Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Agħmel it-Tfakkiriet ta’ Ġeħova l-Ferħ ta’ Qalbek

Agħmel it-Tfakkiriet ta’ Ġeħova l-Ferħ ta’ Qalbek

“It-tfakkiriet tiegħek jien għamilthom tiegħi għal dejjem.” —SALM 119:111.

1. (a) In-nies b’liema modi jwieġbu għat-tfakkiriet, u għala? (b) Bniedem kburi kif jirreaġixxi għall-pariri?

IN-NIES iwieġbu għad-direzzjoni b’mod differenti. Pereżempju, xi wħud għandhom mnejn jaċċettaw xi tfakkira mingħand xi ħadd li għandu l-awtorità imma forsi jiċħduha mingħand xi ħadd tal-età tagħhom jew xi ħadd li għandu inqas awtorità. Meta xi wħud jingħataw dixxiplina jew parir, forsi jħossuhom imnikktin, dipressi, jew imbarazzati. Imma oħrajn forsi jħossuhom motivati u kunfidenti u jkunu jridu jsiru aħjar. In-nies għala jirreaġixxu b’mod tant differenti? Raġuni waħda hi l-kburija. Meta xi ħadd kburi jingħata parir, hu jaħseb li ma japplikax għalih, allura jiċħdu u ma jibbenefikax mill-istruzzjoni li setaʼ ngħata.—Prov. 16:18.

2. Il-Kristjani veri għala japprezzaw il-pariri mill-Kelma t’Alla?

2 Mill-banda l-oħra, il-Kristjani veri japprezzaw pariri t’għajnuna, speċjalment meta jkunu bbażati fuq il-Kelma t’Alla. It-tfakkiriet taʼ Ġeħova jgħinuna naraw il-periklu taʼ kondotta ħażina. Pereżempju, jgħinuna nevitaw affarijiet li jagħmlulna l-ħsara, bħall-materjaliżmu, l-immoralità sesswali, u l-abbuż tad-drogi u l-alkoħol. (Prov. 20:1; 2 Kor. 7:1; 1 Tess. 4:3-5; 1 Tim. 6:6-11) Iktar minn hekk, aħna nifirħu bil-‘kundizzjoni tajba tal-qalb’ li tiġi meta nobdu t-tfakkiriet t’Alla.—Is. 65:14.

3. Liema attitudni tas-salmista għandna nimitaw?

3 Biex inżommu r-relazzjoni prezzjuża tagħna maʼ Missierna tas-sema, għandna nkomplu napplikaw l-istruzzjonijiet għaqlin taʼ Ġeħova f’ħajjitna. Għandna nimitaw l-attitudni tas-salmista li kiteb: “It-tfakkiriet tiegħek jien għamilthom tiegħi għal dejjem, għax huma l-ferħ taʼ qalbi.” (Salm 119:111)  Nitgħaxxqu aħna b’mod simili bil-kmandamenti taʼ Ġeħova, jew kultant inqisuhom taʼ piż? Anki jekk kultant insibuha diffiċli biex naċċettaw xi parir li ningħataw, m’għandniex għax niddispraw. Nistgħu nikkultivaw fiduċja soda fl-għerf superjuri t’Alla. Ejja nikkunsidraw tliet modi.

SAĦĦAĦ IL-FIDUĊJA TIEGĦEK BIT-TALB

4. X’kienet ħaġa waħda li qatt ma nbidlet fil-ħajja taʼ David?

4 Il-ħajja tas-Sultan David ma kinitx kollha ward u żahar, minkejja dan kien hemm xi ħaġa li qatt ma nbidlet—il-fiduċja sħiħa li kellu fil-Ħallieq tiegħu. Hu qal: “Lilek, O Ġeħova, nitlob u noffri ruħi. O Alla tiegħi, fik poġġejt il-fiduċja tiegħi.” (Salm 25:1, 2) X’għen lil David jiżviluppa fiduċja bħal din f’Missieru tas-sema?

5, 6. X’tgħidilna l-Kelma t’Alla dwar ir-relazzjoni li David kellu maʼ Ġeħova?

