Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħafna Jiġu Mitmugħin Minn Ftit Uħud

Ħafna Jiġu Mitmugħin Minn Ftit Uħud

“Wara li qasam il-ħobż, [Ġesù] tah lid-dixxipli, u mbagħad id-dixxipli qassmuh lill-folol.” —MT. 14:19.

1-3. Iddeskrivi kif Ġesù temaʼ folla kbira fil-viċinanza taʼ Betsajda. (Ara l-istampa tal-bidu.)

ĠIB ix-xena quddiem għajnejk. (Aqra Mattew 14:14-21.) Huwa eżatt qabel il-Qbiż tas-sena 32 E.K. Folla taʼ xi 5,000 raġel, minbarra nisa u tfal żgħar, qegħdin maʼ Ġesù u d-dixxipli tiegħu f’post imwarrab viċin Betsajda, raħal fuq ix-xatt tat-Tramuntana tal-Baħar tal-Galilija.

2 Xħin jara l-folla, Ġesù jitħassarhom lin-nies, u allura jfejjaq lill-morda li hemm fosthom u jgħallimhom ħafna affarijiet dwar is-Saltna t’Alla. Meta jsir il-ħin, id-dixxipli jħeġġu lil Ġesù biex lin-nies jibgħathom fi rħula fil-qrib ħalli jixtru xi ħaġa x’jieklu. Imma Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu: “Agħtuhom intom xi ħaġa x’jieklu.” Kliemu żgur iħawwadhom, għax ftit għandhom provvisti magħhom—ħames ħobżiet u żewġ ħutiet żgħar.

3 Imqanqal mill-mogħdrija, Ġesù jwettaq miraklu—l-uniku miraklu li hu mniżżel bil-miktub mill-erbaʼ kittieba tal-Evanġelju. (Mk. 6:35-44; Lq. 9:10-17; Ġw. 6:1-13) Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu biex jgħidu lill-folla tpoġġi bilqiegħda fuq il-ħaxix aħdar fi gruppi taʼ 50 u taʼ 100. Wara li jitlob, hu jibda jaqsam il-ħobż u l-ħut. Imbagħad, minflok ma jagħti l-ikel lin-nies direttament, Ġesù jqassmu “lid-dixxipli sabiex dawn inewluh lin-nies.” B’mod mirakoluż, hemm biżżejjed biex jiekol kulħadd u iktar! Aħseb ftit: Ġesù temaʼ lil eluf permezz taʼ ftit—id-dixxipli tiegħu. *

4. (a) Ġesù kien saħansitra iktar konċernat dwar li jipprovdi liema tip taʼ ikel, u għala? (b) X’se niddiskutu f’dan l-artiklu għall-istudju u f’taʼ warajh?

4 Ġesù kien saħansitra iktar konċernat dwar li jipprovdi ikel spiritwali lis-segwaċi tiegħu. Hu kien jaf li l-ikel spiritwali, il-veritajiet li jinsabu fil-Kelma t’Alla, iwassal għall-ħajja taʼ dejjem. (Ġw. 6:26, 27;  17:3) Immotivat mill-istess mogħdrija li qanqlitu jitmaʼ lill-folla bil-ħobż u l-ħut, Ġesù qattaʼ ħafna sigħat jgħallem personalment lis-segwaċi tiegħu. (Mk. 6:34) Imma kien jaf li ż-żmien tiegħu fuq l-art kien se jkun qasir u li kien se jerġaʼ lura lejn is-sema. (Mt. 16:21; Ġw. 14:12) Mis-sema, Ġesù kif kien se jżomm lis-segwaċi tiegħu fuq l-art mitmugħin tajjeb spiritwalment? Kien se jsegwi mudell simili—kien se jitmaʼ lil ħafna permezz taʼ ftit uħud. Iżda, min kienu se jkunu l-ftit? Ejja naraw kif Ġesù uża lil ftit biex jitmaʼ lill-ħafna segwaċi midlukin tiegħu tal-ewwel seklu. Imbagħad, fl-artiklu li jmiss, se niddiskutu din il-mistoqsija li hi taʼ importanza vitali għal kull wieħed minna: Kif nistgħu nidentifikaw lill-ftit li permezz tagħhom Kristu jitmagħna llum?

