Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-qima tal-familja—Tista’ tagħmilha iktar pjaċevoli?

Il-qima tal-familja—Tista’ tagħmilha iktar pjaċevoli?

“Tant nintilfu f’diskussjonijiet matul il-lejla tal-Qima tal-Familja li spiss nibqgħu sejrin sa tard billejl jekk ma nwaqqafx lil familti,” jgħid missier fil-Brażil. Missier fil-Ġappun jgħid li t-tifel tiegħu li għandu għaxar snin donnu ma jarax il-ħin għaddej u ma jkunx irid jieqaf. Għala? “Iħossu mmotivat, u dan iżid mal-ferħ tiegħu,” jgħid il-missier.

M’għandniex xi ngħidu, mhux it-tfal kollha huma daqshekk immotivati, u biex ngħiduha kif inhi, xi wħud forsi ma jiħdux gost fil-qima tal-familja. Imma għala le? Missier fit-Togo jgħid hekk, “Il-qima taʼ Ġeħova trid tkun interessanti.” Jekk ma tkunx hekk, jistaʼ jkun minħabba l-mod kif qed titmexxa l-qima tal-familja? Ħafna familji sabu li l-qima tal-familja tistaʼ tkun “għaxqa kbira,” bħalma kien is-Sabat għal xi Iżraelin.—Is. 58:13, 14.

Missirijiet Kristjani jagħrfu li biex il-familja tagħhom tieħu pjaċir bil-qima tal-familja, irid ikun hemm atmosfera rilassata. Ralf, li għandu tlett ibniet u tifel, jgħid li l-qima tal-familja tagħhom iktar qisha konversazzjoni milli studju; kulħadd jieħu sehem. Huwa minnu li kultant jistaʼ jkun taʼ sfida li żżomm lil kulħadd interessat u involut fl-istudju. Waħda omm tammetti: “Mhux dejjem ikolli l-enerġija biex nagħmel il-qima tal-familja pjaċevoli daqskemm nixtieq.” Tistaʼ tegħleb din l-isfida?

FLESSIBILTÀ U VARJETÀ

“Irridu nkunu flessibbli,” jgħid missier taʼ żewġt itfal fil-Ġermanja. “L-iktar ħaġa importanti għall-familja tagħna,” tgħid Natalia omm taʼ żewġt itfal, “hi l-varjetà u iktar varjetà.” Ħafna familji jqassmu l-qima tal-familja tagħhom f’diversi partijiet. “Dan jagħmel l-istudju iktar interessanti u jinvolvi lil kull membru tal-familja,” jispjega Cleiton, missier  taʼ żewġ adoloxxenti fil-Brażil. Billi jqassmu l-ħin tal-istudju, il-ġenituri jistgħu jagħtu attenzjoni lill-bżonnijiet taʼ kull tifel u tifla jekk ikun hemm differenza mhux ħażin fl-età. Il-ġenituri jistgħu jittrattaw il-bżonnijiet taʼ kull membru tal-familja u jistgħu jkunu flessibbli meta jiddeċiedu liema pubblikazzjonijiet se jistudjaw u kif se jistudjawhom.

Xi familji x’qed jagħmlu biex ikollhom iktar varjetà? Xi wħud jibdew il-qima tal-familja billi jkantaw għanjiet lil Ġeħova. “Dan jagħmel atmosfera sabiħa u jħejji lil moħħna għall-materjal li nkunu se ngħaddu,” jgħid Juan fil-Messiku. Il-familja tiegħu tagħżel għanjiet li għandhom x’jaqsmu mal-materjal magħżul għall-qima tal-familja.

Għadd taʼ familji jaqraw siltiet mill-Bibbja flimkien. Biex ikun hemm il-varjetà, kull membru tal-familja jaqra l-parti taʼ karattru differenti. Missier fil-Ġappun jammetti li għalih kien “ftit stramb li jaqraw hekk għall-ewwel.” Imma ż-żewġ subien tiegħu kienu ferħanin li jaraw lill-ġenituri tagħhom igawdu l-qima tal-familja magħhom. Xi familji saħansitra jirreċtaw rakkonti mill-Bibbja. It-tfal “spiss jaraw affarijiet f’rakkont Bibliku li aħna l-ġenituri ma nkunux rajniehom,” jgħid Roger, missier taʼ żewġ subien fl-Afrika t’Isfel.

