Imorru Flimkien il-Gwerra u l-Kristjanità?
Imorru Flimkien il-Gwerra u l-Kristjanità?
“Skont liema livell morali tistaʼ l-gwerra titqies bħala att kriminali jew dnub? Hawn tassew hawn it-taħbil tal-moħħ.”—Oliver O’Donovan, professur tal-etika kristjana
PITTURA li ssemmiet Sacrifice (Sagrifiċċju), imqanqla mill-Ewwel Gwerra Dinjija u li tistaʼ taraha fil-Mużew tal-Gwerra fil-Kanada, turi suldati maqtulin, uħud li salvaw imkiddin bil-gwerra, u l-familji tagħhom lura f’pajjiżhom. F’din ix-xena fin-naħa taʼ fuq jidher Ġesù Kristu mdendel fuq salib. Xi wħud li jaraw il-pittura jinħasdu meta jaraw lil Ġesù, il-“Prinċep tal-Paċi,” impitter maʼ xeni taʼ gwerra. (Isaija 9:6) Oħrajn, grati għas-sagrifiċċji li saru min-nies taʼ pajjiżhom, iħossu li Alla u Ibnu jistennew li l-Kristjani għandhom jiġġieldu fi gwerer li jipproteġu s-sigurtà u l-ħelsien tal-ġens tagħhom.
Il-mexxejja reliġjużi ilhom ixerrdu messaġġ favur il-gwerra għal sekli sħaħ. Fis-sena 417 E.K., it-teologu tal-knisja Wistin kiteb: “M’għandkomx taħsbu li min jaqdi bħala suldat u juża l-armi fil-gwerra mhuwiex aċċettabbli għal Alla. . . . Oħrajn qed jiġġieldu kontra għedewwa inviżibbli għan-nom tagħkom permezz tat-talb, waqt li intom tissieltu kontra slavaġ viżibbli għan-nom tagħhom billi tiġġieldu.” Fis-seklu 13, Tumas Akwina spjega li “l-gwerer huma aċċettabbli u ġusti sakemm dawn jipproteġu l-foqra u l-ġens kollu mill-qerq tal-għadu.”
X’taħseb? Meta tinbeda azzjoni militari għal raġuni li tidher ġusta, bħal li jiddefendu l-libertà tal-pajjiż jew biex jinħelsu l-maħqurin, ikollha din il-barka t’Alla? Il-Kristjani fejn jistgħu jfittxu biex isibu “livell morali” li jgħinhom jagħrfu x’inhi r-rieda t’Alla dwar il-kwistjoni?
L-Eżempju taʼ Ġesù Kristu
Huwa possibbli nkunu nafu x’jaħseb Alla dwar kwistjoni komplikata bħall-gwerer moderni? L-appostlu Pawlu għaraf din id-diffikultà billi staqsa: “‘Min sar jaf moħħ Ġeħova biex ikun jistaʼ jgħallmu?ʼ Imma aħna għandna l-moħħ taʼ Kristu.” (1 Korintin 2:16) Biex jgħinna, Alla Ġeħova bagħat lil Ġesù fuq l-art bħala x-Xempju tagħna. Dak li qal u għamel Ġesù rrifletta l-ħsibijiet u l-mogħdijiet taʼ Ġeħova stess. Allura, x’qal Ġesù dwar il-gwerer? Liema waqfa ħa dwarhom?
Xi wħud forsi jaħsbu li l-iktar raġuni taʼ min jiġġieled għaliha hi biex jiġi protett Ġesù Kristu. Wieħed mill-appostli tiegħu hekk ħaseb. Meta Ġesù ġie tradut u arrestat minn folla armata f’nofs taʼ lejl, sieħbu Pietru “ħareġ idu, silet is-sejf, u darab lill-ilsir tal-qassis il-kbir u qatagħlu widintu.” Kellu raġun Pietru jiddefendi lil Ġesù permezz taʼ arma? Ġesù Mattew 26:47-52.
