Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ilqgħu lil Kristu—Is-Sultan glorjuż!

Ilqgħu lil Kristu—Is-Sultan glorjuż!

“Fil-glorja tiegħek mur u rnexxi.”—SALM 45:4.

1, 2. Salm 45 għala jinteressana?

SULTAN glorjuż jirkeb fuq żiemel ħalli jmur jiddefendi l-verità u s-sewwa u jmur jeqred lill-għedewwa tiegħu. Wara r-rebħa finali tiegħu, hu jiżżewweġ għarusa sabiħa. Is-sultan jiġi mfakkar u mfaħħar għall-eternità. Din hi t-tema bażika taʼ Salm 45.

2 Iżda, Salm 45 hu ħafna iktar minn storja eċċitanti bi tmiem sabiħ. Il-ġrajjiet li jsemmi huma importanti għalina għax jeffettwaw ħajjitna issa stess, kif ukoll il-futur tagħna. Għalhekk, b’attenzjoni sħiħa ejja neżaminaw bir-reqqa dan is-salm.

“QALBI TQANQLET B’ĦAĠA TAJBA”

3, 4. (a) X’inhi l-“ħaġa tajba” li tikkonċernana, u kif tistaʼ teffettwa lil qalbna? (b) Xogħolna b’liema mod hu “dwar sultan,” u lsienna kif isir bħal pinna?

3 Aqra Salm 45:1. Il-“ħaġa tajba” li tmiss qalb is-salmista u li ‘tqanqalha’ hi aħbar dwar sultan. Il-verb Ebrajk tradott “tqanqlet” oriġinalment kien ifisser li “titbaqbaq,” jew “tagħli.” Is-salmista tant kien eċċitat b’din l-aħbar li kien bħallikieku qalbu kienet qed “tagħli,” jew tfur  b’entużjażmu, u lsienu sar “bħall-pinna taʼ kopista tas-sengħa.”

4 Xi ngħidu għalina? L-aħbar tajba dwar is-Saltna Messjanika hi xi ħaġa tajba li tmissilna qalbna. Il-messaġġ tas-Saltna sar speċjalment ‘tajjeb’ fl-1914. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-messaġġ ma baqax jikkonċerna Saltna li għad trid tiġi, imma kien dwar gvern reali li issa qed jaħkem fis-smewwiet. Din hi “l-aħbar tajba tas-saltna” li nippritkaw “fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha.” (Mt. 24:14) ‘Titqanqal’ qalbna bil-messaġġ tas-Saltna? Nippritkaw aħna l-aħbar tajba tas-Saltna b’żelu? Bħas-salmista, ‘xogħlijietna huma dwar sultan’—is-Sultan tagħna Ġesù Kristu. Aħna nippritkaw l-aħbar li Ġesù issa hu l-Ħakkiem tas-Saltna Messjanika fis-sema. Iktar minn hekk, nistiednu lil kulħadd, anke lill-ħakkiema taʼ din id-dinja, biex jissottometti ruħu lejn din is-Saltna. (Salm 2:1, 2, 4-12) U lsienna jsir “bħall-pinna taʼ kopista tas-sengħa” meta nużaw il-Bibbja fix-xogħol tal-ippritkar.

B’ferħ inxandru l-aħbar tajba dwar is-Sultan tagħna Ġesù Kristu

‘IL-ĠMIEL JITFERRAʼ FUQ XOFFTEJN IS-SULTAN’

5. (a) Ġesù b’liema modi kien ‘sabiħ’? (b) B’liema mod ‘tferraʼ l-ġmiel fuq xofftejn is-Sultan,’ u kif nistgħu nħabirku biex nimitaw l-eżempju tiegħu?

