Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Żomm il-lealtà tiegħek lejn is-Saltna t’Alla

Żomm il-lealtà tiegħek lejn is-Saltna t’Alla

“M’humiex parti mid-dinja.”—ĠWANNI 17:16.

GĦANJIET: 63, 129

1, 2. (a) X’inhi r-rabta bejn li nkunu leali lejn Ġeħova u li ma nżommu maʼ ebda naħa fil-konflitti taʼ din id-dinja? (Ara l-ewwel stampa.) (b) Ħafna nies lejn xiex huma leali, imma dan fiex irriżulta?

BĦALA l-qaddejja taʼ Ġeħova, aħna newtrali u ma ninvolvux ruħna fi kwistjonijiet li jifirdu n-nies, bħal kwistjonijiet taʼ nazzjonalità, razza, jew kultura. Għala? Għax inħobbu lil Ġeħova, leali lejh, u nobduh. (1 Ġwanni 5:3) Ngħixu fejn ngħixu jew ġejjin minn fejn ġejjin, aħna nimxu mal-livelli t’Alla. Il-lealtà lejn Ġeħova u s-Saltna tiegħu hi iktar importanti minn kwalunkwe ħaġ’oħra. (Mattew 6:33) Għalhekk nistgħu ngħidu li ‘m’aħniex parti mid-dinja.’—Aqra Ġwanni 17:11, 15, 16; Isaija 2:4.

2 Ħafna nies fid-dinja llum huma leali lejn il-pajjiż, it-tribù, il-kultura, jew saħansitra t-team tal-isports tagħhom. B’dispjaċir, dan irriżulta f’li ħafna minnhom jikkompetu maʼ xulxin, jobogħdu lil xulxin, u kultant joqtlu lil dawk li ma jżommux magħhom. Għalkemm aħna ma niħdux sehem f’dawn il-konflitti, dawn jistgħu jeffettwaw lilna u l-familja tagħna, u forsi nbatu inġustizzji kbar. Ikun faċli ħafna għalina biex inżommu maʼ naħa jew oħra li kieku l-gvern jieħu deċiżjonijiet mhux ġusti. Ngħidu hekk għax Alla ħalaqna bl-abbiltà li nagħrfu jekk l-affarijiet humiex ġusti jew le. (Ġenesi 1:27; Dewteronomju 32:4) Kif tħossok meta tiġri xi ħaġa li ma ssirx bil-ġustizzja? Kapaċi tibqaʼ newtrali, jew tiġbed lejn naħa jew oħra?

Kristjani veri ma jaħsbux li hemm xi parti mid-dinja taʼ Satana li hi aħjar minn oħra

3, 4. (a) Għala ma nżommux maʼ xi naħa jew oħra meta jkun hemm konflitti? (b) X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?

3 Ħafna nies iżommu maʼ naħa jew oħra f’konflitti għax il-gvernijiet jikkonvinċuhom li hekk għandhom jagħmlu ċittadini tajbin. Imma aħna nimxu fuq il-passi taʼ Ġesù. Għaldaqstant, ma ninvolvux ruħna fil-politika, u lanqas ma mmorru għall-gwerra. (Mattew 26:52) Kristjani veri ma jaħsbux li hemm xi parti mid-dinja taʼ Satana li hi aħjar minn oħra. (2 Korintin 2:11) Aħna żgur li ma rridux li jkollna x’naqsmu mal-konflitti taʼ din id-dinja.—Aqra Ġwanni 15:18, 19.

4 Minħabba li aħna imperfetti, xi wħud minna forsi għad għandna sentimenti negattivi dwar nies li huma differenti minna. (Ġeremija 17:9; Efesin 4:22-24) F’dan l-artiklu, se nitgħallmu prinċipji li se jgħinuna niġġieldu kontra dawk is-sentimenti li jifirdu n-nies u negħlbuhom. Se niddiskutu wkoll kif nistgħu nkunu leali lejn is-Saltna billi nħarrġu lilna nfusna biex naħsbu bil-mod kif jaħsbu Ġeħova u Ġesù.

