Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġeħova se jieħu ħsiebek

Ġeħova se jieħu ħsiebek

“Ġeħova se jwieżnu fuq is-sodda tal-mard.”—SALM 41:3.

GĦANJIET: 23, 138

1, 2. Alla x’għamel fiż-żminijiet tal-Bibbja, u xi wħud x’għandhom mnejn jaħsbu meta jkunu morda?

JEKK xi darba kont marid serjament, għandek mnejn saqsejt, ‘Qatt se jgħaddili?’ Jew forsi membru tal-familja jew ħabib hu marid u int titħasseb jekk hux se jgħaddilu jew le. Huwa normali li tkun tixtieq li kemm int u kemm in-nies li tħobb ikollkom saħħa tajba. Fil-Bibbja, naqraw dwar xi wħud li kienu morda u li riedu jkunu jafu jekk kinux se jirpiljaw. Pereżempju, is-Sultan Aħażija, it-tifel t’Aħab u Ġeżabel, kien waqaʼ u weġġaʼ u ried ikun jaf jekk kienx se jirkupra. U iktar tard, is-Sultan Ben-ħadad tas-Sirja kien marid u saqsa jekk kienx se jfiq.—2 Slaten 1:2; 8:7, 8.

2 Il-Bibbja tgħidilna wkoll li fil-passat, Ġeħova kultant kien ifejjaq lil nies permezz taʼ miraklu u saħansitra uża l-profeti tiegħu biex jirxoxta lil xi wħud li mietu. (1 Slaten 17:17-24; 2 Slaten 4:17-20, 32-35) Illum il-ġurnata, xi nies li huma morda jaħsbu jekk Alla hux se jagħmel xi ħaġa biex jgħinhom ifiqu.

3-5. Ġeħova u Ġesù x’kapaċi jagħmlu, u liema mistoqsijiet se niddiskutu?

3 Ġeħova għandu l-qawwa li jeffettwa s-saħħa tan-nies. Hu kkastiga lil xi nies b’mard, bħal pereżempju lill-Fargħun fi żmien Abraham u iktar tard lil oħt Mosè, Mirjam. (Ġenesi 12:17; Numri 12:9, 10; 2 Samwel 24:15) U hu kkastiga lill-Iżraelin b’“mard” meta kienu żleali lejh. (Dewteronomju 28:58-61) Drabi oħra, Ġeħova pproteġa lin-nies tiegħu milli jimirdu. (Eżodu 23:25; Dewteronomju 7:15) Hu saħansitra fejjaq lil ftit minnhom. Pereżempju, fejjaq lil Ġob meta kien marid ħafna u ried imut.—Ġob 2:7; 3:11-13; 42:10, 16.

4 Aħna ċerti li Ġeħova għandu l-qawwa biex ifejjaq lil dawk li huma morda. Ġesù wkoll jistaʼ jfejjaq lill-morda. Meta kien fuq l-art, hu fejjaq lil dawk li kellhom mard bħall-ġdiem jew l-epilessija. Fejjaq lill-għomja u lil dawk li kienu paralizzati. (Aqra Mattew 4:23, 24; Ġwanni 9:1-7) Dawn il-mirakli jgħinuna nħarsu ’l quddiem għall-affarijiet meraviljużi li Ġesù se jagħmel fid-dinja l-ġdida. F’dak iż-żmien, “ħadd minn min jgħammar hemmhekk ma jgħid: ‘Jien marid.’”—Isaija 33:24.

5 Imma jekk nimirdu serjament, għandna nistennew li Ġeħova jew Ġesù se jfejjaqna permezz taʼ miraklu issa? U dwar xiex għandna naħsbu meta niġu biex nagħżlu kura?

STRIEĦ FUQ ĠEĦOVA META TKUN MARID

6. Il-Bibbja x’tgħid dwar il-mirakli li għamlu l-Kristjani fl-ewwel seklu?

6 Fl-ewwel seklu, Ġeħova ħatar lil Kristjani bl-ispirtu qaddis tiegħu u ta lil ftit minnhom l-abbiltà li jagħmlu l-mirakli. (Atti 3:2-7; 9:36-42) Pereżempju, setgħu jfejqu lin-nies u jitkellmu b’lingwi differenti. (1 Korintin 12:4-11) Imma iktar tard dawn il-mirakli waqfu, eżatt kif qalet il-Bibbja li kien se jiġri. (1 Korintin 13:8) Għalhekk, illum ma nistgħux nistennew miraklu mingħand Alla biex ifejjaq lilna jew lin-nies li nħobbu.

