Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Reliġjon Tajba Tippromwovi Mħabba Bejn l-Aħwa

Reliġjon Tajba Tippromwovi Mħabba Bejn l-Aħwa

“MIN ma jħobbx ma għarafx ’l Alla, għax Alla hu mħabba,” tistqarr il-Bibbja. (1 Ġwann 4:8, Saydon) Għalhekk, reliġjon tajba għandha tippromwovi l-imħabba bejn l-aħwa.

Ħafna reliġjonijiet jagħmlu xogħol taʼ min jammirah billi jieħdu ħsieb il-morda, ix-xjuħ, u l-foqra. Huma jinkuraġġixxu lill-membri tagħhom biex japplikaw il-parir tal-appostlu Ġwanni, li kiteb: “Jekk wieħed għandu biex jgħix fid-dinja u jara ’l ħuh fil-bżonn u jagħlaq qalbu għalih, kif tistaʼ l-imħabba taʼ Alla tgħammar fih? Uliedi, ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma bl-għemil u bis-sewwa.”—1 Ġwanni 3:17, 18, Għaqda Biblika Maltija.

Iżda, x’jiġri meta l-ġnus jiggwerraw? Għandu l-kmand t’Alla biex ‘tħobb il-proxxmu tiegħek bħalek innifsek’ jiġi applikat fi żminijiet taʼ paċi imma sospiż meta xi politikant jew xi re jagħżel li jiġġieled kontra xi ġens li hu ġar?—Mattew 22:39, Karm Żammit.

Ġesù qal: “Minn dan jagħrafkom kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk għandkom l-imħabba lejn xulxin.” (Ġwanni 13:35, Saydon) Hekk kif twieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin, staqsi lilek innifsek, ‘Il-membri taʼ din ir-reliġjon juru mħabba lejn kulħadd f’kull żmien mhux biss bil-kliem imma wkoll bl-għemil?’

SUĠĠETT: Gwerra.

DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA:

Ġesù kkmanda lid-dixxipli tiegħu: “Ngħidilkom, ħobbu lill-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil dawk li jobogħdukom.”—Mattew 5:44, New Catholic Edition of the Holy Bible.

Meta s-suldati marru jarrestaw lil Ġesù, l-appostlu Pietru ħareġ arma biex jiddefendih. Madankollu, Ġesù qallu: “Erġaʼ daħħal sejfek f’postu għax kulmin jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered.”—Mattew 26:52, Għaqda Biblika Maltija.

L-appostlu Ġwanni kiteb: “B’dan jidhru min huma wlied Alla u min huma wlied ix-Xitan; għax min ma jagħmilx il-ġustizzja m’huwiex minn Alla, anqas min ma jħobbx lil ħuh. Għax l-aħbar li smajtu sa mill-bidu hija din: li nħobbu lil xulxin. Mhux bħal Kajin, li kien mill-Ħażin u qatel lil ħuh.”—1 Ġwanni 3:10-12, Għaqda Biblika Maltija.

MISTOQSIJA:

Tinkuraġġixxi din ir-reliġjon lill-membri tagħha biex jieħdu sehem fil-gwerer?

SUĠĠETT: Politika.

DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA:

Wara li kienu raw b’għajnejhom l-abbiltà taʼ Ġesù li jagħmel il-mirakli, xi wħud riduh jinvolvi ruħu fil-politika lokali. Kif irreaġixxa? “Ġesù, meta ntebaħ li kienu ġejjin biex jeħduh bilfors ħalli jagħmluh sultan, raġaʼ warrab waħdu lejn l-għoljiet.”—Ġwanni 6:15, Għaqda Biblika Maltija.

Meta Ġesù ġie arrestat u akkużat b’mod falz li kien xewwiexi politiku, hu wieġeb: “Is-saltna tiegħi mhix taʼ did-dinja: kieku taʼ did-dinja kienet is-saltna tiegħi, il-qaddejja tiegħi kienu jissieltu, biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud: imma s-saltna tiegħi mhix taʼ hawn.”—Ġwanni 18:36, Karm Żammit.

Meta talab lil Alla dwar id-dixxipli, Ġesù qal: “Jiena tajthom il-kelma tiegħek, u d-dinja bagħdithom, għaliex huma m’humiex tad-dinja, kif jiena m’iniex tad-dinja.”—Ġwanni 17:14, Għaqda Biblika Maltija.

MISTOQSIJA:

Issegwi din ir-reliġjon l-eżempju taʼ Ġesù u tevita li tinvolvi ruħha fil-politika, anki jekk dan ifisser li l-membri tagħha jkunu mibgħudin minn xi politikanti?

SUĠĠETT: Preġudizzju.

DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA:

Meta l-ewwel uħud li ma kinux Lhud u li ma kinux ċirkonċiżi saru Kristjani, l-appostlu Pietru rrimarka: “Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd: imma f’kull ġens, dak li għandu l-biżaʼ tiegħu, u jagħmel is-sewwa, hu milqugħ minnu.”—Atti 10:34, 35, Karm Żammit.

Meta kiteb lill-Kristjani tal-ewwel seklu, Ġakbu qalilhom: “Ħuti, tħalltux il-fidi f’Ġesù Kristu, il-Mulej tagħna tal-glorja, mal-ħarsien lejn l-uċuħ. Għax jekk fil-laqgħat tagħkom jidħol xi ħadd biċ-ċrieket tad-deheb f’subgħajh u bi lbies ilellex, mbagħad jidħol xi ħaddieħor fqir liebes imċerċer, u intom idduru maʼ dak bl-ilbies ilellex u tgħidulu: ‘Int oqgħod komdu bilqiegħda’ waqt li lill-fqir tgħidulu: ‘Int oqgħod bil-wieqfa’, jew ‘Oqgħod bilqiegħda fuq il-mirfes taʼ riġlejja’, ma jidhrilkomx li tkunu qegħdin tagħmlu għażla bejniethom, u hekk issiru mħallfin qarrieqa?”—Ġakbu 2:1-4, Għaqda Biblika Maltija.

MISTOQSIJA:

Tgħallem din ir-reliġjon li n-nies kollha huma ugwali mill-ħarsa t’Alla u li l-membri tar-reliġjon m’għandhomx jiddiskriminaw kontra xi ħadd fuq il-bażi taʼ razza jew sitwazzjoni finanzjarja?