Eluf ġew mitmugħin permezz taʼ ftit uħud (Ara paragrafu 4)

ĠESÙ JAGĦŻEL LILL-FTIT

5, 6. (a) Liema deċiżjoni importanti ħafna ħa Ġesù biex jaċċerta li s-segwaċi tiegħu kienu se jkunu mitmugħin tajjeb spiritwalment wara mewtu? (b) Ġesù kif ipprepara lill-appostli tiegħu għal irwol importanti ferm wara mewtu?

5 Kap tal-familja responsabbli jagħmel arranġament biex familtu tkun imħarsa sew fil-każ li jmut. B’mod simili, Ġesù—li kien se jsir il-Kap tal-kongregazzjoni Kristjana—għamel arranġamenti biex jaċċerta li s-segwaċi tiegħu jkunu mħarsin sew spiritwalment wara mewtu. (Efes. 1:22) Pereżempju, madwar sentejn qabel ma miet, Ġesù ħa deċiżjoni importanti. Hu beda jagħżel lil dawk il-ftit li iktar tard kien se jużahom biex jitimgħu lill-ħafna. Ikkunsidra x’ġara.

6 Wara li għamel lejl jitlob, Ġesù ġabar lid-dixxipli tiegħu u minn fosthom għażel 12-il appostlu. (Lq. 6:12-16) Għas-sentejn taʼ wara, hu kien qrib speċjalment tat-12, billi għallimhom kemm bil-kliem u kemm bl-eżempju. Hu kien jaf li kellhom ħafna x’jitgħallmu; fil-fatt, matul dak iż-żmien baqgħu jissejħu ‘dixxipli,’ jew studenti. (Mt. 11:1; 20:17) Hu tahom pariri personali siewja u taħriġ estensiv fil-ministeru. (Mt. 10:1-42; 20:20-23; Lq. 8:1; 9:52-55) Milli jidher kien qed jippreparahom għal irwol importanti ferm wara li jmut u jmur lura fis-sema.

7. Ġesù kif ta ħjiel dwar x’kienet se tkun ir-responsabbiltà ewlenija tal-appostli?

7 X’kien se jkun l-irwol tal-appostli? Hekk kif qorob Pentekoste tas-sena 33 E.K., deher ċar li l-appostli kienu se jaqdu ‘f’kariga taʼ indokrar.’ (Atti 1:20) Iżda x’kienet se tkun ir-responsabbiltà ewlenija tagħhom? Wara l-irxoxt tiegħu, Ġesù ta ħjiel f’konversazzjoni li kellu mal-appostlu Pietru. (Aqra Ġwanni 21:1, 2, 15-17.) Quddiem xi wħud mill-appostli l-oħra, Ġesù qal lil Pietru: “Itmaʼ n-nagħaġ ċkejknin tiegħi.” B’hekk, Ġesù indika li l-appostli tiegħu kienu se jkunu fost il-ftit li permezz tagħhom kien se jipprovdi ikel spiritwali lill-ħafna. X’turija tenera u effettiva taʼ kif Ġesù jħossu dwar “in-nagħaġ ċkejknin” tiegħu! *

IL-ĦAFNA JIĠU MITMUGĦIN MINN PENTEKOSTE ’L QUDDIEM

8. Il-Kristjani ġodda f’Pentekoste kif urew li għarfu b’mod ċar il-mezz li kien qed juża Kristu?

8 Minn Pentekoste tas-sena 33 E.K. ’l quddiem, Kristu rxoxtat uża lill-appostli tiegħu bħala l-mezz li bih kien se jitmaʼ lill-kumplament tad-dixxipli midlukin tiegħu. (Aqra Atti 2:41, 42.) Il-Lhud u l-proseliti li saru Kristjani midlukin bl-ispirtu dakinhar għarfuh b’mod ċar dan il-mezz. Huma b’fiduċja sħiħa “baqgħu jingħataw,” jew baqgħu leali, “għat-tagħlim taʼ l-appostli.” Il-Kristjani  ġodda kellhom ġuħ kbir għall-ikel spiritwali, u kienu jafu eżatt minn fejn għandhom iġibuh. B’lealtà soda, huma daru lejn l-appostli biex jispjegawlhom il-kliem u l-għemejjel taʼ Ġesù u biex ifissrulhom l-iskritturi li kienu jirreferu għalih. *Atti 2:22-36.