Ġeħova jaf eżatt dak li qed isofru l-qaddejja tiegħu, u ma jinsiex il-lealtà tagħhom

7. Salm 41:3 kif jistaʼ jinkuraġġina?

7 Imma jekk int marid, Ġeħova se jfarrġek u jappoġġak, bħalma għamel mal-qaddejja tiegħu fil-passat. Is-Sultan David kiteb: “Hieni min jaġixxi b’konsiderazzjoni mal-batut; fi żmien il-gwaj Ġeħova jeħilsu. Ġeħova nnifsu se jħarsu u jżommu ħaj.” (Salm 41:1, 2) Ovvjament, David ma riedx ifisser li persuna tajba li kienet tgħix f’dak iż-żmien u li kienet turi konsiderazzjoni mal-batut qatt ma kienet se tmut. Allura Ġeħova kif kien se jgħin lil individwu tajjeb bħal dan? David spjega: “Ġeħova se jwieżnu fuq is-sodda tal-mard; int tibdillu friexu kollu matul il-marda tiegħu.” (Salm 41:3) Ġeħova jaf eżatt dak li qed isofru l-qaddejja tiegħu, u ma jinsihomx. Jistaʼ jagħtihom il-kuraġġ u l-għerf. Ukoll, Ġeħova għamel il-ġisem uman b’tali mod li jistaʼ jfejjaq lilu nnifsu.

8. Skont Salm 41:4, David x’talab lil Ġeħova biex jagħmillu meta kien marid serjament?

8 F’Salm 41, David jgħidilna wkoll dwar iż-żmien meta kien marid serjament u ħassu dgħajjef u ansjuż. Jidher li f’dak iż-żmien, ibnu Absalom kien qed jipprova jsir sultan floku. David tant marad li ma setax iwaqqaf lil Absalom. Kien jaf li l-problemi tal-familja tiegħu kienu minħabba d-dnub li għamel maʼ Bat-seba. (2 Samwel 12:7-14) Allura x’għamel? Hu talab: “O Ġeħova, ħenn għalija. Fejjaqli ruħi, għax jien dnibt kontrik.” (Salm 41:4) David kien jaf li Ġeħova kien ħafirlu dnubu, u straħ fuq Alla għall-għajnuna waqt li kien marid. Imma kien David qed jistenna miraklu mingħand Ġeħova?

9. (a) Ġeħova x’għamel għas-Sultan Ħeżekija? (b) David xi stenna mingħand Ġeħova?

9 Huwa minnu li kultant Alla għażel li jfejjaq lil xi nies. Pereżempju, meta s-Sultan Ħeżekija kien qed imut, Ġeħova fejqu. Ħeżekija għex għal 15-il sena oħra. (2 Slaten 20:1-6) Imma David ma stenniex miraklu. Minflok, kien qed jistenna li Alla jgħinu bl-istess mod kif Alla kien se jgħin lil kull “min jaġixxi b’konsiderazzjoni mal-batut.” David kellu relazzjoni tajba maʼ Ġeħova, u allura setaʼ jitlob lil Ġeħova biex ifarrġu u jieħu ħsiebu matul il-mard tiegħu. Ukoll, talab biex ġismu jfiq u jħossu aħjar. Nistgħu nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna bl-istess mod.—Salm 103:3.

10. X’kien ġara lil Trofimu u Epafroditu, u dan x’jgħallimna?

10 Fl-ewwel seklu, mhux il-Kristjani kollha kienu jitfejqu permezz tal-mirakli, avolja l-appostlu Pawlu u oħrajn setgħu jfejqu l-morda. (Aqra Atti 14:8-10.) L-appostlu Pawlu fejjaq lil missier Publiju li kien marid bid-deni u b’infezzjoni serja. Pawlu “talab, qiegħed idejh fuqu u fejqu.” (Atti 28:8) Imma Pawlu ma fejjaqx lil kull min kien jaf. Wieħed mill-ħbieb tiegħu, Trofimu, ivvjaġġa maʼ Pawlu fuq vjaġġ missjunarju. (Atti 20:3-5, 22; 21:29) Meta Trofimu marad, Pawlu ma fejqux. Għalhekk, Trofimu kellu jieqaf jivvjaġġa maʼ Pawlu u baqaʼ Miletu ħalli jfiq. (2 Timotju 4:20) Ħabib ieħor taʼ Pawlu, Epafroditu, marad u kważi miet. Imma l-Bibbja ma tgħidx li fejqu Pawlu.—Filippin 2:25-27, 30.

