Għallem lil Uliedek
Raħab Tat Widen għall-Aħbarijiet
EJJA nimmaġinaw li qegħdin daqs 3,500 sena ilu. Qegħdin fil-belt taʼ Ġeriko, fl-art taʼ Kangħan. F’din il-belt toqgħod tifla jisimha Raħab. Twieldet wara li Mosè ħareġ lill-Israelin mill-jasar tal-Eġittu u mbagħad għaddiehom mill-Baħar l-Aħmar fuq art niexfa! La hemm radjijiet, la televixins, u lanqas Internet, imma Raħab taf b’dan il-miraklu—avolja ġara ħafna ’l bogħod minn fejn toqgħod hi. Taf kif saret taf bih?— a
Bla dubju, il-vjaġġaturi rrakkontaw l-istorja dwar dawn il-mirakli. Hi u tikber, Raħab tiftakar x’għamel Ġeħova għall-poplu tiegħu. Imbagħad tismaʼ affarijiet oħrajn tal-għaġeb dwar l-Israelin. Wara 40 sena fid-deżert, huma daħlu f’Kangħan, u Alla kien qed jgħinhom jirbħu lil kull min kien jopponihom. Issa Raħab tismaʼ li l-Israelin qegħdin ikkampjati eżatt in-naħa l-oħra tax-Xmara Ġordan minn Ġeriko!
Lejla waħda, żewġ stranġieri jiġu għand Raħab għaliex jafu li hi taħdem f’post fejn jistgħu joqogħdu l-viżitaturi. Għalhekk, iddaħħalhom ġewwa. Matul il-lejl, is-sultan taʼ Ġeriko jsir jaf li xi spiji Israelin ġew f’Ġeriko u li dawn marru fid-dar fejn taħdem Raħab. Għalhekk, is-sultan jibgħat xi messaġġiera għand Raħab u jgħidulha toħroġ lill-irġiel li ġew għandha. Taf int x’saret taf diġà Raħab u x’għamlet dwar dan?—
Mela, saħansitra qabel waslu l-messaġġiera tas-sultan, Raħab saret taf li dawk li żaruha huma spiji Israelin. Għalhekk, ħbiethom fuq il-bejt, u issa tgħid lill-messaġġiera tas-sultan: “Iva, l-irġiel tassew ġew għandi . . . U meta mad-dlam ngħalaq il-bieb, l-irġiel ħarġu.” Raħab tħeġġiġhom: “Iġru warajhom.”
Għala taħseb li Raħab ipproteġiet lill-ispiji?—Hi tispjega għaliex, filwaqt li tgħidilhom: “Jien tassew naf li Ġeħova se jagħtikom l-art . . . Għax aħna smajna kif Ġeħova nixxef l-ilmijiet tal-Baħar l-Aħmar minn quddiemkom meta ħriġtu mill-Eġittu.” Hi semgħet ukoll dwar rebħiet oħrajn li Alla kien ta lil Israel fuq l-għedewwa tagħhom.
Żgur li Ġeħova ħa pjaċir li Raħab ipproteġiet lill-ispiji, bħalma tgħidilna l-Bibbja f’Ebrej 11:31. Hu ħa pjaċir ukoll meta talbet bil-ħniena lill-ispiji: ‘Jien kont qalbi tajba magħkom; għalhekk wegħduni, jekk jogħġobkom, li meta Ġeriko tintrebaħ intom issalvaw lil missieri u lil ommi u lil ħuti s-subien u l-bniet.’ L-ispiji jwiegħdu li jagħmlu dan jekk Raħab kienet se ssegwi l-istruzzjonijiet tagħhom. Taf x’inhuma dawn?—
‘Ħu din il-qafla ħamra u orbotha mat-tieqa tiegħek,’ jgħidu l-ispiji, ‘u iġbor lil qrabatek kollha miegħek fid-dar tiegħek. Jekk tobdi, kull min ikun hemm miegħek ikun salv.’ Raħab tagħmel eżatt kif jgħidulha l-ispiji. Taf x’jiġri mbagħad?—
L-ispiji jaslu barra l-ħitan taʼ Ġeriko. Għal sitt ijiem jimmarċjaw darba kuljum madwar il-belt fis-skiet. Fis-sebaʼ jum, huma jduru sebaʼ darbiet u mbagħad jgħajtu għajta kbira. Il-ħajt jaqaʼ—ħlief fejn hemm il-qafla ħamra mdendla mat-tieqa! Raħab u l-familja tagħha huma salvi.—Ġożwè 2:1-24; 6:1-5, 14, 15, 20-25.
X’nistgħu nitgħallmu minn dak li għamlet Raħab?—Hi mhux biss tat widen għall-aħbarijiet dwar dak li kien qed jagħmel Alla biex jipproteġi lin-nies tiegħu imma wkoll għenithom meta kellha l-opportunità. Iva, Raħab għażlet li taqdi lil Ġeħova mal-poplu tiegħu! Se tagħmel l-istess int?—Aħna nitolbu li iva.
a Jekk qed taqra mat-tfal, is-sinjal wara s-sentenza jservi taʼ tfakkira biex tieqaf u tidderiġilhom il-mistoqsija.