Grat Minkejja t-Traġedji—Kif il-Bibbja Għenitni Nkampa
Kif rakkontata minn Enrique Caravaca Acosta
Kien il-15 t’April, 1971. Kont sejjer inżur lil familti fir-razzett tal-familja tagħna. Peress li kont ili ’l bogħod mid-dar għal xi żmien, kont qed inħares ħafna ’l quddiem biex nara lil kulħadd. Ma kontx naf jekk kinux se jkunu kollha d-dar u lil min se nara l-ewwel. Malli wasalt, twaħħaxt meta sibt erbgħa min-nies—inkluż lil ommi—maqtulin!
TANT kont ixxokkjat li bilkemm stajt nitkellem. X’kien ġara? X’kelli nagħmel? Ma kien hemm ħadd hemmhekk, u ħassejtni mħawwad u bla għajnuna. Qabel ma nkompli bl-istorja, ħalli ngħidlek xi ftit dwar l-isfond tiegħi. Imbagħad tifhem aħjar kif ħassejtni dwar din it-traġedja u traġedji oħrajn f’ħajti.
Sibna l-Verità
Jien twilidt fi Quirimán, qrib Nicoya, Kosta Rika. Fl-1953, meta kelli 37 sena, kont ngħix mal-ġenituri tiegħi fir-razzett tal-familja tagħna. Għalkemm trabbejna bħala Kattoliċi, ma konniex kuntenti b’ċerti duttrini u kellna ħafna mistoqsijiet mhux imweġbin.
Għodwa waħda, raġel jismu Anatolio Alfaro ġie d-dar tagħna u inkuraġġiena nistudjaw il-Bibbja. Hu qasam magħna ħafna skritturi u tagħlim Bibliku. Jien, missieri, ommi, wieħed minn ħuti, oħti, u ħabiba tagħha li kienet qed toqgħod magħna, ilkoll qgħadna bilqiegħda u smajna. Id-diskussjoni damet il-jum kollu u anki sa tard billejl. Kellna ħafna mistoqsijiet.
Anatolio qagħad għandna l-lejl kollu u qattaʼ l-għada magħna. Tgħidx kemm ħadna pjaċir b’dak li smajna u konna saħansitra iktar eċċitati meta l-mistoqsijiet tagħna twieġbu direttament mill-Bibbja. Din id-diskussjoni kellha effett profond fuqna. Qgħadna naħsbu dwar dak li tgħallimna, u konna nafu li konna sibna l-verità. Anatolio ħallielna xi rivisti u kotba bbażati fuq il-Bibbja. Kull filgħaxija konna naqraw u nistudjaw dawn il-pubblikazzjonijiet flimkien bħala familja. Dan kien tassew taʼ sfida, għax ma kellniex dawl elettriku. Qabel ma konna npoġġu bilqiegħda biex nistudjaw, kull wieħed u waħda minna kien jieħu xkora kbira ħafna tal-patata biex jgħatti saqajh u riġlejh ħalli jipproteġihom min-nemus.
Sitt xhur wara, ħames membri mill-familja tiegħi, inkluż jien u l-ġenituri tiegħi, tgħammidna. B’eċċitament, aħna bdejna mmorru minn dar għal dar naqsmu m’oħrajn dak li konna tgħallimna. Ivvjaġġajna bil-mixi madwar sagħtejn u kultant irkibna ż-żwiemel lejn
belt jisimha Carrillo biex hemmhekk niltaqgħu maʼ grupp taʼ Xhieda taʼ Ġeħova. Anatolio baqaʼ jiġi d-dar tagħna biex jistudja l-Bibbja magħna. Imbagħad saru arranġamenti biex tinżamm laqgħa fid-dar tagħna li għaliha attendew xi tmienja min-nies. Eventwalment ilkoll tgħammdu. Dan il-grupp malajr kiber għal kongregazzjoni żgħira taʼ xi 20 ruħ.Nagħmel ix-Xogħol t’Alla Full-Time
Maż-żmien, l-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova f’Kosta Rika stieden lil dawk li setgħu biex jibdew ix-xogħol tal-evanġelizzar full-time. Fl-1957 aċċettajt din l-istedina u dħalt fil-ministeru full-time. Ix-xogħol kien eċċitanti, biex ngħid biss ftit. Spiss imxejt waħdi għal sigħat sħaħ biex immur għand in-nies fi nħawi rurali. Kultant in-nies ma kinux jilqgħuni. Niftakar minn tal-inqas tliet darbiet li ġejt mhedded minn irġiel bi skieken wesgħin u tqal f’idejhom, li riedu jkunu jafu min jien u x’kont qed nagħmel.
