Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġeħova—L-aqwa Ħabib tagħna

Ġeħova—L-aqwa Ħabib tagħna

“[Abraham] beda jissejjaħ ‘il-ħabib taʼ Ġeħova.’” —ĠAK. 2:23.

1. Peress li nħlaqna fix-xbieha t’Alla, liema ħila għandna?

“WIĊĊ missieru għandu!” Din hi frażi li jgħiduha ħafna nies. Tabilħaqq, ħafna tfal huma fula maqsuma mal-ġenituri tagħhom. Wara kollox, kull tifel u tifla jirtu kwalitajiet mingħand missierhom u ommhom. Ġeħova, Missierna tas-sema, hu d-Donatur tal-ħajja. (Salm 36:9) U aħna, uliedu l-bnedmin, sa ċertu punt nixbhuh. Peress li nħlaqna fix-xbieha tiegħu, għandna l-ħila nirraġunaw u nieħdu deċiżjonijiet u niżviluppaw u nżommu ħbiberiji.—Ġen. 1:26.

2. Ġeħova jistaʼ jsir il-Ħabib tagħna fuq liema bażi?

2 Ġeħova jistaʼ jkun l-aqwa Ħabib tagħna. Ħbiberija bħal din hi bbażata fuq l-imħabba t’Alla għalina u l-fidi tagħna fih u f’Ibnu. Ġesù stqarr: “Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġw. 3:16) Hemm ħafna eżempji taʼ dawk li kellhom relazzjoni mill-qrib maʼ Ġeħova. Ejja nikkunsidraw tnejn minnhom.

“ABRAHAM IL-ĦABIB TIEGĦI”

3, 4. X’kuntrast hemm bejn Abraham u d-dixxendenti tiegħu rigward il-ħbiberija maʼ Ġeħova?

3 Ġeħova rrefera għall-patrijarka u l-antenat tal-Iżraelin  bħala “Abraham il-ħabib tiegħi.” (Is. 41:8) It-2 Kronaki 20:7 jikkonferma dan, għax jgħid li Abraham ħabb lil Alla. X’kienet il-bażi għall-ħbiberija dejjiema taʼ dan ir-raġel leali mal-Ħallieq tiegħu? Kienet il-fidi t’Abraham.—Ġen. 15:6; aqra Ġakbu 2:21-23.

4 Id-dixxendenti t’Abraham, li saru l-ġens taʼ Iżrael tal-qedem, oriġinalment kellhom lil Ġeħova bħala Missierhom u Ħabibhom. Madankollu, b’sogħba, tilfu l-ħbiberija tagħhom m’Alla. Għala? Għaliex ma baqgħux jeżerċitaw il-fidi tagħhom fil-wegħdi taʼ Ġeħova.

5, 6. (a) Ġeħova kif sar il-Ħabib tiegħek? (b) Liema mistoqsijiet jixirqilhom l-attenzjoni tagħna?

5 Iktar ma titgħallem dwar Ġeħova, iktar se tissaħħaħlek il-fidi fih, u mħabbtek lejh se tkun iktar profonda. Ftakar fiż-żmien meta skoprejt li Alla hu Persuna reali, xi ħadd li miegħu stajt tiżviluppa relazzjoni mill-qrib. Sirt taf ukoll li lkoll kemm aħna twelidna fid-dnub minħabba d-diżubbidjenza taʼ Adam. Bdejt tifhem li l-umanità inġenerali hi mbiegħda minn Alla. (Kol. 1:21) Imbagħad bdejt tirrealizza li Missierna tas-sema kollu mħabba mhuwiex xi persuna mbiegħda li tiġi taqaʼ u tqum minna. Meta tgħallimna dwar il-provvediment tiegħu tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa u eżerċitajna l-fidi f’dan il-provvediment, bdejna nibnu ħbiberija m’Alla.

