Huwa Ġesù l-Arkanġlu Mikiel?
Il-Qarrejja Tagħna Jistaqsu . . .
Huwa Ġesù l-Arkanġlu Mikiel?
▪ Fi kliem sempliċi, it-tweġiba hi iva. Id-drawwa li dak li jkun jissejjaħ b’iktar minn isem wieħed hi komuni f’ħafna kulturi. Huwa l-istess b’xi ismijiet fil-Bibbja. Pereżempju, il-patrijarka Ġakobb hu msejjaħ ukoll Israel. (Ġenesi 35:10) L-appostlu Pietru hu msejjaħ b’ħames modi differenti—Simgħon, Xmun, Pietru, Kefa, u Xmun Pietru. (Mattew 10:2; 16:16; Ġwanni 1:42; Atti 15:7, 14) Kif nistgħu nkunu żguri li Mikiel hu isem ieħor għal Ġesù? Ikkunsidra l-evidenza Skritturali li ġejja.
Il-Bibbja fiha ħames referenzi għall-ħlejqa spirtu setgħana Mikiel. Tlieta minnhom qegħdin fil-ktieb taʼ Danjel. F’Danjel 10:13, 21 naqraw li anġlu li kien intbagħat fuq inkarigu ġie salvat minn Mikiel, li hu msejjaħ “wieħed mill-prinċpijiet ewlenin” u “l-prinċep tagħkom.” Imbagħad, f’Danjel 12:1, nitgħallmu li fi żmien it-tmiem, “iqum Mikiel, il-prinċep il-kbir li jinsab wieqaf għan-nom taʼ wlied il-poplu tiegħek.”
Mikiel jerġaʼ jissemma f’Rivelazzjoni 12:7, li jiddeskrivi lil “Mikiel u l-anġli tiegħu” bħala li qed jiġġieldu gwerra vitali li twassal biex jitneħħew mis-sema Satana x-Xitan u l-anġli mill-agħar tiegħu.
Innota li f’kull każ li ssemma hawn fuq, Mikiel hu deskritt bħala anġlu gwerrier li qed jiġġieled għall-poplu t’Alla u jipproteġih, u saħansitra jiffaċċja lil Satana, l-akbar għadu taʼ Ġeħova.
Ġuda vers 9 jsejjaħ lil Mikiel bħala “l-arkanġlu.” Il-prefiss “ark” ifisser “prinċipali” jew “ewlieni,” u l-kelma “arkanġlu” fil-Bibbja qatt ma tintuża fil-plural. L-uniku vers ieħor li fih jissemma arkanġlu hu fl-1 Tessalonikin 4:16, fejn Pawlu jiddeskrivi lil Ġesù rxoxtat, billi jgħid: “Il-Mulej [Ġesù] stess jinżel mis-sema b’sejħa taʼ kmand, b’leħen t’arkanġlu u bit-trumbetta t’Alla.” Għalhekk, hawnhekk Ġesù Kristu nnifsu hu identifikat bħala l-arkanġlu, jew l-anġlu ewlieni.
Meta nqisu dak li għadna kif rajna, x’nistgħu nikkonkludu? Ġesù Kristu hu Mikiel l-arkanġlu. Iż-żewġ ismijiet—Mikiel (li jfisser “Min Hu Bħal Alla?”) u Ġesù (li jfisser “Ġeħova Hu Salvazzjoni”)—jiffokaw l-attenzjoni fuq l-irwol tiegħu bħala l-mexxej ewlieni li jiddefendi s-sovranità t’Alla. Filippin 2:9 jgħid: “Alla eżaltah [lil Ġesù glorifikat] għal pożizzjoni superjuri u b’qalb tajba tah l-isem li hu fuq kull isem ieħor.”
Huwa importanti li tinnota li t-twelid uman taʼ Ġesù ma kienx il-bidu taʼ ħajtu. Qabel ma twieled Ġesù, anġlu żar lil Marija u qalilha li kienet se tnissel iben permezz tal-ispirtu qaddis, u li lit-tifel kellha ssemmih Ġesù. (Luqa 1:31) Matul il-ministeru tiegħu, Ġesù spiss tkellem dwar l-eżistenza preumana tiegħu.—Ġwanni 3:13; 8:23, 58.
Għalhekk, Mikiel l-arkanġlu hu Ġesù fl-eżistenza preumana tiegħu. Wara li ġie rxoxtat u rritorna fis-sema, Ġesù reġaʼ ħa l-pożizzjoni tiegħu bħala Mikiel, l-anġlu ewlieni, “għall-glorja t’Alla l-Missier.”—Filippin 2:11.