Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet
TFAJLA li kienet isservi f’bar, li kienet tidgħi, tisker, u tieħu d-drogi, kif irnexxielha tbiddel ħajjitha? Wieħed li qabel kien politikant u li kien jobgħod ir-reliġjon għala sar ministru t’Alla? Liema sfidi kellu jegħleb għalliem tal-kumbattiment fil-korp tal-pulizija Russa biex isir wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova? Aqra x’għandhom x’jgħidu dawn l-individwi.
“Jien u Ommi Rġajna Għandna Relazzjoni Tajba maʼ Xulxin.”—NATALIE HAM
SENA TAT-TWELID: 1965
POST TAT-TWELID: AWSTRALJA
STORJA: KIENET TIEĦU D-DROGI
IL-PASSAT TIEGĦI: Trabbejt f’Robe, belt żgħira magħrufa għas-sajd, fin-Nofsinhar tal-Awstralja. F’komunitajiet bħal dawn, in-nies jassoċjaw flimkien fil-lukanda taʼ din il-belt. Peress li l-ġenituri jqattgħu ħafna ħin fil-lukanda, uliedhom jitrabbew f’ambjent fejn hemm l-abbuż tal-alkoħol, kliem ħażin, u duħħan tas-sigaretti.
Sakemm kelli 12-il sena, kont inpejjep, kelli vokabolarju vast taʼ kliem ħażin, u kont il-ħin kollu niġġieled m’ommi. Meta kelli 15-il sena, il-ġenituri tiegħi sseparaw u 18-il xahar wara tlaqt mid-dar. Kont nabbuża mill-alkoħol, nieħu d-drogi, u ngħix ħajja immorali. Ħassejtni rrabjata u konfuża. Peress li kont għamilt ħames snin nistudja l-arti marzjali u ħadt taħriġ fuq kif in-nisa għandhom jiddefendu lilhom infushom, ħassejt li stajt infendi għal rasi. Minkejja dan, meta kont inkun waħdi fil-kwiet u kont noqgħod nirrifletti, kienu jaqbduni dwejjaq kbar u kont nitlob lil Alla biex jgħinni. Kont ngħidlu “titlobnix biex immur il-knisja.”
Xi żmien wara, ħabib tiegħi li kien reliġjuż imma li ma kien jappartjeni lill-ebda reliġjon partikulari tani Bibbja. Bħall-ħbieb l-oħrajn tagħna, hu kien jieħu d-drogi. Iżda hu stqarr li kien sinċerament jemmen f’Alla u kkonvinċieni li għandi nitgħammed. Ħadni fi xmara fil-viċin u għammidni. Minn dakinhar ’il quddiem, ħassejt li kelli relazzjoni speċjali m’Alla. Madankollu, qatt ma sibt ħin biex naqra l-Bibbja.
KIF IL-BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI: Fl-1988, żewġ Xhieda ħabbtuli l-bieb. Wieħed minnhom staqsieni, “Taf x’inhu l-isem t’Alla?” Ix-Xhud qrali Salm 83:18 mill-Bibbja tiegħu. Din tgħid: “Biex in-nies ikunu jafu li int, li ismek hu Ġeħova, int waħdek l-Iktar Għoli fuq l-art kollha.” Bqajt iċċassata! Wara li telqu, soqt 35 mil (56 km) biex insib ħanut li jbigħ kotba reliġjużi ħalli niċċekkja x’jgħidu traduzzjonijiet oħrajn tal-Bibbja, u mbagħad fittixt l-isem t’Alla f’dizzjunarju. Peress li kkonvinċejt ruħi li l-isem t’Alla hu Ġeħova, bdejt naħseb bejni u bejn ruħi jekk kienx hemm affarijiet oħrajn li ma kontx nafhom.
Ommi kienet qaltli li x-Xhieda taʼ Ġeħova kienu nies strambi. Mill-ftit li kont naf dwarhom, ħsibt li kienu wisq konservattivi u ma kinux jafu jieħdu pjaċir. Għaddieli minn moħħi li nagħmel tabirruħi li m’iniex hemm meta jiġu jżuruni. Iżda meta ġew biddilt fehmti. Stidinthom jidħlu ġewwa u mill-ewwel bdejna nistudjaw il-Bibbja.