GĦALA MA NAPPOĠĠAW LIL EBDA PARTI MID-DINJA?

5, 6. Meta Ġesù kien fuq l-art, kif qies il-gruppi differenti taʼ nies, u għala?

5 Meta ssibha diffiċli biex tibqaʼ newtrali u biex ma tiġbidx lejn xi naħa jew oħra, saqsi lilek innifsek, ‘Kieku Ġesù x’kien jagħmel?’ Meta Ġesù kien fuq l-art, kien hemm konflitti u nuqqas taʼ qbil bejn in-nies li kienu jiġu mil-Lhudija, il-Galilija, u s-Samarija. Aħseb dwar xi eżempji. Il-Lhud u s-Samaritani ma kinux jitħamlu. (Ġwanni 4:9) Il-Fariżej u s-Sadduċej ma kinux jaqblu fuq ħafna affarijiet. (Atti 23:6-9) Il-Lhud li kienu studjaw il-Liġi kienu jaħsbu li kienu aħjar minn dawk li ma studjawx il-Liġi. (Ġwanni 7:49) U ħafna kienu jobogħdu l-kolletturi tat-taxxi u r-Rumani. (Mattew 9:11) Imma Ġesù ma involviex ruħu f’dawn il-konflitti. Għalkemm hu dejjem iddefenda l-verità dwar Ġeħova u kien jaf li Iżrael kien in-nazzjon speċjali t’Alla, hu qatt m’għallem id-dixxipli tiegħu li kienu aħjar minn oħrajn. (Ġwanni 4:22) Anzi, għallimhom biex iħobbu n-nies kollha.—Luqa 10:27.

Ġeħova u Ġesù ma jaħsbux li hemm xi razza, nazzjonalità, jew lingwa li hi aħjar minn oħra

6 Ġesù għala ma qies lil ebda grupp taʼ nies superjuri? Minħabba kif hu u Missieru jħossu dwar in-nies. Ġeħova ħalaq lin-nies biex jimlew l-art b’varjetà taʼ razez. (Ġenesi 1:27, 28) Allura Ġeħova u Ġesù ma jaħsbux li hemm xi razza, nazzjonalità, jew lingwa li hi aħjar minn oħra. (Atti 10:34, 35; Rivelazzjoni 7:9, 13, 14) Jeħtieġ li nimitaw l-eżempju perfett tagħhom.—Mattew 5:43-48.

7, 8. (a) Lil min nappoġġaw, u għala? (b) X’għandna niftakru dwar is-soluzzjoni għall-problemi tal-umanità?

7 Għala ma nappoġġaw lil ebda mexxej jew gvern uman? Għax aħna nappoġġaw lil Ġeħova. Hu l-Mexxej tagħna. Fl-Għeden, Satana qal li Ġeħova ma kienx l-aħjar mexxej għan-nies. Satana ried lin-nies jemmnu li l-mod kif hu jagħmel l-affarijiet hu aħjar minn t’Alla. Ġeħova jħallina niddeċiedu għalina nfusna lil min irridu nappoġġaw. Imma xi ngħidu għalik? Tobdi lil Ġeħova għax temmen li l-mod kif hu jagħmel l-affarijiet huwa aħjar minn tiegħek? Int konvint li s-Saltna tiegħu biss tistaʼ ssolvi l-problemi tagħna? Jew taħseb li n-nies jistgħu jmexxu lilhom infushom b’suċċess mingħajr Alla?—Ġenesi 3:4, 5.

8 Pereżempju, jekk xi ħadd isaqsik x’taħseb dwar ċertu partit politiku, grupp attivist, jew organizzazzjoni simili, kif twieġeb? Xi wħud minn dawn il-gruppi għandhom mnejn huma sinċieri u jridu jgħinu lin-nies. Imma aħna nirrealizzaw li s-Saltna taʼ Ġeħova biss tistaʼ ssolvi l-problemi tal-umanità u tneħħi l-inġustizzji kollha. Barra minn hekk, aħna nsegwu d-direzzjoni taʼ Ġeħova fil-kongregazzjoni, minflok li kulħadd għal rasu u jagħmel dak li jaħseb li hu l-aħjar. Huwa għalhekk li l-kongregazzjoni hi magħquda.