Għall-ħabta tal-1950, il-biċċa l-kbira mit-toroq kienu biss mogħdijiet fix-xagħri, u kien diffiċli ferm biex immorru għand in-nies. Sabiex naslu f’ċerti nħawi kellna mmorru rekbin fuq iż-żwiemel. Għaddejna minn ġox-xmajjar u kultant qattajna l-iljieli reqdin taħt il-kwiekeb. Il-ħajja kienet miżerabbli minħabba l-viżibilju taʼ nemus li kien hemm. Kellna wkoll noqogħdu attenti mis-sriep u l-kukkudrilli. Matul dan kollu, jien ħadt pjaċir ferm ngħin lin-nies jitgħallmu dwar Alla Ġeħova. Meta wasalt id-dar ħassejtni hieni u kuntent għaliex stajt naqsam il-verità tal-Bibbja m’oħrajn. Hekk kif għamilt ix-xogħol tiegħi u studjajt il-Bibbja kuljum, imħabbti għal Alla Ġeħova kompliet tikber u ħassejtni ferm eqreb lejh.
Maż-żmien ngħatawli iktar privileġġi. Għal iktar minn għaxar snin, jien qdejt bħala indokratur li jivvjaġġa, inżur u nsaħħaħ lill-kongregazzjonijiet, waħda differenti kull ġimgħa, fi nħawi partikulari. Għalkemm minħabba problemi taʼ saħħa kelli bżonn nitlaq dan il-privileġġ taʼ servizz, komplejt ingawdi l-ministeru u naqdi lil Alla full-time.
Tolqotni Traġedja
Imbagħad, meta kont f’Nicoya fl-1971, irritornajt biex inżur il-familja tiegħi. Hekk kif kont dieħel id-dar tagħna sibt lil ommi, li kellha 80 sena, mixħuta mal-art. Kienu sparawlha u ferewha b’daqqiet taʼ sikkina. Meta tbaxxejt biex inżommha kienet għadha qed tieħu n-nifs. Mumenti wara, hi mietet f’dirgħajja. Ħarist madwari, u fl-art fil-kċina kien hemm il-koka, li kellha tmien xhur tqala. Hi wkoll kienet mejta. U bħallikieku dan ma kienx biżżejjed, jien sibt ukoll membru tal-kongregazzjoni lokali stenduta fil-kuritur, u t-tifel tal-koka kien stendut fil-kamra tal-banju. Kollha kienu ġew feruti b’daqqiet taʼ sikkina u sparawlhom. Min setaʼ għamel ħaġa orribbli bħal din, u għala?
Meta ħriġt barra sibt lil missieri. Kienu sparawlu f’rasu imma kien għadu ħaj! Għaġġilt biex immur id-dar taʼ ħija, li kienet xi 15-il minuta ’l bogħod, u sirt naf li mara oħra u binha kienu ġew maqtulin ukoll. Kemm ħassejtni xxokkjat meta sirt naf li l-qattiel kien in-neputi tiegħi taʼ 17-il sena, li ma kienx wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova u li kien marid mentalment! Hu kien ħarab mill-post. B’hekk, bdiet l-akbar kaċċa għal bniedem kriminali fl-istorja taʼ Kosta Rika.
L-istorja ssemmiet fl-aħbarijiet nazzjonali. Wara sebat ijiem, il-pulizija sabet lill-qattiel, li kien armat b’sikkina kbira ħafna u b’pistola taʼ kalibru .22 li xi ħadd kien biegħlu minkejja li kien jaf li kien marid mentalment u emozzjonalment. Lin-neputi tiegħi sparawlu u qatluh hekk kif ipprovaw jaqbduh.
Matul il-kaċċa għall-bniedem kriminali, ħafna tawni l-parir li naħrab mill-post li ma jmurx in-neputi tiegħi jiġi lura biex jagħmilli l-ħsara. Jien tlabt dwar dan għaliex ħassejt li kelli bżonn noqgħod mal-membri tal-familja tiegħi li kienu għadhom ħajjin u maʼ dawk fil-kongregazzjoni. Għalhekk, bqajt hemmhekk.
Milqut Minn Traġedja Wara l-Oħra
B’sogħba, missieri miet wara sena. Is-sena taʼ wara, oħti, qaddejja leali t’Alla Ġeħova, inqatlet f’inċident separat u mhux relatat mal-oħrajn. Għal darb’oħra, qrabati kollha kienu xxokkjati għax tilfu membru ieħor tal-familja. Ma nistax niddeskrivi bil-kliem is-sentimenti taʼ telfien u swied il-qalb li esperjenzajna aħna u l-ħbieb tagħna. Matul din il-burraxka striħajt ħafna fuq Ġeħova u kontinwament tlabtu bil-qalb biex jagħtini s-saħħa.