Wara kull studju, lill-għarus tiegħi, Craig, kont ngħidlu dak kollu li tgħallimt. Maż-żmien tant xebaʼ jismaʼ, li ħadli l-ktieb li konna qed nistudjaw minn fuqu u beda jaqrah. Fi tliet ġimgħat, hu wasal għall-konklużjoni li kien sab il-verità dwar Alla. Jien u Craig eventwalment ma bqajniex nieħdu d-drogi u nabbużaw mill-alkoħol, u jien ma bqajtx naħdem fil-bar. Sabiex inġibu ħajjitna fi qbil mal-livelli tal-Bibbja, iddeċidejna li niżżewġu.
KIF IBBENEFIKAJT: Qabel ma bdejna nistudjaw il-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova, jien u Craig konna kważi wasalna biex ninfirdu. Illum, Craig hu raġel tal-familja eżemplari u għandna żewġt itfal ħelwin. Għandna wkoll ħbieb għeżież li jħaddnu l-istess twemmin bħalna.
Għall-ewwel, ommi kienet irrabjata meta saret taf li kont qed nassoċja max-Xhieda taʼ Ġeħova. Madankollu, it-tħassib tagħha kien ibbażat fuq ideat żbaljati. Issa jien u ommi rġajna għandna relazzjoni tajba maʼ xulxin. M’għadnix inħoss vojt ġewwa fija. Minflok, għandi direzzjoni u skop f’ħajti, u nħoss li l-bżonnijiet spiritwali tiegħi qed jiġu sodisfati.—Mattew 5:3.
“Tgħallimt Ħafna Affarijiet mill-Bibbja li Ssorprendewni.” —ISAKALA PAENIU
SENA TAT-TWELID: 1939
POST TAT-TWELID: TUVALU
STORJA: POLITIKANT
IL-PASSAT TIEGĦI: Twilidt f’Nukulaelae, gżira mill-isbaħ fil-Paċifiku li issa tagħmel parti minn Tuvalu. Il-ħajja fuq il-gżejjer kienet dominata minn saċerdoti li rċivew it-taħriġ reliġjuż tagħhom f’kulleġġ f’Samoa. In-nies taʼ din il-gżira kellhom id-dmir li kuljum jitimgħu lis-saċerdoti u lill-familji tagħhom kif ukoll jipprovdulhom akkomodazzjoni. Fil-fatt, kellhom jagħtuhom l-aħjar minn kollox. Anki jekk in-nies tal-gżira ma kellhomx biżżejjed ikel għall-familji tagħhom stess, huma kienu obbligati jipprovdu għas-saċerdoti.
Is-saċerdot li kien jgħix fuq il-gżira fejn kont ngħix jien, kien jieħu ħsieb l-iskola tar-raħal u kien jgħallem ir-reliġjon, il-matematika, u ftit ġeografija. Għadni nġib quddiem għajnejja lis-saċerdot li tant kien isawwat lill-istudenti li kienu jispiċċaw mimlijin demm. Madankollu, ħadd ma kien jażżarda jipprotesta, lanqas il-ġenituri stess.
Is-saċerdot kien onorat bħallikieku kien Alla nnifsu.Meta kelli għaxar snin, tlaqt mid-dar biex immur fl-unika skola tal-gvern li kien hemm fl-inħawi. Din kienet fuq gżira oħra. Meta ggradwajt, bdejt naħdem mal-gvern. Dak iż-żmien, il-gżejjer kienu jagħmlu parti mill-kolonja Britannika. Dawn kienu magħrufin bħala l-gżejjer taʼ Gilbert u Ellice. Kont naħdem f’diversi dipartimenti qabel ma sirt editur tal-gazzetta tal-gvern li toħroġ kull ġimgħa. Kollox kien sejjer tajjeb sakemm ippubblikajt ittra taʼ qarrej li kkritika l-mod kif kienu qed jintefqu l-flus bi tħejjija għaż-żjara tal-Prinċep taʼ Wales. Il-kittieb tal-ittra uża isem falz, u dak li kien inkarigat fuqi ried bilfors ikun jaf l-isem veru tal-persuna. Jien irrifjutajt li ngħidulu, u din it-tilwima kulħadd sar jaf biha.