9. Liema problema kellhom xi Kristjani fl-ewwel seklu, u x’kellhom bżonn jagħmlu?

9 Fl-ewwel seklu, xi Kristjani f’Korintu kienu qed jargumentaw maʼ xulxin u jgħidu: “‘Jien taʼ Pawlu,’ ‘Imma jien t’Apollo,’ ‘Imma jien taʼ Kefa,’ ‘Imma jien taʼ Kristu.’” Meta Pawlu sar jaf b’dan, kien ixxokkja ruħu. Din kienet problema serja ħafna, għax il-paċi tal-kongregazzjoni kienet fil-periklu. Is-sitwazzjoni kienet tagħti x’tifhem li “l-Kristu [kien] jeżisti mifrud.” Pawlu tahom il-parir: “Inħeġġiġkom, ħuti, f’isem il-Mulej tagħna Ġesù Kristu, biex ilkoll titkellmu fi qbil u ma jkunx hemm firdiet fostkom, imma tkunu magħqudin kif jixraq b’fehma waħda u bi ħsieb wieħed.” L-istess hu minnu llum. M’għandu jkun hemm ebda frid fil-kongregazzjoni.—1 Korintin 1:10-13; aqra Rumani 16:17, 18.

10. Pawlu x’fakkarhom lill-Kristjani, u x’nitgħallmu minn dan?

10 Pawlu fakkar lill-Kristjani midlukin li huma ċittadini tas-sema u li m’għandux ikollhom moħħhom “fl-affarijiet taʼ l-art.” (Filippin 3:17-20) * (Ara n-nota taʼ taħt.) Il-midlukin huma ambaxxaturi li jirrappreżentaw ’l Alla u Kristu. Meta ambaxxatur ikun f’pajjiż barrani, ma joqgħodx jinvolvi ruħu fil-problemi u l-politika taʼ dak il-pajjiż. B’mod simili, ma jkunx sew li l-midlukin jinvolvu ruħhom fil-problemi u l-politika tad-dinja. (2 Korintin 5:20) Anki dawk li għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fuq l-art huma leali lejn is-Saltna u ma jżommux maʼ naħa jew oħra fil-konflitti taʼ din id-dinja.

ĦARREĠ LILEK INNIFSEK BIEX TKUN LEALI LEJN IS-SALTNA TAʼ ĠEĦOVA

11, 12. (a) Liema attitudnijiet għandna nevitaw jekk irridu nibqgħu leali lejn is-Saltna t’Alla? (b) Oħt kif kienet tħossha dwar ċerti nies, u x’għenha tinbidel?

11 Fil-maġġorparti tad-dinja, in-nies iħossu rabta speċjali maʼ dawk li għandhom l-istess storja, kultura, u lingwa bħal tagħhom. Spiss ikollhom bokka bil-post li jiġu minnu. Imma m’għandniex inħallu dawn l-attitudnijiet jeffettwawna. Minflok, għandna nbiddlu l-mod kif naħsbu u għandna bżonn inħarrġu l-kuxjenza tagħna ħalli nibqgħu newtrali f’kull ċirkustanza. Kif nistgħu nagħmlu dan?

