Inkwiet li Jwassal Għal Tama
“Fl-aħħar jiem ikun hawn żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.”—2 TIMOTJU 3:1.
ĠIELI smajt jew saħansitra rajt xi ħaġa minn dawn il-ġrajjiet taʼ niket?
● Marda fatali tieħu l-ħajja taʼ ħafna.
● Mijiet imutu minħabba l-ġuħ.
● Terremot joqtol lil eluf taʼ nies u jħalli lil ħafna oħrajn bla djar.
Fil-paġni li ġejjin se tirrivedi xi fatti li jġegħluk taħseb dwar ġrajjiet bħal dawn. Se tara wkoll li l-Bibbja bassret li se jkun hemm kundizzjonijiet bħal dawn matul il-perijodu taʼ żmien imsejjaħ l-“aħħar jiem.”
Madankollu, l-iskop taʼ dawn l-artikli mhuwiex biex jikkonvinċik li qed ngħixu f’dinja mimlija inkwiet. X’aktarx li dan l-inkwiet int qed tarah b’għajnejk stess. Minflok, huma mħejjijin biex jagħtuk tama. Se juru li t-twettiq taʼ dawn is-sitt profeziji jfisser li l-“aħħar jiem” dalwaqt se jispiċċaw. Din is-serje se tikkunsidra wkoll xi oġġezzjonijiet komuni għal din l-evidenza u se tipprovdi raġuni tajba biex int temmen li hemm xi ħaġa aħjar fil-futur qarib.