Ftit wara li ġara dan, tlaqt minn mal-gvern u tajtha għall-politika. Irbaħt elezzjoni fʼNukulaelae u ġejt maħtur bħala Ministru tal-Kummerċ u Riżorsi Naturali. Iktar tard, meta n-nies mill-gżejjer taʼ Kiribati u taʼ Tuvalu (li qabel kienu magħrufin bħala Gilbert u Ellice) kienu waslu biex jiksbu l-indipendenza mill-Britannja, il-gvernatur offrieli l-kariga taʼ kap tal-amministrazzjoni taʼ Tuvalu. Madankollu, ma ridtx nagħti l-impressjoni li għandi konnessjoni mal-ħakma kolonjali. Għalhekk, irrifjutajt l-offerta u mingħajr ebda appoġġ ħriġt għall-elezzjoni ġenerali biex nilħaq ministru fil-gvern. Però ma ġejtx elett. Wara dan, erġajt lura maʼ marti lejn il-gżira fejn trabbejt u ddeċidejt li ngħix ħajja normali fir-raħal tiegħi.
KIF IL-BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI: Fil-gżejjer, il-ġurnata tal-Ħadd kienet meqjusa bħala s-Sabat u kulħadd kien iqisha bħala ġurnata qaddisa, minbarra jien. Din kienet il-ġurnata tiegħi biex noħroġ bid-dgħajsa u biex nistad. Ma ridtx li nkun magħruf bħala bniedem reliġjuż. Missieri qalli li kemm hu u kemm oħrajn kienu diżappuntati bl-aġir tiegħi. Imma jien kont determinat li ma nħallix il-knisja tinfluwenzani.
F’wieħed mill-vjaġġi tiegħi lejn Funafuti—il-gżira li fuqha hemm il-belt kapitali taʼ Tuvalu—ħija iżgħar minni stidinni biex immur miegħu għal waħda mil-laqgħat tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Iktar tard, wieħed missjunarju li kien Xhud tani turrun rivisti tat-Torri tal-Għassa u Stenbaħ! biex naqrahom. Tani wkoll ktieb li kien jikxef l-oriġini pagani tad-duttrini li kienu jgħallmu ħafna mill-hekk imsejħin knejjes Kristjani. Dan il-ktieb qrajtu kemm-il darba. Tgħallimt ħafna affarijiet mill-Bibbja li ssorprendewni, inkluż il-fatt li l-Kristjani mhumiex obbligati josservaw is-Sabat taʼ kull ġimgħa. a Dawn il-punti għedthom lil marti, u mill-ewwel ma baqgħetx tmur il-knisja.
Madankollu, kont ħlift li bl-ebda mod ma ninvolvi ruħi fir-reliġjon. Għaddew kważi sentejn, imma ma stajtx ninsa l-affarijiet li kont tgħallimt. Għadda ż-żmien u ktibt lil dak il-missjunarju taʼ Funafuti, u għedtlu li kont lest li nagħmel bidla. Hu telaʼ fuq il-vapur li kien imiss jitlaq u ġie jgħinni nitgħallem iktar dwar il-Bibbja. Missieri kien irrabjat ferm meta skopra li ridt insir wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Imma għedtlu li tant kont tgħallimt affarijiet dwar il-Bibbja mingħand ix-Xhieda li d-deċiżjoni tiegħi kont diġà ħadtha.
KIF IBBENEFIKAJT: Fl-1986, tgħammidt bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova, u marti tgħammdet sena wara. Iż-żewġt ibniet tagħna wkoll tgħallmu dak li tgħid il-Bibbja u ddeċidew li jsiru Xhieda taʼ Ġeħova.
Issa għandi l-pjaċir ngħid li jien nagħmel parti minn grupp reliġjuż, li bħall-Kristjani tal-ewwel seklu, ma jagħmilx distinzjoni bejn il-klassi tal-kleru u klassi tal-lajċi. (Mattew 23:8-12) Ukoll, dan il-grupp isegwi b’umiltà l-eżempju taʼ Ġesù u jipprietka lil oħrajn dwar il-gvern tas-Saltna t’Alla. (Mattew 4:17) Kemm jien grat lejn Ġeħova talli ppermettieli nsir naf il-verità dwaru u dwar il-poplu tiegħu!
