Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Insib il-Ferħ Minkejja d-Diżabilitajiet Tiegħi

Insib il-Ferħ Minkejja d-Diżabilitajiet Tiegħi

Kif rakkontata minn Paulette Gaspar

Għalkemm fit-​twelid kont niżen madwar tliet kilogrammi, it-​tabib kien jaf li kelli xi ħaġa tassew ħażina. Matul il-​ħlas, inkisruli xi għadam. Infatti, jien inbati minn kundizzjoni msejħa “osteogenesis imperfecta,” magħrufa aħjar bħala l-​marda taʼ l-​għadam fraġli. Ħaduni malajr biex joperawni, imma t-​tobba ma tantx kellhom tama. Huma stennew li kont se mmut fi żmien 24 siegħa.

JIEN twilidt f’Canberra, il-​belt kapitali taʼ l-​Awstralja, fl-​14 taʼ Ġunju, 1972. Kuntrarju għal dak kollu li stennew, jien bqajt ħajja wara dak l-​ewwel jum. Imma mbagħad qabditni l-​pulmunite. Minħabba li ħasbu li xorta waħda kont se mmut, it-​tobba ma tawni l-​ebda kura u ddeċidew li jħalluni mmut mewta naturali. Għalkemm ħallewni għal mejta, jien għext.

Nistaʼ biss nimmaġina kemm kien diffiċli dak iż-​żmien għall-​ġenituri tiegħi. Minħabba li mid-​dehra ma tantx kelli ċans insalva, l-​istaff tat-​tobba, b’intenzjonijiet tajbin, avża lill-​ġenituri tiegħi biex ma jorbtux qalbhom wisq miegħi. Fil-​fatt, matul l-​ewwel tliet xhur li kont l-​isptar, lanqas biss ħallew lill-​ġenituri tiegħi jmissuni. Ir-​riskju li jweġġgħuni kien kbir wisq. Meta deher ovvju li kont se ngħix, it-​tobba ssuġġerew lill-​ġenituri tiegħi biex jiħduni f’dar tat-​tfal b’diżabilità.

Madankollu, il-​ġenituri tiegħi ddeċidew li jiħduni d-​dar. Dan għaliex ommi kienet għadha kif bdiet tistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Dak li tgħallmet żidilha s-​sens t’obbligu tagħha biex tieħu ħsiebi. Imma żgur li kien diffiċli għaliha biex ikollha rabta mill-​qrib miegħi ladarba s-​saħħa emozzjonali u fiżika kollha tagħha kienet tużaha fil-​kura intensiva li kont neħtieġ jien. Spiss kienu jiħduni l-​isptar. L-​għadam tiegħi kien jinkiser minn affarijiet sempliċi anki bħal li jaħsluni. Saħansitra jekk kont nagħtas, setgħet tinkisirli xi għadma.

Kif Qabditni Dipressjoni

Hekk kif kont qed nikber, kont inkun il-​ħin kollu fis-​siġġu tar-​roti. Ma kienx possibbli għalija li nitgħallem nimxi. Minkejja d-​diffikultajiet, il-​ġenituri tiegħi ħadu ħsieb il-​bżonnijiet fiżiċi tiegħi b’mod tassew tajjeb.

Iktar minn hekk, ommi għamlet l-​almu tagħha biex tgħallimni l-​messaġġ taʼ faraġ li tagħti l-​Bibbja. Per eżempju, hi għallmitni li fil-​futur, Alla se jagħmel l-​art ġenna fejn in-​nies kollha se jgawdu saħħa spiritwali, mentali, u fiżika perfetta. (Salm 37:10, 11; Isaija 33:24) Madankollu, ommi ammettiet bis-​sinċerità kollha li kienet issibha diffiċli timmaġina xi tip taʼ ħajja pjaċevoli għalija sakemm jasal dak iż-​żmien.

Għall-ewwel, attendejt skola tat-​tfal b’diżabilità. L-​għalliema tiegħi m’għamlu ebda miri għalija u lanqas jien m’għamilt. Fil-​fatt, li sempliċement nissaporti l-​iskola kien sar sfida kbira. Ħafna tfal fl-​iskola kienu kattivi miegħi. Iktar tard, bdejt nattendi skola normali. Is-​saħħa fiżika, emozzjonali, u mentali tiegħi kont naħliha kollha biex nitgħallem ningwalaha m’oħrajn. Minkejja dan, kont determinata li llesti t-​12-il sena tiegħi t’edukazzjoni.