6 Hekk kif inħarsu lura, għandna nistaqsu lilna nfusna: ‘Qed nagħmel progress fil-ħbiberija tiegħi m’Alla? Il-fiduċja tiegħi fih hi b’saħħitha? U l-imħabba tiegħi għal dan il-Ħabib maħbub, Ġeħova, qed tikber maʼ kull ġurnata li tgħaddi?’ Individwu ieħor tal-imgħoddi li kellu relazzjoni mill-qrib maʼ Ġeħova kien Gidegħon. Issa, ejja nikkunsidraw l-eżempju mill-aħjar tiegħu u ndaħħluh f’qalbna.

“ĠEĦOVA HU PAĊI”

7-9. (a) Gidegħon liema esperjenza rimarkevoli kellu, u x’kien ir-riżultat tagħha? (Ara l-ewwel stampa.) (b) Aħna kif nistgħu nsaħħu l-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova?

7 L-Imħallef Gidegħon qeda lil Ġeħova matul perijodu taʼ taqlib fl-istorja taʼ Iżrael wara li l-ġens daħal fl-Art Imwiegħda. Imħallfin kapitlu 6 jirrakkonta li l-anġlu taʼ Ġeħova żar lil Gidegħon f’Għofra. Dakinhar, il-Midjanin kienu veru taʼ theddida għal Iżrael. Għal din ir-raġuni, Gidegħon ma kienx qed jidres il-qamħ f’xi għalqa miftuħa imma f’magħsar tal-inbid, fejn setaʼ jaħbi malajr il-qmuħ taʼ valur. Gidegħon issorprenda ruħu li l-anġlu deherlu u indirizzah bħala “qalbieni u setgħan.” Hu ddubita jekk Ġeħova, li kien ħeles lill-Iżraelin mill-Eġittu, kienx tassew se jgħinhom issa. Meta tkellem għan-nom tal-Ħallieq, l-anġlu assigura lil Gidegħon li Ġeħova verament kien qed jappoġġah.

8 Gidegħon beda jitħasseb kif kien se jkun possibbli għalih biex “isalva lil Israel minn id Midjan.” Ir-risposta li rċieva kienet diretta: “Għax se nkun miegħek,” qal Ġeħova, “u int toqtol lil Midjan bħallikieku raġel wieħed.” (Mħ. 6:11-16) Probabbli għax kien għadu qed jitħasseb kif kien se jirnexxilu jagħmel dan, Gidegħon talab sinjal. Innota li f’din il-konversazzjoni, Gidegħon qatt ma ddubita jekk Alla kienx Persuna reali jew le.

9 Dak li ġara mbagħad saħħaħ il-fidi taʼ Gidegħon u ressqu eqreb lejn Alla. Gidegħon ħejja ikla u servieha lill-anġlu. Meta l-ikel inbelaʼ min-nar mirakolożament malli ntmess mill-bastun tal-anġlu, Gidegħon irrealizza li l-anġlu kien tabilħaqq ir-rappreżentant taʼ Ġeħova. Maħsud, Gidegħon esklama: “Jaħasra, Sovran Mulej Ġeħova, għax jien rajt l-anġlu taʼ Ġeħova wiċċ imbwiċċ!” (Mħ. 6:17-22)  Imma taħseb li dik l-esperjenza effettwat ħażin il-ħbiberija li Gidegħon kellu maʼ Ġeħova? Xejn affattu! Pjuttost l-oppost. Gidegħon sar jaf lil Ġeħova b’tali mod li ħassu fil-paċi m’Alla. Dan nafuh mill-isem mogħti lill-artal li bena Gidegħon f’dak il-post—“Ġeħova-sliem.” Dan l-isem ifisser “Ġeħova hu paċi.” (Aqra Mħallfin 6:23, 24.) Meta nimmeditaw fuq dak li Ġeħova jagħmlilna kull jum, nibdew nirrealizzaw li hu Ħabib veru. Talb regulari lil Alla jżidilna s-sentimenti taʼ paċi, u jsaħħaħ il-ħbiberija tagħna miegħu.

‘MIN SE JKUN MISTIEDEN FIT-TINDA TAʼ ĠEĦOVA?’