5 Aqra Salm 45:2. L-Iskrittura ftit li xejn tgħidilna dwar id-dehra fiżika taʼ Ġesù. Bħala raġel perfett, żgur li kien ‘sabiħ.’ Madanakollu, dak li tassew għamlu sabiħ kien il-lealtà li kellu lejn Ġeħova u l-integrità soda tiegħu. Barra minn hekk, Ġesù pprietka l-messaġġ tas-Saltna “bil-kliem ħelu,” jew bil-ġmiel. (Lq. 4:22; Ġw. 7:46) Inħabirku personalment aħna biex nimitaw l-eżempju tiegħu fix-xogħol tal-ippritkar u nipprovaw nużaw kliem li se jilħaq qalb in-nies?—Kol. 4:6.

6. Alla kif bierek lil Ġesù “għal dejjem”?

6 Minħabba l-lealtà taʼ Ġesù u l-imħabba profonda għal Missieru, Ġeħova bierku matul il-ministeru tiegħu fuq l-art u ppremjah wara li miet bħala sagrifiċċju. L-appostlu Pawlu kiteb: “Meta [Ġesù] sab ruħu f’għamla taʼ bniedem, umilja ruħu u sar ubbidjenti sal-mewt, iva, sal-mewt fuq zokk tat-tortura. Kien ukoll għalhekk li Alla eżaltah għal pożizzjoni superjuri u b’qalb tajba tah l-isem li hu fuq kull isem ieħor, sabiex f’isem Ġesù tintlewa kull irkoppa fis-sema, fuq l-art, u taħt l-art, u kull ilsien jistqarr quddiem kulħadd li Ġesù Kristu hu Mulej għall-glorja t’Alla l-Missier.” (Flp. 2:8-11) Ġeħova bierek lil Ġesù “għal dejjem” billi rxoxtah għal ħajja immortali.—Rum. 6:9.

IS-SULTAN JINTGĦAMEL AKBAR MINN ‘SĦABU’

7. Alla b’liema modi dilek lil Ġesù ‘iktar minn sħabu’?

7 Aqra Salm 45:6, 7Peress li Ġesù jħobb ħafna l-ġustizzja u jobgħod kull ħaġa li tistaʼ tiddiżonora lil Missieru, Ġeħova dilku bħala Sultan tas-Saltna Messjanika. Ġesù ġie midluk “biż-żejt tal-ferħ” iktar minn ‘sħabu,’ jiġifieri, is-slaten taʼ Ġuda mil-linja taʼ David. F’liema sens? L-ewwel nett, Ġesù ġie midluk  minn Ġeħova nnifsu. Barra minn hekk, Ġeħova dilku kemm bħala Sultan u kemm bħala Qassis il-Kbir. (Salm 2:2; Ebr. 5:5, 6) Ukoll, Ġesù ma ġiex midluk biż-żejt letterali imma bl-ispirtu qaddis, u se jaħkem mis-smewwiet mhux minn fuq l-art.

8. Għala nistgħu nkunu ċerti li l-ħakma taʼ Ġesù hi ġusta, u għala jistaʼ jintqal li ‘Alla hu t-tron taʼ Ġesù’?

8 Ġeħova ħatar lil Ibnu bħala s-Sultan Messjaniku fis-smewwiet fl-1914. ‘Ix-xettru taʼ saltnatu hu xettru rett,’ u għalhekk nistgħu nkunu ċerti li l-ħakma tiegħu dejjem se tkun imparzjali u ġusta. Għandu d-dritt ikun Sultan għax ‘Alla hu t-tron tiegħu,’ jiġifieri, Ġeħova ħatru bħala Sultan. Iżjed minn hekk, it-tron taʼ Ġesù se jibqaʼ “għal żmien indefinit, iva, għal dejjem.” Ma tħossokx kburi int li taqdi lil Ġeħova taħt dan is-Sultan setgħan maħtur minn Alla?

IS-SULTAN ‘IĦAŻŻEM SEJFU’

9, 10. (a) Ġesù meta ħażżem sejfu, u kif użah mill-ewwel? (b) Kristu kif għad irid juża sejfu?