LIEMA PARIR GĦANDEK TAĊĊETTA?

11, 12. X’nafu dwar Luqa, u kif setaʼ għen lil Pawlu?

11 Luqa kien tabib, u vvjaġġa maʼ Pawlu. (Atti 16:10-12; 20:5, 6; Kolossin 4:14) X’aktarx għen lil Pawlu u oħrajn meta mardu fil-vjaġġi missjunarji tagħhom. (Galatin 4:13) Bħalma qal Ġesù, “dawk li huma morda” għandhom bżonn tabib.—Luqa 5:31.

Irridu noqogħdu attenti meta xi ħadd jagħtina xi parir dwar is-saħħa tagħna

12 Luqa ma kienx sempliċement xi ħadd li kien jieħu gost jagħti pariri dwar is-saħħa. Kien imħarreġ bħala tabib. Il-Bibbja ma tgħidilniex fejn jew meta ġie mħarreġ. Imma meta Pawlu kiteb lill-Kolossin, qalilhom li Luqa sella għalihom. Allura, hu possibbli li Luqa kien imħarreġ fi skola medika f’Laodiċija, belt ħdejn Kolossi. Minbarra dan, meta Luqa kiteb l-Evanġelju tiegħu u l-ktieb tal-Atti, uża kliem mediku speċifiku. Peress li kien tabib, inkluda ħafna rakkonti taʼ meta Ġesù fejjaq in-nies.

13. Xi rridu niftakru qabel ma nagħtu jew naċċettaw xi parir dwar is-saħħa?

13 Illum, ħadd minn ħutna ma jistaʼ jagħmel mirakli u jfejjaqna. Imma peress li jridu jgħinuna, jistaʼ jkun li wħud minnhom jagħtuna pariri anki meta ma tlabniehomx għall-opinjoni tagħhom. Naturalment, ftit minn dawn is-suġġerimenti ma fihom xejn ħażin. Pereżempju, Pawlu ssuġġerixxa lil Timotju li jixrob ftit inbid. Timotju kellu problemi fl-istonku, forsi għax xorob ilma mniġġes. * (Ara n-nota taʼ taħt.) (Aqra l-1 Timotju 5:23.) Imma rridu noqogħdu attenti! Ħu forsi jipprova jikkonvinċina nieħdu ċerta mediċina jew ċerti ħxejjex jew li nieklu jew nevitaw ċertu ikel. Forsi jgħidilna li dan għen lil xi ħadd fil-familja tiegħu li kellu problema simili. Imma dan ma jfissirx li se jgħin lilna wkoll. Irridu niftakru li anki jekk ħafna nies jużaw ċerta mediċina jew kura, xorta tistaʼ tagħmlilna ħafna ħsara.—Aqra Proverbji 27:12.

UŻA L-GĦAQAL

14, 15. (a) Minn liema tip taʼ nies għandna noqogħdu attenti? (b) X’nistgħu nitgħallmu minn Proverbji 14:15?

14 Aħna lkoll nixtiequ li jkollna saħħa tajba ħalli nkunu nistgħu ngawdu l-ħajja u naħdmu iebes għal Ġeħova. Imma aħna imperfetti, u għalhekk ma nistgħux nevitaw il-mard kollu. Meta nimirdu, jistaʼ jkun li hemm iktar minn kura waħda li nistgħu nieħdu, u għandna d-dritt nagħżlu liema rridu naċċettaw. B’dispjaċir, xi nies u kumpaniji jipprovaw jgħadduna minn għajn il-labra u jgħidu li sabu kura li se tfejjaq il-marda tagħna, imma dan ma jkunx minnu. Jagħmlu dan għax iridu jagħmlu l-flus minn fuq daharna. Forsi jgħidu li ħafna nies ħadu din il-kura u fiequ. U jekk aħna morda, forsi nkunu lesti li nipprovaw minn kollox, l-aqwa li nħossuna aħjar u ngħixu iktar. Imma ma rridux ninsew il-parir li hemm fil-Kelma t’Alla: “Kulmin hu bla esperjenza jafda f’kull kelma li jismaʼ, imma min hu prudenti jqis il-passi tiegħu.”—Proverbji 14:15.