5 Ħafna nies jitolbu lil Alla meta jkunu għaddejjin minn problemi serji biss. Xi ngħidu jekk l-unika darba li tismaʼ mingħand xi ħabib jew qarib tkun meta jkollu bżonn il-flus jew xi pjaċir mingħandek? Maż-żmien, forsi tibda taħseb jekk dan il-ħabib iħobbokx verament. Iżda David ma kienx hekk. Ir-relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova wriet kemm kellu fidi fl-Alla tiegħu u mħabba għalih matul ħajtu—fi żminijiet tajbin u fi żminijiet ħżiena.—Salm 40:8.

6 Innota l-kliem taʼ David taʼ tifħir u radd il-ħajr lil Ġeħova: “O Ġeħova Mulej tagħna, kemm hu maestuż ismek fl-art kollha, int li d-dinjità tiegħek imsemmija ’l fuq mis-smewwiet!” (Salm 8:1) Tistaʼ tara minn kliem David x’relazzjoni mill-qrib kellu maʼ Missieru tas-sema? David tant baqaʼ impressjonat bil-kobor u l-glorja taʼ Ġeħova li tqanqal ifaħħar lil Ġeħova “l-jum kollu.”—Salm 35:28.

7. Kif nibbenefikaw meta nersqu lejn Alla fit-talb?

7 Bħal David, aħna għandna bżonn nikkomunikaw maʼ Ġeħova regolarment sabiex insaħħu l-fiduċja fih. Il-Bibbja tgħid: “Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.” (Ġak. 4:8) Li nersqu qrib Alla fit-talb huwa wkoll mod importanti kif niksbu l-ispirtu qaddis.—Aqra l-1 Ġwanni 3:22.

8. Għala għandna nevitaw li nużaw l-istess kliem jew espressjonijiet kull darba li nitolbu?

8 Meta titlob, għandek it-tendenza li tirripeti frażijiet jew tuża l-istess espressjonijiet darba wara l-oħra? Jekk iva, qabel ma tgħid it-talba, ħu ftit minuti biex taħseb dwar dak li tixtieq tgħid. Biex nagħtu tixbiha: Kieku tgħid l-istess affarijiet darba wara l-oħra lill-ħabib tiegħek kull darba li tarah, kif se jħossu? Forsi ma jkunx irid jibqaʼ jagħtik widen. M’għandniex xi ngħidu, Ġeħova qatt mhu se jiċħad talba sinċiera taʼ wieħed mill-qaddejja leali tiegħu. Imma għandna nipprovaw nevitaw li nirripetu l-istess affarijiet kull darba li nitolbu.

9, 10. (a) X’nistgħu ninkludu fit-talb tagħna? (b) X’jistaʼ jgħinna noffru talb mill-qalb?

9 Ovvjament, it-talb tagħna ma jistax ikun superfiċjali jekk irridu nersqu qrib lejn Alla. Iktar ma niftħu qalbna maʼ Ġeħova, iktar se nkunu qrib tiegħu u iktar se nafdaw fih. Iżda x’għandna ninkludu fit-talb tagħna? Il-Kelma t’Alla tgħid: “F’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu.” (Flp. 4:6) Il-fatt hu li kwalunkwe ħaġa li teffettwa r-relazzjoni tagħna m’Alla jew il-ħajja tagħna bħala wħud mill-qaddejja tiegħu hi suġġett xieraq għat-talb.

10 Nistgħu nitgħallmu ħafna mit-talb taʼ rġiel u nisa leali tal-passat. (1 Sam. 1:10, 11; Atti 4:24-31) Pereżempju, il-ktieb  tas-Salmi fih ġabra taʼ talb u għanjiet mill-qalb lil Ġeħova. Kull sentiment uman, minn agunija għal ferħ kbir, jidher f’dan it-talb u għanjiet. Studju taʼ dan it-talb jistaʼ jgħinna nagħmlu talbna iktar sinifikanti.