9 Aqra Salm 45:3. Ġeħova jikkmanda lis-Sultan biex ‘iħażżem sejfu fuq ġenbu.’ B’hekk, jagħti lil Ġesù l-awtorità li jmur jiggwerra kontra kull min jopponi s-sovranità t’Alla u biex iġib il-ġudizzji Tiegħu fuqhom. (Salm 110:2) Kristu jiġi msejjaħ “O setgħan” għax hu Sultan-Gwerrier li ħadd ma jistaʼ jirbaħlu. Hu ħażżem sejfu fl-1914 meta rebaħ lil Satana u lid-demonji tiegħu u waddabhom mis-sema lejn l-art.—Riv. 12:7-9.

10 Dan kien biss il-bidu tar-rebħa tas-Sultan-Gwerrier. Għad irid “itemm ir-rebħa tiegħu.” (Riv. 6:2) Ġeħova ddeċieda li kull parti tad-dinja taʼ Satana trid tinqered u l-influwenza taʼ Satana u d-demonji tiegħu trid titneħħa min-nofs. L-ewwel ħaġa li se tinqered hi Babilonja l-Kbira, l-imperu dinji taʼ reliġjon falza. Ġeħova se juża l-ħakkiema politiċi biex jeqred lil din il-“prostituta” mill-agħar. (Riv. 17:16, 17) Imbagħad Ġesù se jeqred għalkollox lil kull gvern fid-dinja taʼ Satana. Kristu, li jissejjaħ ukoll “l-anġlu taʼ l-abbiss,” imbagħad se jtemm ir-rebħa tiegħu billi jixħet lil Satana u d-demonji tiegħu fl-abbiss. (Riv. 9:1, 11; 20:1-3) Ejja naraw kif Salm 45 bassar dawn il-ġrajjiet eċċitanti.

IS-SULTAN JIRKEB “GĦALL-KAWŻA TAL-VERITÀ”

11. Kristu kif jirkeb “għall-kawża tal-verità”?

11 Aqra Salm 45:4. Is-Sultan-Gwerrier ma jmurx jiggwerra biex jirbaħ artijiet u biex ijassar lin-nies. Imur jiġġieled gwerra ġusta b’miri nobbli. Hu jirkeb “għall-kawża tal-verità, l-umiltà, u s-sewwa.” L-akbar verità li għandu jiddefendi hi dik dwar is-sovranità universali taʼ Ġeħova. Satana sfida d-dritt li Ġeħova jaħkem meta rribella kontrih. Minn dak iż-żmien ’l hawn, kemm id-demonji u kemm il-bnedmin qajmu d-dubji dwar din il-verità fundamentali. Issa wasal il-waqt biex is-Sultan maħtur minn Ġeħova jmur jiggwerra u jagħti prova li Ġeħova biss għandu d-dritt jaħkem.

12. Is-Sultan b’liema mod jirkeb ‘għall-kawża tal-umiltà’?

12 Is-Sultan jirkeb ukoll ‘għall-kawża tal-umiltà.’ Ġesù minn dejjem ħalla eżempju mill-aħjar fl-umiltà u fis-sottomissjoni b’lealtà għas-sovranità taʼ Missieru. (Is. 50:4, 5; Ġw. 5:19) Is-sudditi leali kollha tas-Sultan iridu jsegwu l-eżempju tiegħu u b’umiltà  jissottomettu ruħhom għas-sovranità taʼ Ġeħova f’kollox. Dawk biss li jagħmlu dan se jitħallew jgħixu fid-dinja l-ġdida mwiegħda minn Alla.—Żak. 14:16, 17.