Irridu nużaw l-għaqal u ma nibilgħux kulma jgħidulna

15 Jekk aħna prudenti, jew għaqlin, se noqogħdu attenti x’nemmnu, speċjalment jekk dak li qed jagħtina l-parir mhuwiex imħarreġ sew. Se nsaqsu lilna nfusna: ‘Għalkemm hu jgħid li din il-vitamina, dawn il-ħxejjex, jew din id-dieta għenet lin-nies, jien kif naf fiċ-ċert li għenithom? Anki jekk għenet lil ħaddieħor, jien x’garanzija għandi li se tgħin lili? Għandi nagħmel iktar riċerka u nitkellem maʼ xi wħud li huma mħarrġin sew fil-problema tas-saħħa tiegħi?’—Dewteronomju 17:6.

16. X’għandna nżommu f’moħħna meta nieħdu deċiżjonijiet dwar is-saħħa?

16 Meta nkunu qed niddeċiedu liema test jew kura għandna naċċettaw, irid ikollna “moħħ f’loku,” jiġifieri rridu nużaw l-għaqal. (Titu 2:12) Dan hu speċjalment importanti jekk it-test jew il-kura tidher stramba jew mhix tas-soltu. Jistaʼ l-konsulent jispjega kif jaħdem it-test jew il-kura? L-ispjegazzjoni tinstemaʼ stramba? Jaqblu ħafna tobba li dan it-test jew din il-kura tistaʼ tfejjaq lin-nies? (Proverbji 22:29) Forsi xi ħadd jgħidilna li nstabet kura ġdida xi mkien ’il bogħod u li t-tobba għadhom ma jafux biha. Imma hemm xi fatti li juru biċ-ċar li verament teżisti kura bħal din? Xi wħud saħansitra joffru kura li fiha xi ingredjent sigriet jew xi forza mhux magħrufa. Dan jistaʼ jkun perikoluż ferm. Tinsiex, Alla wissiena biex ma nużawx qawwiet sopranaturali jew maġiċi.—Dewteronomju 18:10-12; Isaija 1:13.

“SAĦĦA!”

17. Liema xewqa normali għandna?

17 Il-ġemgħa li tiggverna fl-ewwel seklu bagħtet ittra lill-aħwa fil-kongregazzjonijiet biex tgħidilhom ftit mill-affarijiet li kellhom jevitaw. Fl-aħħar tal-ittra, il-ġemgħa li tiggverna kitbet: “Jekk toqogħdu attenti li żżommu ’l bogħod minn dawn l-affarijiet, jaħbtilkom tajjeb. Saħħa!” (Atti 15:29) Għalkemm l-aħħar kelma hi sempliċement mod ieħor kif tgħid ċaw, tfakkarna wkoll li hu normali li nkunu nixtiequ li jkollna saħħa tajba.

Irridu li jkollna saħħa tajba ħalli nkunu nistgħu naqdu lil Ġeħova (Ara paragrafu 17)

18, 19. Għal xiex nistgħu nħarsu ’l quddiem fid-dinja l-ġdida?

18 Peress li aħna imperfetti, ma nistgħux nevitaw il-mard kollu. U meta nimirdu ma nistennewx miraklu mingħand Ġeħova biex ifejjaqna. Imma nistgħu nħarsu ’l quddiem lejn żmien meta Alla se jfejjaqna għalkollox. F’Rivelazzjoni 22:1, 2, l-appostlu Ġwanni kellu viżjoni taʼ “ilma tal-ħajja” u “siġar tal-ħajja” li se jfejqu lil kulħadd. Dan ma jirreferix għal xi mediċina erbali li nistgħu nieħdu issa jew fid-dinja l-ġdida biex infiqu. Minflok, jirreferi għal dak kollu li se jagħmlu Ġeħova u Ġesù biex inkunu nistgħu ngħixu għal dejjem.—Isaija 35:5, 6.

19 Aħna nħarsu ’l quddiem għal dan iż-żmien tal-għaġeb. Imma għalissa aħna ninsabu ċerti li Ġeħova jħobb lil kull wieħed u waħda minna u li jifhem kif inħossuna meta nbatu. Bħal David, aħna nafu li jekk nimirdu, Ġeħova mhux se jħallina nfendu għal rasna. Hu dejjem se jieħu ħsieb lil dawk li huma leali lejh.—Salm 41:12.

^ par. 13 Il-ktieb The Origins and Ancient History of Wine jgħid li x-xjentisti sabu li t-tifojde u mikrobi perikolużi oħra malajr imutu meta jitħalltu mal-inbid.