qal lil Pietru: “Erġaʼ daħħal sejfek f’postu, għax kulmin jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered.”—Ma tantx nissorprendu ruħna bir-reazzjoni taʼ Ġesù. Sentejn qabel hu qal: “Smajtu li ntqal, ‘Ħobb lill-proxxmu tiegħek u obgħod lill-għadu tiegħek.’ Madankollu, jien ngħidilkom: Komplu ħobbu lill-għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li qed jippersegwitawkom; sabiex turu li intom ulied Missierkom li hu fis-smewwiet, għax hu jtellaʼ x-xemx tiegħu fuq il-ħżiena u fuq it-tajbin u jniżżel ix-xita fuq in-nies sewwa u fuq dawk li m’humiex.” (Mattew 5:43-45) Huwa raġunevoli li naħsbu li Kristjan jistaʼ jħobb lill-għedewwa tiegħu u jitlob għalihom waqt li jiggwerra kontrihom?
L-istorja turi li l-Kristjani kellhom ħafna għedewwa. Pereżempju, ir-Rumani kkundannaw lil Ġesù Kristu u qatluh. Ftit wara, anki li wieħed jgħid li hu Kristjan sar meqjus bħala piena kapitali, li twassal għall-mewt. Ġesù għaraf li l-Kristjani x’aktarx jitħajru jużaw l-armi u jirvellaw kontra l-moħqrija tar-Rumani, bħalma kienu għamlu xi Lhud. Għalhekk, hu qal dwar is-segwaċi tiegħu: “M’humiex parti mid-dinja, bħalma jien m’iniex parti mid-dinja.” (Ġwanni 17:16) Il-Kristjani għażlu li jibqgħu newtrali fejn tidħol il-politika. Ebda inġustizzja jew theddid li jsir lilhom jew lill-pajjiż fejn kienu jgħixu ma kien jiġġustifika s-sehem tagħhom f’azzjoni militari.
Uħud li Appoġġaw is-Saltna t’Alla
Kristjani ġenwini appoġġaw dak li xtaq Ġesù u baqgħu newtrali. Ara x’ġara f’Ikonju, belt antika fl-Asja Minuri. “Meta kien hemm attentat vjolenti min-naħa tan-nies tal-ġnus u min-naħa tal-Lhud mal-ħakkiema tagħhom biex jinsultawhom u jħaġġruhom [lil Pawlu u Barnaba], huma ġew mgħarrfin b’dan u ħarbu lejn il-bliet taʼ Listra u Derbe, fil-Likaonja, u l-art taʼ madwar; u hemmhekk komplew ixandru l-aħbar tajba.” (Atti 14:5-7) Innota li meta ffaċċjaw oppożizzjoni vjolenti, il-Kristjani ma qabdux l-armi biex jiddefendu lilhom infushom, u lanqas ma ġġieldu lura. Minflok, komplew jippritkaw “l-aħbar tajba.” Liema aħbar tajba ppritkaw?
Il-Kristjani ppritkaw l-istess messaġġ li Ġesù pprietka. Hu qal: “Irrid inxandar l-aħbar tajba Luqa 4:43) Ġesù u s-segwaċi tiegħu appoġġaw is-Saltna t’Alla. Kristu qatt ma uża xi forza militari nazzjonali biex jiddefendi din is-Saltna. Hu qal: “Is-saltna tiegħi mhix parti minn din id-dinja. Kieku s-saltna tiegħi kienet parti minn din id-dinja, il-qaddejja tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud. Imma, tabilħaqq, is-saltna tiegħi mhix ġejja minn hawn.”—Ġwanni 18:36.
tas-saltna t’Alla.” (“Ikollkom l-Imħabba Bejnietkom”
In-newtralità matul żmien taʼ gwerra hija karatteristika tal-qima vera. Ġesù qal: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwanni 13:35) Miljuni taʼ nies ferħu li sabu grupp li juri mħabba bħal din, saħansitra meta l-fatt li rrifjutaw li jmorru għall-gwerra ġab twaqqigħ għaċ-ċajt, tfigħ fil-ħabs, jew mewt.