9. L-appostli kif urew li żammew ċar f’moħħhom ir-responsabbiltà tagħhom li jitimgħu n-nagħaġ taʼ Ġesù?

9 L-appostli żammew ċar f’moħħhom ir-responsabbiltà tagħhom li jitimgħu n-nagħaġ taʼ Ġesù. Pereżempju, innota kif ittrattaw kwistjoni sensittiva li setgħet iġġib firda fil-kongregazzjoni Kristjana ġdida. Ironikament, il-kwistjoni involviet l-ikel—ikel materjali. Ir-romol li kienu jitkellmu bil-Grieg kienu qed jinqabżu fit-tqassim tal-ikel taʼ kuljum, imma r-romol li kienu jitkellmu bl-Ebrajk ma kinux qed jinqabżu. L-appostli kif solvew din il-kwistjoni delikata? “It-tnax” ħatru sebaʼ aħwa rġiel kwalifikati biex jieħdu ħsieb ix-“xogħol bżonnjuż,” it-tqassim tal-ikel. L-appostli—li l-biċċa l-kbira bla dubju kienu għenu fit-tqassim tal-ikel lill-folol li Ġesù kien temaʼ mirakolożament—raw li kien iktar importanti għalihom li jiffokaw fuq l-għoti taʼ ikel spiritwali. B’hekk, iddedikaw ruħhom “għall-ministeru tal-kelma.”—Atti 6:1-6.

10. Kristu kif uża l-appostli u l-anzjani f’Ġerusalemm?

10 Sas-sena 49 E.K., mal-appostli li kienu għadhom ħajjin ingħaqdu ċerti anzjani oħrajn li kienu kwalifikati. (Aqra Atti 15:1, 2.) “L-appostli u l-anzjani f’Ġerusalemm” qdew bħala ġemgħa li tiggverna. Bħala l-Kap tal-kongregazzjoni, Kristu uża lil dan il-grupp żgħir taʼ rġiel kwalifikati biex jieħdu deċiżjonijiet rigward it-tagħlim Kristjan u biex jidderieġu l-ippritkar u t-tagħlim tal-aħbar tajba tas-Saltna.—Atti 15:6-29; 21:17-19; Kol. 1:18.

11, 12. (a) X’juri li Ġeħova bierek l-arranġament li permezz tiegħu Ibnu temaʼ lill-kongregazzjonijiet tal-ewwel seklu? (b) In-nies kif kienu jafu lil min kien qed juża Kristu biex jitmaʼ lill-kongregazzjonijiet?

11 Bierek Ġeħova l-arranġament li permezz tiegħu Ibnu temaʼ lill-kongregazzjonijiet tal-ewwel seklu? Dażgur! Kif nistgħu nkunu ċerti? Il-ktieb tal-Atti jgħid hekk: “Issa fil-bliet li [l-appostlu Pawlu u dawk li vvjaġġaw miegħu] kienu jgħaddu minnhom kienu jagħtu lil dawk t’hemmhekk id-digrieti li kienu  ġew deċiżi mill-appostli u l-anzjani f’Ġerusalemm biex josservawhom. Għalhekk, tabilħaqq, il-kongregazzjonijiet komplew jissodaw fil-fidi u jiżdiedu fl-għadd minn jum għall-ieħor.” (Atti 16:4, 5) Innota li dawk il-kongregazzjonijiet kibru minħabba l-kooperazzjoni leali tagħhom mal-ġemgħa li tiggverna f’Ġerusalemm. Mhijiex din prova tal-barka taʼ Ġeħova fuq l-arranġament li permezz tiegħu Ibnu temaʼ lill-kongregazzjonijiet? Ejja niftakru li l-ġid spiritwali hu possibbli biss bil-barka kbira taʼ Ġeħova.—Prov. 10:22; 1 Kor. 3:6, 7.