Mod ieħor kif tistgħu toħolqu l-varjetà hu billi taħdmu flimkien fuq proġett, bħal li tibnu mudell tal-arka taʼ Noè jew tat-tempju taʼ Salamun. Proġetti bħal dawn jeħtieġu riċerka li tistaʼ tkun eċċitanti. Pereżempju, fl-Asja, tifla taʼ ħames snin flimkien mal-ġenituri tagħha u nannitha pprovaw dan. Fis-salott tagħhom, kollha ħadmu flimkien biex jagħmlu logħba bbażata fuq il-vjaġġi missjunarji tal-appostlu Pawlu. Familji oħrajn għamlu logħob ibbażat fuq rakkonti li qegħdin fil-ktieb tal-Eżodu. Il-varjetà “reġgħet tat il-ħajja lill-qima tal-familja tagħna u lill-familja tagħna nfisha,” jgħid Donald mit-Togo, li għandu 19-il sena. Tistaʼ taħseb f’xi proġett li se jagħmel il-qima tal-familja tagħkom saħansitra iktar pjaċevoli?

IL-PREPARAZZJONI HI NEĊESSARJA

Għalkemm il-varjetà u l-flessibiltà jagħmlu l-qima tal-familja interessanti, biex verament joħroġ ġid minnha, kulħadd irid jipprepara. Kultant iż-żgħar jegħjew, allura l-missirijiet iridu jaħsbu sew minn qabel dwar x’materjal se jagħżlu u jieħdu l-ħin biex jippreparaw sew. Wieħed missier jgħid, “Meta nkun preparat, kulħadd ikollu studju iktar siewi.” Missier fil-Ġermanja jgħid lil familtu minn qabel x’se jikkunsidraw fil-ġimgħat li ġejjin. Meta jagħżel DVD bbażat fuq il-Bibbja bħala parti mill-qima tal-familja tagħhom, missier taʼ sitt itfal li għandhom bejn sentejn u tnax-il sena fil-Benin jagħtihom il-mistoqsijiet bil-quddiem. Tabilħaqq, il-preparazzjoni tagħmel differenza fil-kwalità tal-qima tal-familja tagħna.

Meta l-familja tkun taf minn qabel x’se jiġi kunsidrat, jistgħu jitkellmu dwaru matul il-ġimgħa. Imbagħad se jħarsu ’l quddiem għall-istudju b’entużjażmu. U jekk kulħadd fil-familja jkollu inkarigu, kull membru se jħoss li hi l-qima tal-familja tiegħu.

STINKAW BIEX TKUNU REGULARI

Ħafna familji jsibuha diffiċli biex ikollhom il-qima tal-familja regolarment. Għala?

Xi ġenituri jkollhom jaħdmu sigħat twal sempliċement biex ilaħħqu mal-ħajja. Pereżempju, missier fil-Messiku jitlaq mid-dar fis-sitta taʼ filgħodu u ma jasalx lura d-dar qabel it-tmienja taʼ filgħaxija. Barra minn hekk, kultant forsi jkun hemm bżonn li l-Qima tal-Familja ssir ġurnata oħra minħabba xi attività spiritwali oħra, bħaż-żjara tal-indokratur tas-circuit jew il-konvenzjoni distrettwali.

Xorta waħda, irridu nkunu deċiżi li l-qima tal-familja ssir regolarment. Loïs li għandha 11-il sena u li tgħix it-Togo tgħid hekk dwar id-determinazzjoni tal-familja tagħha: “Avolja kultant ikollna nibdew il-qima tal-familja tagħna tard minħabba xi ħaġa li tkun inqalgħet matul il-ġurnata, dejjem nagħmluha l-qima tal-familja.” Allura hi idea tajba li l-qima tal-familja tagħmluha fil-bidu tal-ġimgħa. Għala? Għax jekk tinqalaʼ xi ħaġa bla mistenni, tkunu tistgħu tagħmlu l-qima tal-familja iktar tard dik il-ġimgħa.

Bħalma juri t-titlu stess “il-qima tal-familja,” hija parti mill-qima tiegħek lil Ġeħova. Flimkien bħala familja, nistgħu noffru sagrifiċċju taʼ ‘barrin żgħar,’ jiġifieri, infaħħru lil Ġeħova. (Ħos. 14:2) U jalla jkun żmien taʼ ferħ għal kull membru tal-familja, “għax il-ferħ taʼ Ġeħova hu l-fortizza tagħkom.”—Neħ. 8:9, 10.