Il-Vatikan Jipprova Jelimina l-Użu taʼ l-Isem Divin
IL-ĠERARKIJA Kattolika qed tipprova telimina l-użu taʼ l-isem divin mill-attivitajiet reliġjużi tagħha. Is-sena l-oħra, il-Kongregazzjoni tal-Vatikan għall-Qima Divina u d-Dixxiplina tas-Sagramenti bagħtet istruzzjonijiet fuq din il-kwistjoni lill-konferenzi taʼ l-isqfijiet Kattoliċi mad-dinja kollha. Dan il-pass ittieħed “bid-direttiva” tal-papa.
Dan id-dokument, bid-data tad-29 taʼ Ġunju, 2008, ikkritika l-fatt li minkejja li ngħataw istruzzjonijiet biex ma jsirx dan, “fi snin reċenti daħlet bil-mod il-mod l-użanza li jiġi pronunzjat l-isem proprju t’Alla t’Israel, magħruf bħala t-tetragrammaton qaddisa jew divina, miktuba b’erbaʼ konsonanti taʼ l-alfabet Ebrajk fil-forma taʼ יהוה, JĦWH.” Id-dokument jinnota li l-isem divin ġie tradott b’diversi modi bħal “Yahweh,” “Yahwè,” “Jahweh,” “Jahwè,” “Jave,” “Yehovah,” u nibqgħu sejrin. a Madankollu, id-direttiva tal-Vatikan qed tipprova terġaʼ tistabbilixxi l-pożizzjoni Kattolika tradizzjonali. Jiġifieri, minflok it-Tetragrammaton għandha tidħol il-kelma “Mulej.” Iktar minn hekk, l-isem t’Alla “JĦWH la għandu jiġi użat u lanqas pronunzjat” fl-attivitajiet, l-għanjiet, u t-talb reliġjuż Kattoliku.
Biex jappoġġa din il-pożizzjoni, id-dokument tal-Vatikan jappella għat-“tradizzjoni antika” tal-Kattoliċiżmu. Id-direttiva ssostni li saħansitra fit-traduzzjoni tas-Settanta taʼ l-Iskrittura Ebrajka, li ħarġet qabel iż-żminijiet Kristjani, l-isem divin kien jiġi tradott regolarment bħala Kirjos, il-kelma Griega għal “Mulej.” Għalhekk, id-direttiva tinsisti, “il-Kristjani wkoll mill-bidunett qatt ma ppronunzjaw it-tetragrammaton divina.” Madankollu, din l-istqarrija tinjora l-evidenza ċara li hemm dwar il-kuntrarju. Kopji tal-bidu tas-Settanta kien fihom l-isem divin fil-forma taʼ יהוה u mhux Kirjos. Is-segwaċi taʼ Kristu taʼ l-ewwel seklu kienu jafu u jippronunzjaw l-isem t’Alla. Ġesù nnifsu qal f’talba lil Missieru: “Għarrafthom ismek.” (Ġwanni 17:26) U fit-talba mudell li hi magħrufa sew, Ġesù għallimna nitolbu: “Missierna fis-smewwiet, ħa jitqaddes ismek.”—Mattew 6:9.
Għandha tkun ix-xewqa tal-Kristjani kollha li jaraw l-isem t’Alla mqaddes. L-isforzi tal-Vatikan biex jelimina l-użu tiegħu jiddiżonoraw lil Ġeħova, il-wieħed li qal: “Dan ikun ismi għal dejjem u dan l-isem ifakkarkom fija minn nisel għal nisel.”—Eżodu 3:15, Għaqda Biblika Maltija.
[Nota taʼ taħt]
a L-ekwivalenti taʼ l-isem “Ġeħova” f’ħafna lingwi ilu magħruf mad-dinja kollha għal sekli sħaħ u jintuża f’ħafna traduzzjonijiet tal-Bibbja.
[Kumment f’paġna 10]
“Dan ikun ismi għal dejjem.”—Eżodu 3:15, Għaqda Biblika Maltija
[Stampa f’paġna 10]
Framment mis-“Settanta” li jmur lura għall-ewwel seklu E.K. L-isem divin, b’ċirku madwaru, rappreżentat mill-erbaʼ ittri Ebrajċi, normalment jiġi tradott JĦWH
[Sors]
Bil-korteżija taʼ l-Egypt Exploration Society