Kont Taf?
Kien Ġesù jiġi minn xi ħadd mit-tnax-il appostlu tiegħu?
▪ L-Iskrittura ma tagħtix tweġiba definittiva għal din il-mistoqsija. Madankollu, it-tradizzjoni u ċerta evidenza jindikaw li mid-dehra xi wħud mit-12-il appostlu kienu jiġu minn Ġesù.
Il-kittieba tal-Evanġelju jagħtu l-ismijiet tan-nisa li kienu preżenti meta Ġesù kien qed imut fuq iz-zokk tat-tortura. Ġwanni 19:25 jidentifika erbgħa minnhom: “Ommu [Marija] u oħt ommu; Marija mart Klofa, u Marija l-Maddalena.” Meta nqabblu dan il-vers mad-deskrizzjonijiet tal-istess xena li taw Mattew u Marku nistgħu naslu għall-konklużjoni li oħt omm Ġesù kienet Salomè. U milli jidher din Salomè, kienet omm ulied Żebedew. (Mattew 27:55, 56; Marku 15:40) Uliedha, li xi mkien ieħor ġew identifikati bħala Ġakbu u Ġwanni, b’hekk jiġu l-primi kuġini taʼ Ġesù. Lil dawn iż-żewġt aħwa, li kienu sajjieda, Ġesù sejħilhom biex ikunu dixxipli tiegħu.—Mattew 4:21, 22.
Skont tradizzjoni bbażata fuq informazzjoni li mhijiex Biblika, Klofa, jew Alfew, ir-raġel taʼ waħda min-nisa msemmijin fi Ġwanni 19:25, kien ħu Ġużeppi, il-missier adottiv taʼ Ġesù. Jekk din it-tradizzjoni hija bbażata fuq il-fatti, allura anki Ġakbu bin Alfew, appostlu ieħor mit-tnax, kien il-kuġin taʼ Ġesù.—Mattew 10:3.
Ġesù u Ġwanni l-Għammied kif kienu jiġu minn xulxin?
▪ Xi wħud jemmnu li dawn iż-żewġt irġiel kienu sekondi kuġini. Dan it-twemmin hu bbażat fuq traduzzjoni mhix eżatta taʼ Luqa 1:36. Pereżempju, f’dan il-vers, il-Bibbja tal-King James Version tgħid li Eliżabetta, omm Ġwanni, u Marija, omm Ġesù, kienu kuġini.
Iżda, fir-realtà, il-kelma bil-Grieg oriġinali użata f’dan il-vers mhijiex daqstant speċifika. Din tindika sempliċement li ż-żewġ nisa kienu jiġu minn xulxin, u mhux neċessarjament li kienu kuġini. Bħalma jgħid The Interpreter’s Dictionary of the Bible, “it-terminu hu ġenerali wisq biex ikun jistaʼ jgħinna niddeterminaw kif jiġu eżatt minn xulxin.” Allura, minn fejn ġiet l-idea li Ġesù u Ġwanni kienu kuġini? The Catholic Encyclopedia twieġeb: “L-informazzjoni kollha li għandna dwar . . . il-ġenituri taʼ Marija . . . hi meħuda minn letteratura apokrifa.”
B’hekk, Ġesù u Ġwanni x’aktarx kienu jiġu minn xulxin mill-bogħod, għalkemm mhux neċessarjament kienu sekondi kuġini.