10. Skont Salm 15:3, 5, Ġeħova x’jirrikjedi minna jekk irridu nkunu ħbiebu?

10 Madankollu, biex Ġeħova jkun Ħabibna, irridu nissodisfaw ċerti kundizzjonijiet. Kif inhu dokumentat f’Salm 15, David kanta dwar dak li hu meħtieġ minna biex inkunu ‘mistidnin fit-tinda taʼ Ġeħova,’ jiġifieri, biex inkunu ħbieb m’Alla. (Salm 15: 1) Ejja niffokaw fuq tnejn minn dawn il-ħtiġijiet—ma nimmalafamawx u nkunu onesti f’kulma nagħmlu. Rigward dawn il-kwistjonijiet, David qal hekk dwar mistieden fit-tinda taʼ Ġeħova: “Ma mmalafamax bi lsienu. . . . U tixħim kontra l-innoċenti m’aċċettax.”—Salm 15:3, 5.

11. Għala ma rridu nimmalafamaw lil ħadd?

11 F’Salm ieħor, David wissa: “Ħares ilsienek mill-ħażen.” (Salm 34:13) Meta ma nagħtux kas dan il-parir imnebbaħ, inkunu qed nibnu ħajt bejnna u bejn Missierna ġust tas-sema. Difatti, il-malafama hija karatteristika taʼ Satana, l-għadu l-kbir taʼ Ġeħova. It-terminu “Xitan” ġej minn kelma Griega li tissinifika “wieħed li jimmalafama.” Meta noqogħdu attenti x’ngħidu lil oħrajn u x’ngħidu dwarhom, dan se jgħinna nibqgħu qrib Ġeħova. Dan hu speċjalment minnu fejn tidħol l-attitudni tagħna rigward irġiel maħturin fil-kongregazzjoni.—Aqra Ebrej 13:17; Ġuda 8.

12, 13. (a) Għala għandna nkunu onesti f’kollox? (b) L-onestà tagħna kif teffettwa lil oħrajn?

12 Il-qaddejja taʼ Ġeħova huma magħrufin li huma onesti. L-appostlu Pawlu kiteb: “Ibqgħu itolbu għalina, għax aħna fiduċjużi li għandna kuxjenza onesta, peress li nixtiequ nġibu ruħna bl-onestà f’kollox.” (Ebr. 13:18) Peress li aħna determinati li “nġibu ruħna bl-onestà f’kollox,” ma niħdux vantaġġ minn ħutna l-Kristjani. Pereżempju, jekk jaħdmu għalina, nagħmlu ċert li jiġu trattati b’mod ġust u jitħallsu fi qbil maʼ dak li nkunu qbilna dwaru. Bħala Kristjani, inġibu ruħna bl-onestà mal-impjegati tagħna u maʼ kulħadd. U jekk aħna impjegati maʼ Kristjan seħibna, noqogħdu attenti li ma niħdux vantaġġ minnu billi nistennew li jittrattana b’mod differenti.

13 In-nies fid-dinja spiss ifaħħru lix-Xhieda taʼ Ġeħova għall-onestà tagħhom. Pereżempju, id-direttur taʼ kumpanija kbira ħafna nnota li x-Xhieda taʼ Ġeħova jżommu l-wegħdi tagħhom, u qal, “Intom dejjem iżżommu maʼ dak li tkunu qbiltu dwaru.” (Salm 15:4) Kondotta bħal din tgħinna nżommu l-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. Iktar minn hekk, iġġib tifħir lil Missierna tas-sema kollu mħabba.

GĦIN LIL OĦRAJN BIEX ISIRU L-ĦBIEB TAʼ ĠEĦOVA

Aħna ngħinu lil oħrajn biex isiru l-ħbieb taʼ Ġeħova (Ara paragrafi 14, 15)

14, 15. Fil-ministeru, kif nistgħu ngħinu lil oħrajn isiru l-ħbieb taʼ Ġeħova?