13. Kristu kif jirkeb ‘għall-kawża tas-sewwa’?

13 Kristu jirkeb ukoll ‘għall-kawża tas-sewwa,’ jew tal-ġustizzja. Il-ġustizzja li jiddefendi s-Sultan hi “l-ġustizzja t’Alla”—il-livelli taʼ Ġeħova dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. (Rum. 3:21; Dt. 32:4) Isaija pprofetizza hekk dwar is-Sultan Ġesù Kristu: “Sultan se jsaltan għas-sewwa.” (Is. 32:1) Is-Saltna taʼ Ġesù se ġġib magħha s-“smewwiet ġodda u art ġdida” mwegħdin, “u f’dawn tgħammar il-ġustizzja.” (2 Pt. 3:13) Kull min jgħix f’din id-dinja ġdida se jkollu jgħix fi qbil mal-livelli taʼ Ġeħova.—Is. 11:1-5.

IS-SULTAN IWETTAQ “AFFARIJIET LI JQANQLU L-BIŻAʼ”

14. L-id il-leminija taʼ Kristu kif se twettaq “affarijiet li jqanqlu l-biżaʼ”? (Ara l-ewwel stampa.)

14 Is-salmista jgħid li s-Sultan isuq iż-żiemel b’sejf imħażżem fuq ġenbu. (Salm 45:3) Imbagħad jieħu s-sejf f’idu l-leminija u jibda jużah. Is-salmista jipprofetizza: “Idek il-leminija [twettaq] affarijiet li jqanqlu l-biżaʼ.” (Salm 45:4) Meta Ġesù jmur biex jeqred id-dinja taʼ Satana f’Armageddon, se jwettaq “affarijiet li jqanqlu l-biżaʼ” kontra l-għedewwa tiegħu. Ma nafux eżatt x’se juża biex jeqred is-sistema taʼ Satana. Imma nafu li dak li juża Ġesù se jwerwer lill-abitanti tal-art li ma jkunux taw kas it-twissija divina biex jissottomettu ruħhom għall-ħakma tas-Sultan. (Aqra Salm 2:11, 12.) Fil-profezija tiegħu dwar żmien it-tmiem, Ġesù qal li n-nies kien se “jħosshom ħażin bil-biżaʼ u bl-istennija taʼ dak li jkun ġej fuq l-art abitata; għax il-qawwiet tas-smewwiet jitheżżu.” Żied jgħid: “U mbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba b’qawwa u glorja kbira.”—Lq. 21:26, 27.

15, 16. “L-armati” li jmorru wara Kristu fil-battalja lil min jinkludu?

15 Il-ktieb tar-Rivelazzjoni jħabbar il-fatt li s-Sultan se jiġi “b’qawwa u glorja kbira” biex jeqred l-għedewwa t’Alla. Hemm jgħid: “Rajt is-sema jinfetaħ, u, ara, żiemel abjad. U dak li kien riekeb fuqu kien jismu Leali u Veru, u kien jiġġudika u jiggwerra bil-ġustizzja. Ukoll, l-armati li kienu fis-sema marru warajh fuq żwiemel bojod, u kienu lebsin għażel fin, abjad, u nadif. U minn fommu kienet ħierġa xabla twila li taqtaʼ, biex [biha] jidrob lill-ġnus, u jirgħahom b’xettru tal-ħadid. Għasar ukoll il-magħsar taʼ l-inbid tar-rabja tal-korla t’Alla li Jistaʼ Kollox.”—Riv. 19:11, 14, 15.

16 “L-armati” tas-sema li jmorru wara Kristu fil-battalja lil min jinkludu? Meta l-ewwel ħażżem sejfu biex ikeċċi lil Satana u lid-demonju tiegħu mis-sema, maʼ Ġesù kien hemm “l-anġli tiegħu.” (Riv. 12:7-9) Għalhekk, jagħmel sens li nikkonkludu li fil-gwerra t’Armageddon, l-armati taʼ Kristu se jinkludu l-anġli qaddisin. L-armati tiegħu se jinkludu lil nies oħra? Ġesù għamel din il-wegħda lil ħutu l-midlukin: “Lil min jirbaħ u josserva l-għemejjel tiegħi sat-tmiem nagħtih l-awtorità fuq il-ġnus, u jirgħa lin-nies b’xettru tal-ħadid sabiex jitkissru biċċiet bħal reċipjenti tal-fuħħar, bħalma jien irċivejt l-awtorità mingħand Missieri.” (Riv. 2:26, 27) Allura l-armati taʼ Kristu se jinkludu  wkoll lil ħutu l-midlukin li sa dakinhar ikunu rċivew il-premju tagħhom fis-sema. Dawn il-ħakkiema sħabu midlukin se jkunu maġenbu meta jwettaq “affarijiet li jqanqlu l-biżaʼ” biex jeqred lill-ġnus.