12 S’issa rajna li Ġesù segwa mudell meta temaʼ lis-segwaċi tiegħu: Hu temaʼ lil ħafna permezz taʼ ftit. Lura dak iż-żmien, kien ċar lil min kien qed juża biex jitmaʼ lill-kongregazzjonijiet. Wara kollox, l-appostli—il-membri oriġinali tal-ġemgħa li tiggverna—setgħu jagħtu prova viżibbli li kellhom l-appoġġ mis-smewwiet. Atti 5:12 jgħid: “Minn idejn l-appostli baqgħu jseħħu ħafna sinjali u għeġubijiet fost in-nies.” * Għaldaqstant, dawk li saru Kristjani ma kellhomx għalfejn jistaqsu, ‘Min tassew huma l-uħud li permezz tagħhom Kristu qed jitmaʼ lin-nagħaġ tiegħu?’ Imma sa tmiem l-ewwel seklu, is-sitwazzjoni nbidlet.

Fl-ewwel seklu, kien ċar lil min kien qed juża Ġesù biex jitmaʼ lill-kongregazzjoni (Ara paragrafu 12)

META KIEN HEMM ĦAFNA SIKRANA U FTIT QAMĦ

13, 14. (a) Ġesù liema twissija ta dwar attakk, u kliemu meta beda jitwettaq? (b) Il-kongregazzjoni kif kienet se tiġi attakkata? (Ara n-nota fl-aħħar.)

13 Ġesù bassar li l-kongregazzjoni Kristjana kienet se tiġi attakkata. Ftakar, fit-tixbiha profetika tiegħu tal-qamħ u s-sikrana, Ġesù wissa li s-sikrana (il-Kristjani foloz) kienet se tinżeraʼ qalb il-qamħ (il-Kristjani midlukin). Dawn iż-żewġ gruppi kienu se jitħallew jikbru maġenb xulxin—mhux mimsusin sal-ħsad, li kien se jiġi f’“konklużjoni taʼ sistema.” (Mt. 13:24-30, 36-43) Ma damx ma beda jitwettaq il-kliem taʼ Ġesù. *

14 L-apostasija nfirxet xi ftit fl-ewwel seklu, imma l-appostli leali taʼ Ġesù aġixxew biex ‘iżommu lura’ t-tinġis u l-influwenza tat-tagħlim falz. (2 Tess. 2:3, 6, 7) Madankollu, ladarba miet l-aħħar appostlu, l-apostasija qabbdet l-għeruq u ffjorixxiet waqt staġun twil taʼ tkabbir li dam bosta sekli. Barra minn hekk, matul dak iż-żmien, kien hemm ħafna sikrana u ftit qamħ. Ma kienx hemm mezz konsistenti u organizzat għat-tqassim tal-ikel spiritwali. Dan eventwalment kien se jinbidel. Imma l-mistoqsija hi, Meta?

MIN KIEN SE JAGĦTI L-IKEL MATUL IL-ĦSAD?

15, 16. L-istudju diliġenti tal-Iskrittura li għamlu l-Istudenti tal-Bibbja ġabilhom liema riżultati, u liema mistoqsija tqum?

15 Hekk kif qorob it-tmiem tal-istaġun tat-tkabbir, kien hemm interess kbir fil-verità tal-Bibbja. Ftakar li fis-snin 70 tas-seklu 19, grupp żgħir taʼ nies sinċieri li kienu qed ifittxu l-verità nġabru flimkien u fformaw klassijiet tal-Bibbja separati mis-sikrana—il-Kristjani foloz fil-knejjes u s-setet tal-Kristjaneżmu. B’qalb umli u moħħ miftuħ, dawn l-Istudenti tal-Bibbja sinċieri, kif sejħu lilhom infushom, fittxew fl-Iskrittura bir-reqqa u bit-talb.—Mt. 11:25.

16 L-istudju diliġenti tal-Iskrittura li għamlu l-Istudenti tal-Bibbja ġabilhom riżultati tajbin ħafna. Dawn l-irġiel u nisa leali kixfu t-tagħlim falz u xandru l-verità tal-Kelma t’Alla lil oħrajn. Huma ppubblikaw u qassmu letteratura Biblika maʼ kullimkien. Ħafna li riedu jitgħallmu  l-verità tal-Bibbja qraw il-letteratura tagħhom u saru konvinti li kienet il-verità. Għalhekk tqum mistoqsija interessanti: Kienu l-Istudenti tal-Bibbja fis-snin li wasslu għall-1914 il-mezz maħtur li bih Kristu kien se jitmaʼ lin-nagħaġ tiegħu? Le. Kienu għadhom fl-istaġun tat-tkabbir, u l-arranġament għal mezz biex jipprovdi ikel spiritwali kien għadu qed jiġi format. Kien għadu mhux il-waqt għall-Kristjani foloz biex jiġu mifrudin minn mal-Kristjani veri.