IMMEDITA FUQ IT-TFAKKIRIET T’ALLA

11. Għala għandna bżonn nimmeditaw fuq pariri Bibliċi?

11 David iddikjara: “It-tfakkira taʼ Ġeħova taʼ min jafdaha, u tagħti l-għerf lil min hu bla esperjenza.” (Salm 19:7) Iva, anki jekk m’għandniex esperjenza, nistgħu nsiru għorrief billi nobdu l-kmandamenti t’Alla. Imma hemm xi pariri fil-Bibbja li għandna nimmeditaw fuqhom jekk irridu nibqgħu leali f’kull sitwazzjoni tal-ħajja. Pereżempju, jekk nimmeditaw fuq prinċipji Bibliċi nistgħu niġu megħjunin nibqgħu leali meta niġu ttantati nagħmlu xi ħaġa ħażina l-iskola jew ix-xogħol. Nistgħu niġu megħjunin ukoll nobdu l-liġijiet t’Alla dwar id-demm u n-newtralità Kristjana u napplikaw il-prinċipji Bibliċi meta nagħżlu l-ilbies. Il-meditazzjoni fuq il-pariri t’Alla se tgħinna nippreparaw għal sitwazzjonijiet bħal dawn. Imbagħad inkunu nistgħu niddeċiedu x’se nagħmlu qabel ma tinqalaʼ s-sitwazzjoni. Preparazzjoni bħal din tistaʼ tgħinna nevitaw żbalji taʼ wġigħ.—Prov. 15:28.

12. Li naħsbu dwar liema mistoqsijiet jistaʼ jgħinna nżommu t-tfakkiriet t’Alla?

12 Hekk kif nistennew biex jitwettqu l-wegħdi t’Alla, turi l-ħajja tagħna li qed nibqgħu mqajmin spiritwalment? Pereżempju, nemmnu verament li Babilonja l-Kbira dalwaqt se tinqered? Għadhom il-barkiet futuri, bħall-ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna, reali għalina daqskemm kienu meta l-ewwel tgħallimna dwarhom? Żammejna ż-żelu tagħna għall-ministeru b’saħħtu, jew qed inpoġġu x-xewqat tagħna l-ewwel f’ħajjitna? Xi ngħidu għat-tama tal-irxoxt, it-taqdis taʼ isem Ġeħova, u d-dritt tiegħu li jkun is-Sovran? Għadhom dawn kwistjonijiet vitali għalina? Meditazzjoni fuq mistoqsijiet bħal dawn tistaʼ tgħinna nagħmlu kif qal is-salmista, inżommu t-tfakkiriet t’Alla “għal dejjem.”—Salm 119:111.

13. Il-Kristjani tal-ewwel seklu għala sabuha diffiċli biex jifhmu ċerti affarijiet? Agħti eżempju.

13 Xi affarijiet imsemmijin fil-Bibbja forsi ma nifhmuhomx bis-sħiħ issa għax Ġeħova għażel li ma jispjegahomx għalissa. Ġesù qal lill-appostli tiegħu darba wara l-oħra li kien se jkollu jbati u jinqatel. (Aqra Mattew 12:40; 16:21.) Imma l-appostli ma fehmux x’ried ifisser. Kien biss wara li Ġesù ġie rxoxtat, deher lid-dixxipli tiegħu, u għenhom jifhmu l-profeziji dwar il-Kristu li fehmu dak li qal. (Lq. 24:44-46; Atti 1:3) U kien biss wara li s-segwaċi taʼ Kristu rċivew l-ispirtu qaddis f’Pentekoste tas-sena 33 E.K. li fehmu li s-Saltna t’Alla kienet se taħkem mis-sema.—Atti 1:6-8.

