Għallem lil Uliedek
Ġosija Għażel li Jagħmel Dak li Hu Tajjeb
TAĦSEB li hu diffiċli tagħmel dak li hu tajjeb? a— Jekk tgħid iva, ħafna nies se jaqblu miegħek. Anki l-kbar isibuha diffiċli biex jagħmlu dak li jafu li hu tajjeb. Ejja naraw għala kien speċjalment diffiċli għal Ġosija biex jagħmel għażliet tajbin. Taf min kien?—
Ġosija kien bin Amon, sultan taʼ Ġuda, li kellu 16-il sena biss meta twieled Ġosija. Amon kien ħażin ħafna bħalma kien missieru, is-Sultan Manasse. Fil-fatt, għal ħafna snin Manasse kien ħakkiem tassew mill-agħar. Imma mbagħad, inħataf mill-Assirjani u ttieħed bħala priġunier ’il bogħod lejn Babilonja. Meta kien il-ħabs, Manasse talab bil-ħniena lil Ġeħova biex jaħfirlu u Ġeħova hekk għamel.
Meta Manasse ġie meħlus, hu mar lura Ġerusalemm u reġaʼ beda jaħkem hemm bħala sultan. Hu mill-ewwel ikkoreġa l-affarijiet ħżiena li kien għamel u għen lin-nies biex jaqdu lil Ġeħova. Żgur li tnikket meta ra li ibnu Amon ma segwiex l-eżempju tajjeb tiegħu. Ġosija twieled f’dan iż-żmien. Il-Bibbja ma tgħidilniex kemm kellu kuntatt Manasse maʼ neputih Ġosija. Imma taħseb li Manasse setaʼ pprova jgħinu biex jaqdi lil Ġeħova?—
Meta Ġosija kellu biss sitt snin, Manasse miet, u missier Ġosija, Amon, sar sultan. Amon ħakem għal sentejn biss qabel ma qatluh il-qaddejja tiegħu stess. Allura Ġosija sar sultan taʼ Ġuda meta kellu tmien snin biss. (2 Kronaki, kapitlu 33) Imbagħad x’taħseb li ġara? Għażel Ġosija li jsegwi l-eżempju ħażin taʼ missieru, Amon, jew l-eżempju tajjeb taʼ nannuh Manasse, li kien nidem?—
Avolja Ġosija kien għadu żgħir, hu kien jaf li ried jaqdi lil Ġeħova. Għalhekk, hu semaʼ minn dawk li kienu jħobbu lil Ġeħova minflok minn dawk li kienu ħbieb taʼ missieru. Ġosija kellu biss tmien snin, imma hu kien jaf li 2 Kronaki 34:1, 2) Tixtieq tkun taf xi ħaġa dwar dawk li kienu jagħtu l-pariri lil Ġosija u li kienu t’eżempju tajjeb għalih?—
kien tajjeb li jismaʼ minn dawk li jħobbu ’l Alla. (Ġosija kien influwenzat mill-profeta Sofonija. Hu kien qarib taʼ Ġosija, għax x’aktarx li kien dixxendent taʼ missier Manasse, is-sultan tajjeb Ħeżekija. Matul il-bidu tal-ħakma taʼ Ġosija bħala sultan, Sofonija kiteb il-ktieb Bibliku li jġorr ismu. Sofonija wissa dwar l-affarijiet ħżiena li kienu se jseħħu lil dawk li ma kinux se jagħżlu li jagħmlu t-tajjeb, u jidher ċar li Ġosija ta kas dawk it-twissijiet.
Imbagħad kien hemm Ġeremija, li forsi ġieli smajt dwaru qabel. Kemm Ġeremija u kemm Ġosija kienu għadhom żgħażagħ u ma trabbewx ’il bogħod minn xulxin. Ġeħova ispira lil Ġeremija biex jikteb il-ktieb tal-Bibbja li jġorr ismu. Meta Ġosija miet f’battalja, Ġeremija kiteb għanja speċjali li tissejjaħ lamentazzjoni biex jesprimi n-niket kbir tiegħu. (2 Kronaki 35:25) Nistgħu biss nimmaġinaw kemm kienu jinkuraġġixxu lil xulxin biex jibqgħu leali lejn Ġeħova!
X’taħseb li tistaʼ titgħallem meta tistudja dwar Ġosija?— Jekk bħalu, int m’għandekx missier li jaqdi lil Ġeħova, hemm xi ħadd ieħor li jistaʼ jgħinek titgħallem dwar Alla? Forsi tistaʼ tgħinek ommok, xi ħadd min-nanniet, jew qarib ieħor. Forsi hemm xi ħadd ieħor li jaqdi lil Ġeħova, xi ħadd li ommok tistaʼ tħallik tistudja l-Bibbja miegħu.
Hu x’inhu l-każ, għalkemm Ġosija kien għadu biss tifel, hu kien kbir biżżejjed biex ikun jaf li għandu jagħmel ħbieb maʼ min jaqdi lil Ġeħova. Jalla int tagħmel l-istess u tagħżel li tagħmel dak li hu tajjeb!
a Jekk qed taqra mat-tfal, is-sinjal qiegħed hemm biex ifakkrek li għandek tieqaf u tinkuraġġixxi lit-tfal jesprimu ruħhom.
[Stampi f’paġna 25]
Kif setgħu Sofonija u Ġeremija għenu lil Ġosija biex jagħmel dak li hu tajjeb?