Speċjalment matul is-​snin li qattajt fl-​iskola sekondarja, jien kont naħseb dwar kemm kienet tidher bla tama u vojta l-​ħajja taʼ l-​istudenti sħabi. Jien ħsibt ukoll dwar dak li kienet għallmitni ommi mill-​Bibbja. Mentalment, kont naf li dak li qaltli kien minnu. Imma f’dak iż-​żmien, it-​tagħlim tal-​Bibbja ma messlix qalbi. Għal xi żmien, iddeċidejt li nimla ħajti bil-​pjaċiri u d-​daħq mingħajr ebda ħsieb dwar l-​għada.

Meta kelli 18-il sena tlaqt mid-​dar tal-​ġenituri tiegħi u mort ngħix f’dar maʼ grupp taʼ nies oħrajn li kellhom diżabilità. Meta għamilt dan il-​pass ħassejt kemm eċċitament u kemm biżaʼ fl-​istess ħin. Kien jogħġobni ħafna l-​fatt li jkolli iktar libertà, indipendenza, ħbieb, u ħajja soċjali sabiħa. Ħafna mill-​ħbieb tiegħi żżewġu. Jien ukoll kont nixxennaq għal sieħeb fiż-​żwieġ u għall-​imħabba. Imma li nsib sieħeb għaż-​żwieġ ma tantx kien probabbli għalija minħabba d-​diżabilità tiegħi. Minħabba li rrealizzajt dan kont nagħmel id-​dwejjaq.

Madankollu, qatt ma waħħalt f’Alla għall-​kundizzjoni tiegħi. Kont tgħallimt biżżejjed dwar Alla biex inkun naf li ma jistax ikun li jagħmel xi ħaġa inġusta. (Ġob 34:10) Ipprovajt naċċetta l-​ħajja kif inhi. Minkejja dan, qabditni dipressjoni kbira.

Nirkupra bil-​Mod il-​Mod

Fortunatament, ommi indunat bis-​sitwazzjoni tiegħi u kkuntattjat wieħed mill-​anzjani tal-​kongregazzjoni li kien jgħix viċin tiegħi. Hu ċempilli fuq it-​telefon u stidinni biex nattendi l-​laqgħat Kristjani fis-​Sala tas-​Saltna lokali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Iktar minn hekk, oħt mill-​kongregazzjoni bdiet tistudja l-​Bibbja miegħi kull ġimgħa.

Hekk kif bdejt niġi mfakkra fil-​veritajiet tal-​Bibbja li ommi kienet għallmitni snin qabel, il-​ħarsa tiegħi lejn il-​ħajja bdiet titjieb. Bdejt nieħu gost bil-​kumpanija taʼ Kristjani sħabi. Madankollu, jien tgħallimt ma nitkellimx dwar kif inħossni minħabba li kont nibżaʼ li nweġġaʼ emozzjonalment. Naħseb li dan għamilha diffiċli għalija biex inħoss imħabba profonda għal Alla. Minkejja dan, kont naf li kien sewwa li niddedika ħajti lilu. Għalhekk, f’Diċembru taʼ l-​1991, jien tgħammidt b’simbolu tad-​dedikazzjoni tiegħi.

Jien ħriġt mid-​dar li kont naqsam maʼ sħabi li kellhom diżabilità u mort ngħix f’appartament waħdi. Din il-​bidla ġabet kemm benefiċċji u kemm problemi. Per eżempju, ħassejtni waħdi ħafna. U l-​ħsieb li jistgħu jidħlu fuqi xi rġiel beżżagħni. Ma domtx m’erġajt waqajt f’dipressjoni qawwija. Għalkemm kont nitbissem u nidher ferħana, ma kienx sejjer kollox sew. Jien kont iddisprata għal ħabiba tajba u stabbli.

Inħoss li Alla Ġeħova pprovda ħabiba bħal din għalija. L-​anzjani fil-​kongregazzjoni lokali b’qalb tajba rranġaw biex Suzie, oħt miżżewġa, tkompli tistudja l-​Bibbja miegħi. Suzie ma kinitx sempliċement l-​għalliema tiegħi. Hi saret il-​ħabiba tal-​qalb tiegħi li jien inħobb ħafna.