14. Liema eżempju tajjeb ħallewlna ħutna fil-bidu tas-seklu 20?

14 B’mod simili, fil-bidu tas-seklu 20, il-Kristjani veri kellhom stennijiet żbaljati dwar x’kien se jiġri matul “l-aħħar jiem.” (2 Tim. 3:1) Pereżempju, fl-1914, xi wħud ħasbu li dalwaqt kienu se jittieħdu fis-sema, imma dan ma seħħx. Dawn il-Kristjani komplew jistudjaw l-Iskrittura u għarfu li l-ewwel kellu jsir xogħol kbir taʼ ppritkar. (Mk. 13:10) Għaldaqstant, fl-1922, J. F. Rutherford, li dak iż-żmien kien qed jieħu t-tmexxija fix-xogħol tal-ippritkar, qal lil dawk miġburin fil-konvenzjoni internazzjonali f’Cedar Point, Ohio, l-Istati Uniti tal-Amerika: “Araw, is-Sultan jirrenja!  Intom l-aġenti pubbliċitarji tiegħu. Għalhekk, irreklamaw, irreklamaw, irreklamaw, is-Sultan u s-saltna tiegħu.” Minn dak iż-żmien ’il quddiem, il-qaddejja taʼ Ġeħova kienu magħrufin għall-ippritkar tal-“aħbar tajba tas-saltna.”—Mt. 4:23; 24:14.

15. Kif nibbenefikaw billi nimmeditaw fuq il-mod kif Alla ttratta mal-poplu tiegħu?

15 Billi nimmeditaw fuq il-mod meraviljuż kif Ġeħova ttratta mal-poplu tiegħu, kemm fil-passat kif ukoll fil-preżent, aħna niksbu fiduċja akbar fl-abbiltà li għandu li jwettaq ir-rieda u l-iskop tiegħu fil-futur. Fl-istess ħin, it-tfakkiriet t’Alla jgħinuna nżommu ċar f’moħħna u qalbna l-profeziji tiegħu li għad iridu jitwettqu. Nistgħu nkunu ċerti li billi nagħmlu hekk se niġu megħjunin inkabbru l-fiduċja fil-wegħdi tiegħu.

SAĦĦAĦ IL-FIDUĊJA TIEGĦEK B’ATTI TAʼ QIMA

16. Liema barkiet ingawdu meta nibqgħu attivi fil-ministeru?

16 Alla tagħna, Ġeħova, hu Alla dinamiku, Alla t’azzjoni. “Min għandu enerġija daqsek, O Jah?” saqsa s-salmista. Hu kompla jgħid: “Idek b’saħħitha, lemintek fl-għoli.” (Salm 89:8, 13) Minħabba li hu Alla t’azzjoni, Ġeħova japprezza u jbierek l-isforz li nagħmlu fis-servizz tiegħu. Hu jara li l-qaddejja tiegħu—irġiel jew nisa, kbar jew żgħar—ma joqogħdux b’idejhom fuq żaqqhom u jieklu “ħobż l-għażż.” (Prov. 31:27) Bħall-Ħallieq tagħna, aħna nibqgħu beżlin f’attivitajiet teokratiċi. Meta nagħmlu l-aħjar tagħna fis-servizz t’Alla, dan jagħmilna wkoll ferħanin u jogħġob lil Ġeħova.—Aqra Salm 62:12.

17, 18. Il-fiduċja tagħna f’Ġeħova kif tissaħħaħ meta nsegwu d-direzzjonijiet tiegħu? Agħti eżempju.

 17 L-atti taʼ fidi b’liema mod jgħinuna nsaħħu l-fiduċja f’Ġeħova? Aħseb dwar x’ġara meta l-Iżraelin kienu se jidħlu fl-Art Imwiegħda. Ġeħova kien idderieġa lill-qassisin li kienu qed iġorru l-arka tal-patt biex jimmarċjaw dritt għal ġox-Xmara Ġordan. Imma hekk kif in-nies waslu qrib ix-xmara, raw li l-ilmijiet kienu għoljin u kienu għaddejjin b’ħeffa minħabba x-xita tar-rebbiegħa. X’kienu se jagħmlu l-Iżraelin? Jikkampjaw ħdejn ix-xmara u jistennew ġimgħat sħaħ jew saħansitra iktar biex l-ilmijiet jonqsu? Le, huma fdaw kompletament f’Ġeħova u segwew id-direzzjonijiet tiegħu. X’kien ir-riżultat? Ir-rakkont jgħid: “Hekk kif saqajn il-qassisin messew l-ilma, ix-xmara waqfet, . . . u l-qassisin qagħdu bilwieqfa f’nofs il-qiegħ niexef tax-xmara ħdejn Ġeriko waqt li kulħadd qasam għan-naħa l-oħra.” (Ġoż. 3:12-17, Contemporary English Version) Immaġina kemm kienu ferħanin l-Iżraelin meta dawk l-ilmijiet li kienu għaddejjin b’ħeffa rawhom jieqfu! Tabilħaqq, il-fidi tal-Iżraelin f’Ġeħova ssaħħet għax fdaw fid-direzzjonijiet tiegħu.