14 Għalkemm għandhom mnejn jemmnu li Alla jeżisti, ħafna nies li niltaqgħu magħhom fil-ministeru ma jqisuhx bħala l-aqwa Ħabib tagħhom. Kif nistgħu ngħinuhom? Ikkunsidra l-istruzzjonijiet li Ġesù ta lil 70 mid-dixxipli tiegħu meta bagħathom tnejn tnejn sabiex jippritkaw: “Kulfejn tidħlu  f’xi dar, l-ewwel għidu, ‘Jalla jkollha l-paċi din id-dar!’ U jekk ikun hemm ħabib tal-paċi, il-paċi tagħkom tibqaʼ fuqu. Imma jekk le, terġaʼ lura għandkom.” (Lq. 10:5, 6) Nistgħu niġbdu lin-nies lejn il-verità jekk inkunu dħulin magħhom. Jekk nuru qalb tajba maʼ dawk li jopponuna bir-rabja, dan jistaʼ jgħinhom jikkalmaw, u forsi darb’oħra jkunu lesti li jagħtu widen għall-verità.

15 Meta niltaqgħu maʼ individwi li huma reliġjużi ħafna jew li għandhom drawwiet mhux Skritturali, inkomplu nuru attitudni dħulija u paċifika. Aħna nilqgħu mill-qalb fil-laqgħat tagħna lil kulħadd, speċjalment lil dawk li ma jkunux sodisfatti bid-dinja tal-lum u li għalhekk tqum fihom xewqa li jsiru jafu iktar dwar l-Alla li naduraw aħna. Artikli fis-serje “Il-Bibbja tbiddel il-ħajjiet” jagħtuna ħafna eżempji mill-aħjar.

NAĦDMU MAL-AQWA ĦABIB TAGĦNA

16. F’liema sens nistgħu nitqiesu kemm il-ħbieb t’Alla kif ukoll “ħaddiema sħab” miegħu?

16 Nies li jaħdmu flimkien spiss jiżviluppaw ħbiberiji mill-qrib. Dawk kollha li jiddedikaw ruħhom lil Ġeħova għandhom il-privileġġ li jitqiesu kemm il-ħbieb tiegħu kif ukoll “ħaddiema sħab” miegħu. (Aqra l-1 Korintin 3:9.) Tabilħaqq, hekk kif nieħdu sehem fix-xogħol tal-ippritkar u taʼ li nagħmlu dixxipli, nitgħallmu iktar dwar il-kwalitajiet meraviljużi taʼ Missierna tas-sema. Naraw kif l-ispirtu qaddis tiegħu jgħinna billi jarmana ħalli nwettqu l-inkarigu tagħna li nippritkaw l-aħbar tajba.

17. L-ikel spiritwali provdut fl-assembleat u fil-konvenzjonijiet tagħna, kif juru li Ġeħova hu Ħabibna?

17 Iktar ma jkun kbir is-sehem tagħna fix-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli, iktar inħossuna eqreb lejn Ġeħova. Perkażu, nosservaw il-mod kif Ġeħova jfixkel il-pjanijiet taʼ dawk li jopponuna. Ħarsu lejn il-ftit snin li għaddew. Ma rajniex b’mod ċar il-mod kif Alla qed jiggwidana? Nistagħġbu bil-provvista regulari taʼ ikel spiritwali bnin. Il-programmi tal-konvenzjonijiet u l-assembleat tagħna juru li Missierna kollu mħabba jifhem il-problemi u l-bżonnijiet tagħna. F’ittra t’apprezzament għal konvenzjoni, familja kitbet: “Il-programm tassew messilna qalbna. Ħassejna kemm Ġeħova jħobb lil kull wieħed u waħda minna u jridna nirnexxu.” Wara li attendew konvenzjoni speċjali fl-Irlanda, koppja mill-Ġermanja esprimew il-gratitudni tagħhom għall-mod kif l-aħwa laqgħuhom mill-qalb u ħadu ħsiebhom, u żiedu: “Imma l-akbar ringrazzjament imur lil Ġeħova u lis-Sultan Ġesù Kristu. Huma stidnuna biex inkunu parti minn dan il-ġens verament unit. M’aħniex biss nitkellmu dwar l-unità, imma wkoll qed ingawduha kuljum.  L-esperjenzi tagħna f’konnessjoni mal-konvenzjoni speċjali f’Dublin dejjem se jfakkruna fil-privileġġ prezzjuż li għandna li naqdu lil Alla l-kbir tagħna flimkien magħkom ilkoll.”

