Il-Qarrejja Tagħna Jistaqsu . . .
Satana Għala Uża Serp Biex Ikellem lil Eva?
▪ Għandek mnejn taqbel li bħalma ġie diskuss f’paġna 8, Satana kien il-forza wara s-serp li kellem lil Eva. Bla dubju, il-Bibbja hekk tgħallem. Madankollu, forsi tgħid bejnek u bejn ruħek, ‘Spirtu qawwi għala kellu jimmanipula serp bl-istess mod li ventrilokwista juża pupazz?’
Il-Bibbja tiddeskrivi t-tattiki taʼ Satana bħala “tnassis” u dak li ġara fl-Għeden jgħin biex isaħħaħ dan il-punt. (Efesin 6:11) Din il-ġrajja mhijiex xi ħrafa dwar annimal jitkellem, iżda hi eżempju li jkexkxek taʼ pjan makakk bl-iskop li jbiegħed lin-nies minn Alla. B’liema mod?
Satana għażel il-mira tiegħu bir-reqqa. Eva kienet l-iktar ħlejqa żagħżugħa intelliġenti fl-univers. Hu ħa vantaġġ min-nuqqas taʼ esperjenza tagħha billi ingannaha u ħajjarha. Satana b’makakkerija ħeba l-iskopijiet sfaċċati u ambizzjużi tiegħu billi nqeda b’serp, li hu ħlejqa kawta ħafna. (Ġenesi 3:1) Ikkunsidra wkoll dak li wettaq minħabba li ġiegħel lis-serp jidher li qed jitkellem.
L-ewwel, Satana seraq l-attenzjoni taʼ Eva u żammha ffokata. Hi kienet taf li s-sriep ma jitkellmux. Fil-fatt, żewġha kien ta isem lil kull annimal, inkluż lis-serp, x’aktarx wara li kien studjah sew. (Ġenesi 2:19) Bla dubju, anki Eva kienet osservat lil din il-ħlejqa kawta. Għalhekk, it-tattika taʼ Satana qajmitilha l-kurżità lil Eva u ġegħlitha tiffoka fuq l-unika ħaġa fil-ġnien li ma setgħetx tieħu. It-tieni, li kieku s-serp kien qed jistaħba qalb il-friegħi tas-siġra projbita, għal liema konklużjoni x’aktarx li Eva kienet se tasal? Setgħet hi rraġunat li dan is-serp, sempliċi ħlejqa li ma tistax titkellem, kiel minn din il-frotta u b’hekk setaʼ jitkellem? Jekk din il-frotta kellha dan l-effett fuq serp, fuqha x’effett setaʼ jkollha? Ma nistgħux ngħidu eżattament dak li għadda minn moħħ Eva jew jekk is-serp kienx kiel mill-frotta, imma dak li nafu hu li meta s-serp qal lil Eva li l-frotta kienet se tagħmilha “bħal Alla,” hi kienet lesta li temmen din il-gidba.
Anki l-kliem li għażel Satana jirrivela ħafna. Hu żeraʼ dubji f’moħħ Eva u implika li Alla kien qed iċaħħadha minn xi ħaġa tajba u jillimita l-libertà tagħha bla bżonn. Is-suċċess tal-pjan taʼ Satana kien jiddependi mill-possibbiltà li l-egoiżmu taʼ Eva kien se jisboq l-imħabba tagħha għall-Alla li kien taha dak kollu li kellha. (Ġenesi 3:4, 5) Traġikament, it-tattika taʼ Satana ħadmet; la Eva u lanqas Adam ma kienu rawmu f’qalbhom it-tip taʼ mħabba u apprezzament għal Ġeħova li suppost kellhom. Mhuwiex Satana llum il-ġurnata jippromwovi l-istess tip taʼ egoiżmu u attitudni li wieħed jiġġustifika lilu nnifsu?
Iżda xi ngħidu dwar il-motiv taʼ Satana? X’ried jikseb? Fl-Għeden, hu pprova jaħbi kemm l-identità u kemm il-motiv tiegħu. Imma maż-żmien kixef min hu. Meta ttanta lil Ġesù, żgur li kien jaf li mhux se jirnexxilu jaħbi l-identità tiegħu. Għalhekk, hu direttament ħeġġeġ lil Ġesù u qallu: ‘Inxteħet fl-art u agħmilli att taʼ qima.’ (Mattew 4:9) B’mod ċar, Satana ilu żmien twil jgħir għall-qima li tingħata lil Alla Ġeħova. Hu lest li jagħmel minn kollox biex iżomm lin-nies lura milli jaqdu lil Alla jew biex iġegħelhom jaqdu lil Alla b’mod li ma jkunx aċċettabbli għalih. Hu jieħu gost ikisser l-integrità tagħna lejn Alla.
B’mod ċar, il-Bibbja tirrivela li Satana hu qattiel tas-sengħa li qed ifittex biex joqtol lil dawk fil-mira tiegħu. B’ferħ, aħna m’għandniex għalfejn niġu mqarrqin bħalma ġiet imqarrqa Eva “għax il-pjanijiet tiegħu nafuhom.”—2 Korintin 2:11.