Fil-parti tal-Ewropa okkupata min-Nazi, l-uffiċjali tefgħu fil-ħabs xi 10,000 Xhud taʼ Ġeħova minħabba n-newtralità Kristjana tagħhom, fosthom xi 3,000 Xhud li ntbagħtu fil-kampijiet tal-konċentrament. Sadanittant, fl-istess żmien, ’il fuq minn 4,300 Xhud fl-Istati Uniti ntefgħu l-ħabs talli rrifjutaw li jaqdu fil-militar. La Xhieda Ġermaniżi u lanqas Xhieda Amerikani ma marru għall-gwerra u ġġieldu kontra ħuthom il-Kristjani jew kontra xi ħadd ieħor. Kif setgħu jagħmlu dan u fl-istess ħin jistqarru li għandhom l-imħabba bejniethom u l-imħabba għal sħabhom il-bnedmin?
Ħafna nies iħossu li l-azzjoni militari hija meħtieġa biex wieħed jiddefendi lilu nnifsu. Imma aħseb ftit: Għalkemm il-Kristjani tal-ewwel seklu ġew persegwitati b’moħqrija u rrifjutaw li jiġġieldu lura, huma baqgħu ħajjin. L-Imperu Ruman b’saħħtu ma kienx kapaċi jeqred il-Kristjanità. Il-Kristjani veri jkomplu jiffjorixxu anki llum u jkomplu jieħdu waqfa newtrali. Minflok ma jiġġieldu lura, huma b’fiduċja jistrieħu fuq Alla għall-għajnuna. Il-Kelma tiegħu, il-Bibbja, tgħid: “Maħbubin, tivvendikawx ruħkom, imma agħmlu l-wisaʼ għall-korla; għax hu miktub: ‘Il-vendetta hi tiegħi; jien inħallas, jgħid Ġeħova.’”—Rumani 12:19.
[Kaxxa f’paġna 30]
GWERER LI ALLA BIEREK
Israel tal-qedem, ġens magħżul b’mod uniku minn Alla sekli qabel ma ġiet stabbilita l-Kristjanità, kien kultant awtorizzat biex jiġbor armata u jiggwerra. Qabel ma daħal f’Kangħan, l-art li Alla kien wiegħed lil Abraham, lill-ġens taʼ Israel intqallu: “Ġeħova Alla tiegħek se jerħi [sebat iġnus] f’idejk u int tegħlibhom. Qis li teqridhom. Tagħmel ebda patt magħhom u lanqas tħenn għalihom.” (Dewteronomju 7:1, 2) B’hekk, il-ġeneral Israeli Ġożwè għeleb dawk il-ġnus li kienu għedewwa “bħalma kien ikkmanda Ġeħova l-Alla taʼ Israel.”—Ġożwè 10:40.
Kienet din rebħa bla qalb li permezz tagħha Israel b’regħba ħataf taħt idejh pajjiżi barranin? Dażgur li le! Dawn il-ġnus saru mimlijin idolatrija, tixrid taʼ demm, u prattiki sesswali baxxi. Saħansitra tfal ġew maħruqin bħala sagrifiċċji! (Numri 33:52; Ġeremija 7:31) Il-qdusija, il-ġustizzja, u l-imħabba t’Alla għall-poplu tiegħu qanqluh ineħħi kull nuqqas taʼ ndafa mill-art. Xorta waħda, Ġeħova għarbel qalb kulħadd—xi ħaġa li ebda kmandant militari ma jistaʼ jagħmilha llum—u ħeles lil dawk li kienu lesti jabbandunaw l-għemejjel mill-agħar tagħhom u jaqduh.
[Stampa f’paġna 31]
Stenna Ġesù li s-segwaċi tiegħu għandhom jiġġieldu biex jiddefendu lilu jew lil Kristjani sħabhom?
[Stampa f’paġna 31]
Grupp taʼ Xhieda taʼ Ġeħova wara li nħelsu mill-kamp tal-konċentrament taʼ Buchenwald fl-1945