L-Isem Huwa Importanti?
Mara Etjopjana wildet tifel. Imma l-ferħ tagħha nbidel f’għali meta rat li t-tarbija ma bdietx tiċċaqlaq. Meta n-nanna ħadet il-ġisem ċkejken mitluq biex taħslu, it-tifel f’daqqa waħda beda jiċċaqlaq u jieħu n-nifs u jibki! Isem missier it-tarbija jfisser “Miraklu,” għalhekk il-ġenituri għaqqdu dak l-isem maʼ kelma Amarika oħra u semmew it-tifel Seħħ Miraklu.
Fil-Burundi, żagħżugħ qed jipprova jaħrab minn suldati li jridu joqtluh. Waqt li kien qed jistaħba f’għalqa, ir-raġel wiegħed li jekk Alla jsalvah hu se jsemmi lill-ewwel iben tiegħu Manirakiza, li jfisser “Alla Hu s-Salvatur.” Ħames snin wara, grat li għadu ħaj, ir-raġel isemmi lill-ewwel iben tiegħu b’dak l-isem.
GĦAL xi wħud jistaʼ jidher stramb li jagħtu lit-tfal isem li fih tifsira speċifika, imma din id-drawwa kienet issir fiż-żminijiet tal-qedem. Fil-fatt, il-Bibbja fiha mijiet taʼ ismijiet bħal dawn. Meta tifhem it-tifsir taʼ l-ismijiet taʼ individwi differenti se tibbenefika iktar mill-qari tal-Bibbja tiegħek. Ikkunsidra biss xi eżempji.
Ismijiet b’Tifsir Importanti fl-Iskrittura Ebrajka
Fost l-ewwel ismijiet li nsibu mniżżlin fil-Bibbja hemm dak taʼ Set, li jfisser “Maħtur.” Eva, omm Set, spjegat għala għażlet dak l-isem, billi qalet: “Alla ħatarli nisel ieħor minflok Abel, għax Kajjin qatlu.” (Ġenesi 4:25) Lamek, id-dixxendent taʼ Set, semma lil ibnu Noè li jfisser “Mistrieħ” jew “Konsolazzjoni.” Lamek qal li ta dan l-isem lil ibnu minħabba li “dan se jfarraġna fix-xogħol tagħna u fit-taħbit taʼ idejna li rriżultaw mill-art misħuta minn Ġeħova.”—Ġenesi 5:29.
Alla nnifsu biddel l-ismijiet taʼ ċerti adulti bħala mod biex jipprofetizza xi ħaġa. Per eżempju, hu biddel l-isem t’Abram li jfisser il-“Missier Hu fl-Għoli,” għal Abraham li jfisser “Missier Kotra.” Eżatt skond ismu, Abraham fil-fatt sar missier taʼ bosta ġnus. (Ġenesi 17:5, 6) Ikkunsidra wkoll isem il-mara t’Abraham, Saraj, li jistaʼ jfisser “Ġellieda.” Min jaf kemm kienet ferħana meta Alla taha isem ġdid “Sara” li jfisser “Prinċipessa,” billi rrefera għall-fatt li kienet se ssir antenata tas-slaten.—Ġenesi 17:15, 16.
Alla wkoll għażel personalment l-isem taʼ xi tfal. Per eżempju, hu qal lil Abraham u lil Sara biex isemmu lil binhom Iżakk li jfisser “Daħq.” Dan l-isem dejjem kien se jfakkar lil din il-koppja leali kif irreaġixxew għall-aħbar li kien se jkollhom iben fi xjuħithom. Meta Iżakk kiber u sar qaddej leali t’Alla, żgur li Ġenesi 17:17, 19; 18:12, 15; 21:6.
ismu kompla jġib tbissima fuq wiċċ Abraham u Sara hekk kif gawdew il-kumpanija taʼ dan l-iben maħbub.—Il-bint tar-rispett t’Iżakk, Rakele, tat l-isem lill-aħħar iben tagħha għal raġuni differenti ħafna. Waqt li kienet fuq is-sodda tal-mewt, Rakele sejħet lit-tifel Ben-oni li jfisser “Bin in-Niket Tiegħi.” Żewġha Ġakobb li kien imnikket, biddel bi ftit l-isem għal Benjamin li jfisser “Bin l-Id il-Leminija.” Dan l-isem kien ifisser kemm pożizzjoni taʼ favur kif ukoll t’appoġġ.—Ġenesi 35:16-19; 44:20.
