ismu, għadhom magħna sal-lum.”—Josephus—The Complete Works, tradott minn William Whiston.

Sa minn tmiem is-seklu sittax, qam dibattitu jaħraq bejn dawk li jemmnu li din is-silta hi awtentika u dawk li jiddubitaw jekk kitibhiex Ġużeppi Flavju. Serge Bardet, storjografu Franċiż u speċjalista tal-letteratura klassika, ipprova jsib tarf taʼ dan id-dibattitu li tant sar komplikat matul l-aħħar erbaʼ sekli. Hu ppubblika r-riċerka tiegħu fi ktieb jismu Le Testimonium Flavianum—Examen historique considérations historiographiques (It-Testimonium Flavianum—Studju Storiku b’Konsiderazzjonijiet Storiċi).

Ġużeppi Flavju ma kienx awtur Kristjan. Kien storjografu Lhudi; b’hekk, ħafna mill-kontroversja tiffoka fuq l-istqarrija li Ġesù “hu l-Kristu.” Wara analisi, Bardet sostna li dan it-titlu jikkorrispondi “kompletament mal-użu Grieg taʼ li jingħata l-artiklu [definit] lill-ismijiet tan-nies.” Bardet kompla jgħid li minn perspettiva komuni tal-Ġudaiżmu u l-Kristjanità, “l-użu tat-terminu Christos minn Ġużeppi Flavju mhux biss huwa possibbiltà,” imma hu dettall li “l-kritiċi ġeneralment żbaljaw ferm li ma tawx kasu.”

Jistaʼ jkun li iktar tard xi falsifikatur li ried jimita l-istil taʼ Ġużeppi Flavju żied maʼ din il-kitba? Bardet eżamina fatti storiċi u l-kitba nfisha u jemmen li kien ikun impossibbli għal xi ħadd li jimita l-istil tal-kitba taʼ Ġużeppi Flavju għax l-istil taʼ dan kien tant uniku.”

Allura għala dan il-plejtu kollu? Billi identifika l-qofol tal-problema, Bardet qal li kien hemm iżjed studjużi li ddubitaw din is-silta milli l-biċċa l-kbira taʼ siltiet oħrajn antiki għaliex ħafna minnhom ma ridux jemmnu li Ġesù kien il-Kristu.

Jekk l-analisi taʼ Bardet tbiddilx l-opinjoni tal-istudjużi dwar it-Testimonium Flavianum għad irridu naraw. Hi kkonvinċiet lil speċjalista magħruf tal-Ġudaiżmu Ellenistiku u l-Kristjanità primittiva, Pierre Geoltrain. Għal ħafna żmien kien iqis it-Testimonium bħala li kien kliem miżjud, saħansitra kien iwaqqaʼ għaċ-ċajt lil dawk li emmnu fl-awtentiċità tas-silta. Iżda biddel l-opinjoni tiegħu. Hu kkonkluda li l-ktieb taʼ Bardet hu r-raġuni għal din il-bidla. Geoltrain issa ddikjara li “mil-lum ’il quddiem ħadd m’għandu jażżarda jiddubita li Ġużeppi Flavju kiteb din is-silta.”

M’għandniex xi ngħidu, ix-Xhieda taʼ Ġeħova għandhom raġuni saħansitra iktar konvinċenti biex jaċċettaw li Ġesù hu l-Kristu—dik misjuba fil-Bibbja nfisha.—2 Tim. 3:16.