IS-SULTAN ITEMM IR-REBĦA TIEGĦU

17. (a) X’jirrappreżenta ż-żiemel abjad li jirkeb fuqu Kristu? (b) Is-sejf u l-qaws x’jirrappreżentaw?

17 Aqra Salm 45:5. Is-Sultan hu riekeb żiemel abjad li jirrappreżenta gwerra li hi nadifa u ġusta f’għajnejn Ġeħova. (Riv. 6:2; 19:11) Minbarra sejf, hu armat ukoll b’qaws. Naqraw: “Rajt, u, ara, żiemel abjad; u dak li kien riekeb fuqu kellu qaws; u ngħatatlu kuruna, u ħareġ jirbaħ u jtemm ir-rebħa tiegħu.” Kemm is-sejf u kemm il-qaws jirrappreżentaw il-mezzi li se juża Kristu biex jeqred l-għedewwa tiegħu.

18. X’se jiġri meta Kristu juża “l-vleġeġ” tiegħu?

18 B’lingwaġġ poetiku, is-salmista jipprofetizza li ‘l-vleġeġ tas-sultan huma misnunin u jidħlu f’qalb l-għedewwa tiegħu’ u ‘jġiegħlu l-popli jaqgħu taħtu.’ Il-qerda se tkun mad-dinja kollha. Il-profezija taʼ Ġeremija tbassar: “Dawk maqtulin minn Ġeħova se jkunu minn tarf sat-tarf l-ieħor taʼ l-art.” (Ġer. 25:33) Profezija oħra dwar l-istess ġrajja tgħid: “Rajt ukoll anġlu wieqaf fix-xemx, u għajjat b’leħen għoli u qal lill-għasafar kollha li jtiru f’nofs is-sema: ‘Ejjew ’l hawn, inġabru għall-ikla l-kbira taʼ fil-għaxija t’Alla, biex tieklu l-laħam tas-slaten u l-laħam tal-kmandanti militari u l-laħam tan-nies b’saħħithom u l-laħam taż-żwiemel u tar-rikkieba tagħhom, u l-laħam taʼ kulħadd, tal-ħielsa u taʼ l-ilsiera, taż-żgħar u tal-kbar.’”—Riv. 19:17, 18.

19. Kristu kif se ‘jmur u jirnexxi’ u jtemm ir-rebħa tiegħu?

19 Wara li jeqred is-sistema mill-agħar taʼ Satana hawn fuq l-art, Kristu ‘fil-glorja tiegħu’ se ‘jmur u jirnexxi.’ (Salm 45:4) Se jtemm ir-rebħa tiegħu billi jixħet lil Satana u lid-demonji tiegħu fl-abbiss għall-elf sena kollha li matulhom se jaħkem Ġesù. (Riv. 20:2, 3) Meta x-Xitan u d-demonji tiegħu jkunu maqfulin fl-abbiss, se jkunu qishom mejtin għax mhux se jkunu jistgħu jagħmlulna ħsara. In-nies kollha fuq l-art se jkunu jistgħu jgawdu l-ħakma tas-Sultan mingħajr l-influwenza mill-agħar taʼ Satana u d-demonji tiegħu. Però, qabel ma naraw l-art bil-mod il-mod issir ġenna globali, se jkollna raġuni oħra biex nifirħu mas-Sultan tagħna u mal-imseħbin tiegħu fis-sema. Din il-ġrajja hienja setiġi kunsidrata fl-artiklu li jmiss.