IL-ĦBIEB JIKKOMUNIKAW

18. X’nistgħu nistaqsu lilna nfusna rigward il-komunikazzjoni tagħna maʼ Ġeħova?

18 Il-ħbiberiji jsiru iktar profondi meta teżisti komunikazzjoni tajba. Illum, in-nies il-ħin kollu jużaw l-Internet u jibagħtu messaġġi bil-mowbajl. Imma dan kif jitqabbel mal-komunikazzjoni tagħna mal-aqwa Ħabib tagħna, Ġeħova? Veru, hu “Semmiegħ it-talb.” (Salm 65:2) Imma kemm spiss nieħdu l-inizjattiva biex nitkellmu miegħu?

19. X’jistaʼ jgħinna jekk insibuha diffiċli biex niftħu qlubna maʼ Missierna tas-sema?

19 Xi qaddejja t’Alla ma jsibuhiex faċli li jiftħu qlubhom u jesprimu l-emozzjonijiet profondi tagħhom. Madankollu, dak hu li jridna nagħmlu Ġeħova meta nitolbu. (Salm 119:145; Lam. 3:41) Anki jekk insibu li espressjonijiet mill-qalb bħal dawn ikunu diffiċli biex nesprimuhom bil-kliem, m’aħniex mingħajr għajnuna. Pawlu kiteb lill-Kristjani f’Ruma: “Il-problema hi li ma nafux għalxiex għandna nitolbu kif hemm bżonn li nagħmlu, imma l-ispirtu nnifsu jitlob bil-ħniena għalina bi krib li ma jitlissinx. Iżda dak li jfittex fil-qlub jaf x’inhi t-tifsira taʼ l-ispirtu, għax dan qed jitlob bil-ħniena f’armonija m’Alla għall-qaddisin.” (Rum. 8:26, 27) Il-meditazzjoni fuq il-kliem dokumentat f’kotba Bibliċi bħal Ġob, Salmi, u Proverbji se tgħinna nesprimu s-sentimenti l-iktar ġewwinin tagħna lil Ġeħova.

20, 21. Il-kliem taʼ Pawlu f’Filippin 4:6, 7, liema faraġ jagħtina?

20 Meta nħabbtu wiċċna maʼ sitwazzjonijiet taʼ niket, ejja nagħtu kas il-parir ispirat taʼ Pawlu lill-Filippin: “Tkunu ansjużi fuq xejn, imma f’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu.” Komunikazzjoni bil-miftuħ bħal din mal-aqwa Ħabib tagħna żgur li tfarraġna u tikkonslana, għax Pawlu jżid: “Il-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-qawwa mentali tagħkom permezz taʼ Kristu Ġesù.” (Flp. 4:6, 7) Jalla dejjem ngħożżu “l-paċi t’Alla” li ma titqabbel maʼ xejn u li tassew tgħasses lil qlubna u l-qawwa mentali tagħna.

21 It-talb jgħinna nikkultivaw ħbiberija maʼ Ġeħova. Għalhekk, ejja ‘nitolbu bla waqfien.’ (1 Tess. 5:17) Jalla dan l-istudju jsaħħaħ ir-relazzjoni prezzjuża tagħna m’Alla u d-determinazzjoni tagħna biex inġibu ħajjitna fi qbil mal-ħtiġijiet ġusti tiegħu. U ejja nwarrbu l-ħin biex nimmeditaw fuq il-barkiet li ngawdu għax Ġeħova hu verament Missierna, Alla tagħna, u l-Ħabib tagħna.