12 Pereżempju, Mirjeta * (ara n-nota taʼ taħt) twieldet f’pajjiż li kien jissejjaħ il-Jugoslavja. Fl-inħawi fejn trabbiet, in-nies kienu jobogħdu s-Serbi. Meta tgħallmet dwar Ġeħova, irrealizzat li hu ma jippreferix xi grupp etniku iktar minn ieħor u li huwa Satana li jrid li n-nies jobogħdu lil xulxin. Allura għamlet sforz kbir biex tbiddel il-mod kif kienet tħoss. Imma meta bdiet gwerra bejn gruppi etniċi differenti fl-inħawi li kienet qed tgħix fihom, Mirjeta reġaʼ beda jkollha sentimenti negattivi dwar is-Serbi. Lanqas ma riedet tippritkalhom. Hi kienet taf li mhux qed tagħmel sew, u allura talbet bil-ħrara lil Ġeħova biex jgħinha tieqaf tħossha b’dan il-mod. Talbitu wkoll biex jgħinha tibda taqdi bħala pijuniera. Mirjeta tgħid: “Jien indunajt li l-aħjar għajnuna li jistaʼ jkolli hi li niffoka fuq il-ministeru. Fil-ministeru nipprova nimita l-personalità taʼ mħabba taʼ Ġeħova, u rajt is-sentimenti negattivi tiegħi jisfaxxaw fix-xejn.”

13. (a) Xi ġralha Zoila, imma kif irreaġixxiet? (b) X’nistgħu nitgħallmu mill-esperjenza taʼ Zoila?

13 Zoila hi oħt mill-Messiku li marret tgħix l-Ewropa. Fil-kongregazzjoni tagħha, hemm aħwa rġiel u nisa minn parti oħra tal-Amerika Latina. Zoila tgħid li xi wħud minnhom kienu jwaqqgħu għaċ-ċajt il-pajjiż tagħha, u d-drawwiet u l-mużika taʼ dan il-pajjiż. Hi kienet imdejqa ħafna, u allura talbet lil Ġeħova biex jgħinha ħalli ma tiħux għaliha. Kif konna nirreaġixxu li kieku aħna konna fis-sitwazzjoni tagħha? Xi wħud minn ħutna rġiel u nisa għadhom jiġġieldu biex jikkontrollaw is-sentimenti tagħhom meta jisimgħu kummenti negattivi dwar il-post minn fejn jiġu huma. Allura qatt ma rridu ngħidu jew nagħmlu xi ħaġa li ġġiegħel grupp taʼ nies jidher li hu aħjar minn ieħor. Ma rridux inkunu aħna li noħolqu l-frid fil-kongregazzjoni jew xi mkien ieħor.—Rumani 14:19; 2 Korintin 6:3.

Itlob għall-għajnuna taʼ Ġeħova biex ikollok l-istess ħarsa tiegħu lejn in-nies

14. X’jistaʼ jgħinek taħseb dwar in-nies bil-mod kif jaħseb dwarhom Ġeħova?

14 Ilkoll nafu li l-qaddejja taʼ Ġeħova huma magħqudin bħala poplu wieħed. Allura qatt m’għandna nħossu li xi post jew pajjiż hu aħjar minn ieħor. Imma l-familja tiegħek u dawk li trabbejt magħhom forsi influwenzawk biex tħobb art twelidek. Allura forsi kultant għadek taħseb b’mod negattiv dwar nies taʼ nazzjonijiet, kulturi, lingwi, jew razez oħra. X’jistaʼ jgħinek tinbidel? Immedita dwar kif Ġeħova jħossu dwar in-nies li huma kburin bil-pajjiż tagħhom jew li jaħsbu li huma aħjar minn ħaddieħor. Agħmel iktar riċerka dwar dan is-suġġett matul l-istudju personali jew il-qima bħala familja tiegħek. Imbagħad itlob għall-għajnuna taʼ Ġeħova biex ikollok l-istess ħarsa tiegħu lejn in-nies.—Aqra Rumani 12:2.

Biex inkunu leali lejn Ġeħova, għandna nobdu lilu jagħmlulna x’jagħmlulna oħrajn (Ara paragrafi 15, 16)

15, 16. (a) Xi wħud kif jaġixxu minħabba li aħna differenti? (b) Il-ġenituri kif jistgħu jgħinu lil uliedhom jibqgħu leali lejn Ġeħova?