Kultant l-ismijiet kienu jingħataw jew jittieħdu minħabba l-karatteristiki fiżiċi tal-persuna. Per eżempju, Iżakk u Rebekka kellhom iben li twieled b’suf ħamrani oħxon bħal libsa tas-suf, u għalhekk semmewh Għesaw. Għala? Bl-Ebrajk dan l-isem ifisser “Sufi.” (Ġenesi 25:25) Bħalma hu notat fil-ktieb taʼ Rut, Nagħomi kellha żewġ subien. Wieħed ngħata l-isem Maħlon li jfisser “Marradi, Invalidu,” u l-ieħor Kiljon li jfisser “Debbulizza.” Ma jintqalx jekk dawn l-ismijiet ngħatawx fit-twelid jew iktar tard, imma jidhru li kienu adattati għalihom meta nqisu l-mewta bikrija taʼ dawn iż-żewġ żgħażagħ.—Rut 1:5.
Prattika komuni oħra kienet li jbiddlu jew jaġġustaw l-ismijiet. Meta Nagħomi rritornat lejn Betlehem, fqira wara li tilfet lil żewġha u lil uliedha, ma riditx li tibqaʼ tissejjaħ b’dak l-isem li jfisser “Il-Gost Tiegħi.” Minflok, hi insistiet: “Issejħulix Nagħomi. Sejħuli Mâra [li jfisser “Morra”], għax Dak li Jistaʼ Kollox sqieni ħafna mrar.”—Rut 1:20, 21.
Jerġaʼ drawwa oħra kienet li jsemmu tarbija b’isem li jfakkarhom fi ġrajja speċjali fi żmien it-twelid. Per eżempju, isem il-profeta Ħaggaj ifisser “Imwieled f’Jum taʼ Festa.” a
Ismijiet Sinifikanti fl-Era Kristjana
Isem Ġesù għandu sinifikat profetiku kbir. Qabel ma twieled, il-ġenituri tiegħu b’mod divin ngħataw l-istruzzjoni biex isemmuh Ġesù, li jfisser “Ġeħova Hu Salvazzjoni.” Għala? “Hu jsalva lill-poplu tiegħu minn dnubiethom,” qal l-anġlu li kellem lil Ġużeppi. (Mattew 1:21) Wara li fil-magħmudija Ġesù ġie midluk bl-ispirtu qaddis, ismu ntrabat mat-titlu Ebrajk “Messija.” Bil-Grieg, l-istess titlu huwa tradott “Kristu.” Iż-żewġ espressjonijiet ifissru “Midluk.”—Mattew 2:4.
Għal xi wħud mid-dixxipli tiegħu, Ġesù nnifsu għażel ismijiet li jiddeskrivu l-personalitajiet tagħhom. Per eżempju, hu ta lil Xmun l-isem Semitiku Kefa li jfisser “Ġebla.” Kefa sar magħruf aħjar bit-traduzzjoni Griega taʼ dan l-isem, li jiġi tradott “Pietru.” (Ġwanni 1:42) Ġesù semma lil Ġakbu u Ġwanni, l-aħwa ż-żelużi, “Boanerġes” li jfisser “Ulied ir-Ragħad.”—Marku 3:16, 17.
Id-dixxipli taʼ Ġesù komplew il-prattika li jagħtu ismijiet oħrajn li huma adattati. Eżempju wieħed hu tad-dixxiplu Ġużeppi, li l-appostli semmewh Barnaba li jfisser “Bin il-Faraġ.” Barnaba għex fi qbil mat-tifsir taʼ ismu, billi ġab faraġ lil ħafna kemm fiżikament u kemm spiritwalment.—Atti 4:34-37; 9:27; 15:25, 26.
L-Importanza taʼ Ismek
Aħna m’għandna l-ebda kontroll fuq l-isem li jagħtuna meta nitwieldu. Madankollu, aħna stess niddeterminaw ir-reputazzjoni li niksbu. (Proverbji 20:11) Għala ma tistaqsix lilek innifsek: ‘Kieku Ġesù u l-appostli kellhom l-opportunità, liema isem kienu jagħżlu għalija? Liema isem ikun xieraq biex jiddeskrivi l-kwalità dominanti jew ir-reputazzjoni tiegħi?’