Se turi int li tafda f’Ġeħova bħalma għamlu l-Iżraelin fi żmien Ġożwè? (Ara paragrafi 17, 18)

18 Veru, Ġeħova ma jwettaqx mirakli bħal dawn għall-poplu tiegħu llum, imma hu jbierek l-atti taʼ fidi tagħhom. Il-forza attiva t’Alla tagħtihom il-qawwa biex iwettqu x-xogħol inkarigat lilhom taʼ li jippritkaw il-messaġġ tas-Saltna mad-dinja kollha. U Ġesù Kristu, ix-Xhud ewlieni taʼ Ġeħova, wiegħed lid-dixxipli tiegħu li kien se jappoġġahom f’dan ix-xogħol importanti. Hu qalilhom: “Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha. . . . Jien magħkom il-jiem kollha sal-konklużjoni tas-sistema.” (Mt. 28:19, 20) Ħafna Xhieda li forsi jħossuhom mistħijin jew eċċitati biex jitkellmu m’oħrajn jgħidu li l-ispirtu qaddis t’Alla jagħtihom il-kuraġġ biex jitkellmu maʼ stranġieri fil-ministeru.—Aqra Salm 119:46; 2 Korintin 4:7.

19. Anki jekk ma nistgħux nagħmlu kemm nixtiequ fis-servizz t’Alla, minn xiex nistgħu nkunu ċerti?

19 Xi aħwa ma jistgħux jagħmlu kemm jixtiequ fis-servizz t’Alla minħabba mard jew età avanzata. Però, jistgħu jkunu ċerti li “l-Missier taʼ kull ħniena tenera u l-Alla taʼ kull faraġ” jifhem iċ-ċirkustanzi tagħhom. (2 Kor. 1:3) Hu jgħożż dak kollu li nistgħu nagħmlu fis-servizz tiegħu. U lkoll kemm aħna rridu niftakru li s-salvazzjoni tagħna tiddependi l-aktar fuq il-fidi tagħna fis-sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa.—Ebr. 10:39.

20, 21. Liema huma xi modi li bihom nuru li nafdaw f’Ġeħova?

20 Il-qima tagħna tinvolvi li nużaw il-ħin, l-enerġija, u l-affarijiet materjali tagħna kemm nistgħu fis-servizz t’Alla. Iva, aħna b’qalbna kollha rridu ‘nagħmlu x-xogħol taʼ evanġelizzatur.’ (2 Tim. 4:5) Il-fatt hu li aħna ferħanin nagħmlu dan, għax jgħin lil oħrajn “jaslu għall-għarfien eżatt dwar il-verità.” (1 Tim. 2:4) B’mod ċar, li nonoraw u nfaħħru lil Ġeħova jagħmilna għonja spiritwalment. (Prov. 10:22) U jgħinna jkollna fiduċja sħiħa fil-Ħallieq tagħna, jiġri x’jiġri.—Rum. 8:35-39.

21 Bħalma ddiskutejna, li nafdaw f’Ġeħova għal direzzjoni għaqlija ma jiġix awtomatikament; irridu naħdmu biex ikollna din il-fiduċja. Allura, strieħ fuq Ġeħova bit-talb. Immedita fuq kif Ġeħova wettaq il-wegħdi tiegħu fil-passat u kif se jagħmel l-istess fil-futur. U kompli saħħaħ il-fiduċja tiegħek f’Ġeħova b’atti taʼ qima. Tabilħaqq, it-tfakkiriet taʼ Ġeħova se jibqgħu għal dejjem. U jekk tagħti kas dawn it-tfakkiriet, int tistaʼ tgħix għal dejjem!