Suzie għallmitni naqsam m’oħrajn dak li kont qed nitgħallem—kemm fil-​ministeru minn bieb għal bieb u kemm b’mod informali. Issa bdejt nifhem iktar bis-​sħiħ il-​kwalitajiet t’Alla. Madankollu, għalkemm kont mgħammda, kont għadni ma żviluppajtx imħabba profonda għal Alla. Darba minnhom, saħansitra ħsibt dwar li nieqaf inqim lil Ġeħova. Jien ftaħt qalbi maʼ Suzie u hi għenitni noħroġ minn din il-​problema serja.

Suzie għenitni nirrealizza wkoll li ħafna mid-​dwejjaq tiegħi kienu ġejjin minħabba li kont nagħmilha maʼ wħud li ma kellhomx imħabba qawwija għal Ġeħova. Għalhekk, jien bdejt nagħmel ħbieb maʼ nies maturi spiritwalment—speċjalment maʼ wħud akbar. Ukoll, ir-​relazzjoni m’ommi ma kinitx tajba; għalhekk, bdejt nerġaʼ nibni relazzjoni tajba magħha kif ukoll maʼ ħija. Jien kont sorpriża li bdejt inħoss tip taʼ ferħ li qatt ma ħassejt qabel. L-​aħwa spiritwali tiegħi, il-​familja tiegħi u, fuq kollox, Ġeħova saru għalija sors taʼ ferħ u saħħa.—Salm 28:7.

Karriera Ġdida

Wara li attendejt konvenzjoni li fiha smajt taħdita li enfasizzat il-​ferħ li jesperjenzaw ħafna Kristjani li jaqdu fil-​ministeru full-time, għedt lili nnifsi, ‘Anki jien nistaʼ nagħmel dan!’ M’għandniex xi ngħidu, irrealizzajt li dan kien se jkun diffiċli ħafna għalija biex nagħmlu. Imma wara li kkunsidrajt il-​kwistjoni bit-​talb, iddeċidejt li napplika biex insir għalliema tal-​Bibbja full-time, u f’April taʼ l-​1998 bdejt is-​servizz tiegħi bħala pijuniera.

Bil-kundizzjoni fiżika tiegħi, kif nieħu sehem fl-​attività taʼ l-​ippridkar? Jien minni indipendenti ħafna u nobgħod inkun taʼ piż għan-​nies, bħal li niddependi minnhom għat-​trasport u għal għajnuna oħra. Għalhekk, Suzie u żewġha Michael issuġġerewli soluzzjoni: Nixtri mutur! Imma jien kif stajt nirkeb mutur? Bħalma turi l-​istampa li hawn maʼ l-​artiklu, il-​mutur tiegħi hu magħmul apposta għalija. U lanqas biss għandi bżonn nerfaʼ l-​ġisem ċkejken tiegħi taʼ 19-il kilo ’l barra mis-​siġġu tar-​roti!

B’dan il-​mutur speċjali nħossni iktar indipendenti u dan jippermettili nżur in-​nies u nistudja l-​Bibbja magħhom f’ħinijiet tajbin għalihom u għalija. Irrid nammetti li nieħu pjaċir nirkeb il-​mutur tiegħi u nħoss ir-​riħ f’wiċċi—wieħed mill-​pjaċiri żgħar tal-​ħajja!

Nieħu pjaċir nibda konversazzjonijiet informali man-​nies fit-​toroq li fil-​biċċa l-​kbira, huma edukati u jirrispettawni. Nieħu pjaċir ngħin lil oħrajn jitgħallmu dwar il-​Bibbja. Inħobb insemmi okkażjoni waħda meta kont fil-​ministeru minn dar għal dar maʼ sieħeb twil. Hu sellem lill-​inkwilina li min-​naħa tagħha baqgħet tħares lejja bi stagħġib u mbagħad staqsiet lil sieħbi, “Hi tistaʼ titkellem?” It-​tnejn li aħna nfqajna nidħqu. Meta spiċċajt nippridkalha, il-​mara saret taf fiż-​żgur li jien verament stajt nitkellem!

Issa qed ingawdi l-​ħajja u tgħallimt inħobb lil Alla Ġeħova. Jien verament grata lejn ommi talli għallmitni l-​veritajiet tal-​Bibbja u b’fiduċja nħares ’il quddiem għall-​futur fil-​qrib meta Alla se ‘jagħmel kollox ġdid,’ inkluż il-​ġisem ċkejken tiegħi.—Rivelazzjoni 21:4, 5.

[Kumment f’paġna 13]

“Ipprovajt naċċetta l-​ħajja kif inhi. Minkejja dan, qabditni dipressjoni kbira.”