17. Liema żviluppi importanti bdew jiżvolġu fl-1914?

17 Bħalma tgħallimna fl-artiklu taʼ qabel dan, l-istaġun tal-ħsad beda fl-1914. F’din is-sena bdew jiżvolġu għadd taʼ żviluppi importanti. Ġesù sar Sultan, u bdew l-aħħar jiem. (Riv. 11:15) Mill-1914 sal-bidu tal-1919, Ġesù u Missieru marru fit-tempju spiritwali biex jagħmlu xogħol taʼ spezzjoni u tindif tant bżonjuż. * (Mal. 3:1-4) Imbagħad, mill-1919, kien il-waqt biex jibda jinġabar il-qamħ. Kien wasal finalment iż-żmien biex Kristu jaħtar mezz organizzat wieħed biex jagħti l-ikel spiritwali? Iva, tabilħaqq!

18. Ġesù bassar li kien se jagħmel liema ħatra, u x’kienet il-mistoqsija kruċjali hekk kif bdew l-aħħar jiem?

18 Fil-profezija tiegħu dwar żmien it-tmiem, Ġesù bassar li kien se jaħtar mezz biex jagħti “l-ikel [spiritwali] fiż-żmien xieraq.” (Mt. 24:45-47) Liema mezz kien se juża? Fi qbil mal-eżempju li ħalla fl-ewwel seklu, Ġesù kien se jerġaʼ jitmaʼ lil ħafna permezz taʼ ftit uħud. Imma hekk kif kienu qed jibdew l-aħħar jiem, il-mistoqsija kruċjali kienet, Min se jkunu l-ftit? Din u mistoqsijiet oħrajn dwar il-profezija taʼ Ġesù se jitwieġbu fl-artiklu li jmiss.

 

^ Par. 3 Paragrafu 3: Darb’oħra iktar tard, meta Ġesù b’mod mirakoluż temaʼ lil 4,000 raġel, minbarra nisa u tfal, hu reġaʼ ta l-ikel ‘lid-dixxipli, u mbagħad id-dixxipli tawh lill-folol.’—Mt. 15:32-38.

^ Par. 7 Paragrafu 7: Matul il-ħajja taʼ Pietru, in-“nagħaġ ċkejknin” li kienu se jiġu mitmugħin ilkoll għożżew it-tama għas-sema.

^ Par. 8 Paragrafu 8: Il-fatt li l-Kristjani ġodda “baqgħu jingħataw għat-tagħlim taʼ l-appostli” jindika li l-appostli kienu qed jgħallmu fuq bażi regulari. Ftit mit-tagħlim tal-appostli ġie dokumentat b’mod permanenti fil-kotba ispirati li issa jagħmlu parti mill-Iskrittura Griega Kristjana.

^ Par. 12 Paragrafu 12: Filwaqt li oħrajn flimkien mal-appostli rċivew għotjiet mirakolużi tal-ispirtu, jidher li fil-biċċa l-kbira tal-każi, l-għotjiet mirakolużi ngħataw lil oħrajn direttament minn xi appostlu jew fil-preżenza taʼ wieħed minnhom.—Atti 8:14-18; 10:44, 45.

^ Par. 13 Paragrafu 13: Il-kliem tal-appostlu Pawlu f’Atti 20:29, 30 juri li l-kongregazzjoni kienet se tiġi attakkata minn barra kif ukoll minn ġewwa. L-ewwel, il-Kristjani foloz (“is-sikrana”) kienu se ‘jidħlu fost’ il-Kristjani veri. It-tieni, ‘minn fost’ il-Kristjani veri, xi wħud kienu se jsiru apostati billi jitkellmu “affarijiet mgħawġin.”

^ Par. 17 Paragrafu 17: Ara l-artiklu “Ara, Jien Magħkom il-Jiem Kollha,” f’din il-ħarġa, paġna 11, paragrafu 6.