Din il-mistoqsija jistħoqqilha li naħsbu fuqha bis-serjetà. Għala? “Aħjar jintgħażel isem tajjeb minflok ħafna rikkezzi,” kiteb is-sultan għaref Salamun. (Proverbji 22:1) Żgur li jekk fil-komunità niksbu isem tajjeb, jew reputazzjoni tajba, ikun taʼ siwi. Però, iktar importanti minn hekk, jekk nagħmlu isem tajjeb m’Alla aħna niksbu teżor dejjiemi. B’liema mod? Alla wiegħed li hu se jikteb fil-“ktieb it-tifkira” tiegħu l-ismijiet taʼ dawk li jibżgħu minnu, u hu se jagħtihom il-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem.—Malakija 3:16; Rivelazzjoni 3:5; 20:12-15.
[Nota taʼ taħt]
a Ħafna mix-Xhieda taʼ Ġeħova fl-Afrika għandhom ismijiet konnessi maʼ titli taʼ konvenzjonijiet u assembleat tax-Xhieda li nżammu meta twieldu huma.
[Kumment f’paġna 23]
Liema isem ikun adattat biex jiddeskrivi r-reputazzjoni tiegħi?
[Kaxxa/Stampa f’paġna 22]
Min Kien Emmanuwel?
Xi ismijiet taʼ individwi fil-Bibbja kienu profetiċi u ddeskrivew ix-xogħol li kellu jagħmel l-individwu. Per eżempju, il-profeta Isaija kien ispirat biex jikteb: “Ara! It-tfajla toħroġ tqila, u tiled iben, u hi ssemmih Emmanuwel.” (Isaija 7:14) Dan l-isem ifisser “Magħna Hu Alla.” Xi kummentaturi tal-Bibbja pprovaw jorbtu l-ewwel twettiq taʼ din il-profezija maʼ wieħed mis-slaten Israelin jew maʼ wieħed minn ulied Isaija. Madankollu, Mattew, il-kittieb taʼ l-Evanġelju, wera li l-profezija taʼ Isaija twettqet għalkollox permezz taʼ Ġesù.—Mattew 1:22, 23.
Xi wħud isostnu li minħabba li l-Bibbja tapplika l-isem Emmanuwel għal Ġesù, din tgħallem li Ġesù hu Alla. Madankollu, b’dan l-irraġunar, ir-raġel żagħżugħ Eliħu, li farraġ u kkoreġa lil Ġob, ukoll kien Alla. Għala? Ismu jfisser “Alla Tiegħi Hu.”
Ġesù qatt ma sostna li hu Alla. (Ġwanni 14:28; Filippin 2:5, 6) Imma rrifletta l-personalità taʼ Missieru perfettament, u wettaq il-wegħdi kollha t’Alla dwar il-Messija. (Ġwanni 14:9; 2 Korintin 1:20) L-isem Emmanuwel jiddeskrivi sew l-irwol taʼ Ġesù bħala n-Nisel Messjaniku, dixxendent taʼ David, il-wieħed li jagħti prova li Alla hu maʼ dawk li jaduraw Lilu.
[Stampa]
EMMANUWEL “Magħna Hu Alla”
[Kaxxa/Stampa f’paġna 23]
L-Iktar Isem Sinifikanti
L-isem persunali t’Alla jidher xi 7,000 darba fil-Bibbja kollha. Dan l-isem, li huwa rappreżentat minn erbaʼ ittri Ebrajċi יהוה, huwa tradott l-iktar bħala “Ġeħova” bil-Malti. X’tifsir għandu dan l-isem? Meta Mosè staqsa dwar l-isem t’Alla, Ġeħova wieġbu: “Jien Se Nsir Dak li Rrid Insir.” (Eżodu 3:14) Għalhekk, l-isem persunali t’Alla hu garanzija li hu se jsir kulma hemm bżonn sabiex iwettaq l-iskopijiet tiegħu. (Isaija 55:8-11) Meta Alla jagħmel wegħda aħna nistgħu nafdawha u nibnu ħajjitna skond din il-wegħda. Għala? Għaliex ismu hu Ġeħova.
[Stampa f’paġna 21]
ABRAHAM “Missier Kotra”
[Stampa f’paġna 21]
SARA “Prinċipessa”