15 Aħna rridu naqdu lil Ġeħova b’kuxjenza nadifa, u allura kultant se nidhru differenti ħafna mill-kollegi, ġirien, qraba, jew dawk tal-klassi. (1 Pietru 2:19) Ġesù wissiena li oħrajn saħansitra se jobogħduna minħabba li aħna differenti. Ftakar li ħafna minn dawk li jopponuna ma jafux dwar is-Saltna t’Alla. Allura ma jifhmux għala hu importanti għalina li nkunu leali lejn is-Saltna minflok lejn il-gvernijiet umani.

16 Biex inkunu leali lejn Ġeħova, għandna nobdu lilu jagħmlulna x’jagħmlulna jew jgħidulna x’jgħidulna oħrajn. (Danjel 3:16-18) B’mod partikulari ż-żgħażagħ għandhom mnejn isibuha diffiċli biex ikunu differenti minn oħrajn. Ġenituri, għinu lil uliedkom ikunu kuraġġużi fl-iskola. Uliedkom forsi jibżgħu jirrifjutaw isellmu l-bandiera jew jibżgħu ma jipparteċipawx f’festi patrijottiċi. Matul il-qima bħala familja, tistgħu tistudjaw kif iħossu Ġeħova dwar dawn l-affarijiet. Għallmuhom kif jispjegaw b’mod ċar u b’rispett dak li jemmnu. (Rumani 1:16) Apparti minn hekk, jekk ikun neċessarju, għinu lil uliedkom billi titkellmu mal-għalliema tagħhom u tispjegawlhom dak li nemmnu bih.

ĦU PJAĊIR BIL-ĦOLQIEN KOLLU TAʼ ĠEĦOVA

17. Liema ħsieb għandna nevitaw, u għala?

17 Normalment nieħdu pjaċir bl-ikel, il-lingwa, il-veduti, u d-drawwiet tal-post li trabbejna fih. Imma nħossu aħna li dak li nħobbu hu dejjem aħjar minn dak li ħaddieħor iħobb? Ġeħova jridna nieħdu pjaċir bil-varjetà t’affarijiet li ħalaq. (Salm 104:24; Rivelazzjoni 4:11) Allura għala għandna noqogħdu ninsistu li hemm mod kif tagħmel xi ħaġa li hu aħjar minn ieħor?

Ġeħova jrid lil kull xorta taʼ bnedmin jgħixu għal dejjem

18. Għala hu tajjeb għalina li naħsbu f’oħrajn bil-mod kif jaħseb Ġeħova?

18 Ġeħova jrid lil kull xorta taʼ bnedmin biex jitgħallmu dwaru, iqimuh, u jgħixu għal dejjem. (Ġwanni 3:16; 1 Timotju 2:3, 4) Għalhekk meta ħutna jkollhom ideat differenti minn tagħna, aħna nkunu lesti li nagħtuhom widen, sakemm l-ideat tagħhom huma aċċettabbli għal Ġeħova. Jekk nagħmlu hekk, ħajjitna tkun interessanti u pjaċevoli, u aħna nibqgħu magħqudin maʼ ħutna rġiel u nisa. Bħalma ddiskutejna, minħabba li aħna leali lejn Ġeħova u s-Saltna tiegħu, aħna ma niġbdux lejn naħa jew oħra fil-konflitti tad-dinja. Aħna nobogħdu l-kburija u l-kompetizzjoni tad-dinja taʼ Satana. Kemm aħna grati li Ġeħova għallimna nħobbu l-paċi u nkunu umli! Aħna nħossuna bħas-salmista li qal: “Ara! Kemm hu tajjeb u sabiħ li l-aħwa jgħammru flimkien f’unità!”—Salm 133:1.

^ par. 10 Xi wħud fil-kongregazzjoni taʼ Filippi jistaʼ jkun li kellhom xi tip taʼ ċittadinanza Rumana, u għal din ir-raġuni, kellhom iktar drittijiet minn ħuthom li ma kellhomx ċittadinanza Rumana.

^ par. 12 Xi ismijiet ġew mibdulin.