Fl-1985 attendejt skola taʼ taħriġ għall-anzjani Kristjani li damet sejra tlett ijiem fil-belt kapitali, San José. Meta spiċċat l-iskola ħassejtni mibni spiritwalment. Kmieni t-Tnejn filgħodu tlaqt biex naqbad ix-xarabank u mmur id-dar. Hekk kif kont miexi lejn il-venda tal-karozzi tal-linja attakkawni nies taʼ qattagħni li fgawni u serquni. Dan kollu tant ġara bl-għaġla li ma stajtx naralhom wiċċhom. B’li għamluli ma stajtx nikkomunika kif is-soltu jikkomunikaw in-nies taʼ Kosta Rika. Hawnhekk fil-provinċja taʼ Guanacaste, l-irġiel iwerżqu jew jgħajtu meta jiltaqgħu u jsellmu lil xulxin jew biex sempliċement kulħadd ikun jaf li huma preżenti. Jien kont tajjeb biex ngħajjat, imma wara l-attakk, ma stajtx ngħajjat iktar.
Fl-1979 iżżewwiġt lil Celia, Xhud minn kongregazzjoni fil-qrib. Celia kienet tħobbha l-Bibbja. Kuljum konna naqraw u nistudjaw il-Bibbja flimkien. B’sogħba, hi mietet bil-kanċer f’Lulju 2001. Kultant inħossni waħdi, imma t-tama tal-irxoxt issaħħaħni.—Ġwanni 5:28, 29.
Ferħan Minkejja l-Provi
Għalkemm forsi esperjenzajt iktar ġrajjiet traġiċi f’ħajti milli esperjenzaw ħafna nies, jien inħares lejn dawn il-provi bħala opportunitajiet biex nagħti prova tal-fidi u l-lealtà tiegħi quddiem Ġeħova. (Ġakbu 1:13) Bħala għajnuna biex inżomm ħarsa bilanċjata lejn l-esperjenzi tiegħi, jien nibqaʼ nfakkar lili nnifsi li “ż-żmien u l-ġrajjiet mhux mistennijin” jiġu fuqna lkoll. (Ekkleżjasti 9:11) Niftakar ukoll li dawn huma “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom,” għax in-nies huma feroċi, vjolenti, u mingħajr rażan. (2 Timotju 3:1-5) Inżomm f’moħħi wkoll l-eżempju taʼ Ġob. Minkejja s-sofferenza kollha tiegħu—tilef il-familja, is-saħħa, u l-għajxien tiegħu—Ġob qal b’mod sod: “Ħa jkompli jkun imbierek isem Ġeħova.” U Ġeħova ppremja b’mod għani lil Ġob għall-integrità tiegħu. (Ġob 1:13-22; 42:12-15) Dawn il-ħsibijiet kollha mill-Bibbja jgħinuni nibqaʼ ferħan minkejja l-ħafna provi tiegħi.
Ġeħova dejjem għenni biex inkompli npoġġih l-ewwel f’ħajti. Il-qari tal-Bibbja kuljum hu sors taʼ faraġ kbir u tani s-saħħa biex nissaporti. Billi ndur lejn Ġeħova bit-talb nistaʼ ngawdi “l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb.” (Filippin 4:6, 7) Dan iġibli l-paċi tal-moħħ. L-attendenza għal-laqgħat Kristjani u l-parteċipazzjoni fihom isaħħuli l-fidi wkoll.—Ebrej 10:24, 25.
Għalkemm avanzat fl-età, jien grat lejn Ġeħova li għad għandi s-saħħa biex naħdem maʼ sħabi l-Kristjani, nistudja l-Bibbja m’oħrajn, u nieħu sehem fil-ministeru. Il-qadi tiegħi lil oħrajn b’dawn il-modi jagħtini l-qawwa biex inkampa mad-disprament. Minn qiegħ qalbi, jien grat verament lejn Ġeħova minkejja l-ħafna traġedji li kelli f’ħajti. a
[Nota taʼ taħt]
a Sentejn wara li ta r-rakkont t’hawn fuq, Enrique Caravaca Acosta miet fl-età taʼ 90 sena.
[Kumment f’paġna 20]
Il-qari tal-Bibbja kuljum hu sors taʼ faraġ kbir u tani s-saħħa biex nissaporti
[Stampa f’paġna 19]
L-isforz li għamilt fil-bidu biex nagħti taħdita Biblika
[Stampa f’paġna 20]
Fil-ministeru tal-għalqa meta kont iżgħar