“Ix-Xhieda Ma Pprovawx Jisforzawni Biex Nemmen xi Ħaġa bla Spjegazzjoni.”—ALEXANDER SOSKOV
SENA TAT-TWELID: 1971
POST TAT-TWELID: RUSSJA
STORJA: GĦALLIEM TAL-KUMBATTIMENT
IL-PASSAT TIEGĦI: Twelidt f’Moska, li dak iż-żmien kienet il-belt kapitali tal-Unjoni Sovjetika. Il-familja tiegħi kienet toqgħod fi blokk kbir taʼ appartamenti, u ħafna mill-ġirien tagħna kienu jaħdmu flimkien fl-istess fabbrika. Niftakar li dawn kienu jilmentaw li jien kont tifel imqareb ħafna u kienu jgħidu li għad immut żgħir jew nispiċċa l-ħabs. Fil-fatt, sakemm kelli għaxar snin kont diġà ġejt fl-inkwiet mal-pulizija.
Meta għalaqt it-18-il sena, inqbadt bil-lieva u ntbgħatt naqdi bħala għassies mal-fruntiera. Wara sentejn mort lura d-dar u bdejt naħdem ġo fabbrika, imma x-xogħol m’għoġobnix. Għalhekk, dħalt fil-korp tal-pulizija taʼ kontra r-rewwixti u bdejt naħdem bħala għalliem tal-kumbattiment bl-idejn. Kont ngħinhom jaqbdu l-kriminali f’Moska u mmur f’diversi postijiet madwar il-pajjiż kollu fejn kien magħruf li jkun hemm il-ġlied. It-tensjoni ġewwa fija kienet qisha molla marsusa. Kultant, meta kont immur lura d-dar, ma kontx norqod fl-istess sodda maʼ marti għax kont nibżaʼ li nweġġagħha peress li kont noħlom ikrah.
KIF IL-BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI: Meta bdejt nistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova skoprejt li l-ħajja vjolenti li kont qed ngħix ma kinitx fi qbil mal-livelli tal-Bibbja. Rajt ukoll il-bżonn li nieqaf inpejjep u nikkontrolla l-ammont taʼ alkoħol li kont nixrob. Madankollu, irraġunajt li ma stajtx nibdel ix-xogħol għax ma kellix snajjaʼ oħrajn li bihom stajt insib xogħol biex nipprovdi għall-familja tiegħi. Ħassejt ukoll li qatt ma stajt nieħu sehem fl-ippritkar, bħalma kienu jagħmlu x-Xhieda.
Eventwalment, jien xorta bdejt nikkonvinċi ruħi li dak li kien hemm miktub fil-Bibbja kien eżatt. Ksibt il-faraġ mir-rakkont taʼ Eżekjel 18:21, 22. Dan jgħid: “Jekk xi ħadd ħażin idur lura mid-dnubiet kollha li għamel . . . , kulma għamel biex jikser il-liġi ma jitfakkarx kontrih.”
Għoġobni l-fatt li x-Xhieda ma pprovawx jisforzawni biex nemmen xi ħaġa bla spjegazzjoni imma kienu jgħinuni nirraġuna fuq dak li kont nitgħallem. Ħadt turrun rivisti minn tagħhom, madwar 40, u qrajthom fi tliet ġimgħat. Dak li tgħallimt ikkonvinċieni li kont sibt ir-reliġjon vera.
KIF IBBENEFIKAJT: Qabel ma bdejt nistudja l-Bibbja, jien u marti konna kważi wasalna biex niddivorzjaw. Issa ż-żwieġ tagħna tjieb. Marti bdiet tistudja l-Bibbja meta bdejt nistudjaha jien u t-tnejn li aħna ddeċidejna li naqdu lil Ġeħova flimkien. Issa l-familja tiegħi hija iktar ferħana. Stajt ukoll insib xogħol li ma kienx imur kontra l-prinċipji Bibliċi.
Għall-bidu li bdejt nipprietka minn dar għal dar, kien ikolli tensjoni kbira fuqi—kienu jinġemgħu ġo fija l-istess sentimenti li kont inħoss qabel xi rejd. Issa nħossni kunfidenti li nistaʼ nibqaʼ kalm, anki jekk xi ħadd jipprova jipprovokani. Maż-żmien, jien tgħallimt inkun paċenzjuż man-nies. Jiddispjaċini li ħlejt daqshekk żmien minn ħajti, imma issa nħoss li ħajti tassew għandha skop. Nieħu gost nuża saħħti biex naqdi lil Alla Ġeħova u ngħin lil oħrajn.
[Nota taʼ taħt]
a Għal iktar informazzjoni, ara l-artiklu “Should You Keep the Weekly Sabbath?” pubblikat fit-Torri tal-Għassa bl-Ingliż, tal-1 taʼ Frar, 2010, paġni 11-15.