Ġesù u Missieru b’Liema Mod Huma Ħaġa Waħda?
Il-Qarrejja Tagħna Jistaqsu
Ġesù u Missieru b’Liema Mod Huma Ħaġa Waħda?
“Jien u l-Missier ħaġa waħda,” qal Ġesù. (Ġwanni 10:30) Xi wħud jikkwotaw dan il-vers biex juru li Ġesù u Missieru huma żewġ persuni mit-Trinità. Hekk ried ifisser Ġesù b’dan il-kliem?
Ejja nagħtu daqqa taʼ għajn lejn il-kuntest. Fil-vers 25, Ġesù qal li hu għamel għemejjel f’isem Missieru. Minn vers 27 sa 29 tkellem dwar nagħaġ simboliċi li kienu ngħatawlu minn Missieru. Iż-żewġ stqarrijiet minn Ġesù ma tantx kienu jagħmlu sens għas-semmiegħa tiegħu li kieku hu u Missieru kienu l-istess persuna. Minflok, Ġesù ried ifisser, ‘Jien u Missieri tant aħna magħqudin flimkien li ħadd ma jistaʼ jiħodli n-nagħaġ, sewwasew bħalma ħadd ma jistaʼ jiħodhom mingħand Missieri.’ Dan jistaʼ jitqabbel maʼ iben li qed jgħid lill-għadu taʼ missieru, ‘Jekk tattakka lil missieri, tattakka lili.’ Ħadd ma kien se jikkonkludi li dan l-iben u missieru kienu l-istess persuna. Imma kulħadd setaʼ jara r-rabta b’saħħitha taʼ unita li għandhom bejniethom.
Ġesù u Missieru, Alla Ġeħova, huma wkoll “ħaġa waħda” fis-sens li huma jaqblu għalkollox f’dawk li huma intenzjonijiet, livelli, u valuri. B’kuntrast maʼ Satana x-Xitan u l-ewwel koppja umana, Adam u Eva, Ġesù qatt ma ried ikun indipendenti minn Alla. “L-Iben ma jistaʼ jagħmel xejn minn rajh, imma jagħmel biss dak li jara lill-Missier jagħmel,” spjega Ġesù. “Għax kulma jagħmel il-Missier, jagħmlu wkoll l-Iben bl-istess mod.”—Ġwanni 5:19; 14:10; 17:8.
Madankollu, din ir-rabta b’saħħitha taʼ unità ma tfissirx li Alla u Ibnu, Ġesù, ma jintgħarfux minn xulxin. Huma żewġ individwi. Kull wieħed minnhom għandu l-personalità distinta tiegħu. Ġesù għandu s-sentimenti, il-ħsibijiet, l-esperjenzi, u l-libertà tal-għażla tiegħu stess. Minkejja dan, hu għażel li jissottometti ruħu għar-rieda taʼ Missieru. Skont Luqa 22:42, Ġesù qal: “Ħa sseħħ ir-rieda tiegħek u mhux tiegħi.” Dan il-kliem ma kien ifisser xejn li kieku r-rieda tiegħu ma setgħetx tkun differenti minn dik taʼ Missieru. Jekk Ġesù u Missieru kienu tassew persuna waħda, Ġesù għala talab lil Alla u ammetta umilment li ma kienx jaf xi affarijiet li Missieru biss kien jafhom?—Mattew 24:36.
Membri taʼ ħafna reliġjonijiet iqimu lil allat li jiġu deskritti bħala li qed jillitikaw u jiġġieldu mal-membri tal-familja tagħhom stess. Pereżempju, fil-mitoloġija Griega, Kronus għeleb lil missieru, Uranju, u belaʼ lil uliedu stess. Kemm hu differenti dan mill-għaqda bbażata fuq l-imħabba vera bejn Alla Ġeħova u Ibnu, Ġesù! U kemm tagħmilhom għeżież għalina din l-unità! Fil-fatt, aħna għandna l-privileġġ li ma jitqabbel maʼ xejn li qegħdin f’unjoni maʼ dawn iż-żewġ Persuni li huma l-ogħla fl-univers kollu. Dwar is-segwaċi tiegħu, Ġesù talab: ‘Nitlob ħalli jkunu lkoll ħaġa waħda, sabiex bħalma int, Missier, f’unjoni miegħi u jien f’unjoni miegħek, huma wkoll ikunu f’unjoni magħna.’—Ġwanni 17:20, 21.
B’hekk, meta Ġesù qal, “Jien u l-Missier ħaġa waħda,” ma kienx qed jitkellem dwar xi Trinità misterjuża, imma dwar unità meraviljuża—l-iktar rabta mill-qrib possibbli bejn żewġ persuni.