Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Jinkixef il-Ħakkiem Sigriet tad-Dinja

Jinkixef il-Ħakkiem Sigriet tad-Dinja

DARBA minnhom, Ġesù qal lin-​nies: “Il-​ħakkiem taʼ din id-​dinja se jitkeċċa ’l barra.” Iktar tard, hu żied jgħid li ‘l-​ħakkiem tad-​dinja ma kellu l-​ebda setgħa fuqu’ u li “l-​ħakkiem taʼ din id-​dinja ġie ġudikat.” (Ġwanni 12:31; 14:30; 16:11) Ġesù dwar min kien qed jitkellem?

Meta nikkunsidraw dak li Ġesù kien qed jgħid dwar “il-​ħakkiem taʼ din id-​dinja,” huwa ovvju li ma setax ikun qed jirreferi għal Missieru, Alla Ġeħova. Mela, min hu “l-​ħakkiem taʼ din id-​dinja”? Kif se “jitkeċċa ’l barra,” u kif ġie “ġudikat”?

“Il-​Ħakkiem taʼ Din id-​Dinja” Juri Min Hu

L-​istess bħalma kriminal tas-​sengħa spiss jieħu pjaċir jiffanfra bil-​qawwa tiegħu, ix-​Xitan għamel l-​istess meta ttanta lil Ġesù, Bin Alla. Wara li wera lil Ġesù “s-​saltniet kollha taʼ l-​art,” Satana għamillu din l-​offerta: “Nagħtik l-​awtorità fuq dawn kollha, u l-​glorja tagħhom, għax ngħatat lili, u jien nagħtiha lil min irrid. Għalhekk, jekk tagħmel att taʼ qima quddiemi, kollha tkun tiegħek.”—Luqa 4:5-​7.

Jekk ix-​Xitan kien sempliċi l-​ħażen inġenerali, bħalma xi wħud issuġġerew, din it-​tentazzjoni kif setgħet tiġi spjegata? Kien Ġesù qed jiġi ttantat minn xi ħsieb mill-​agħar jew xi sarar ġewwieni li setaʼ ġie wara l-​magħmudija tiegħu? Jekk inhu hekk, kif intqal li “fih m’hemm ebda dnub”? (1 Ġwanni 3:5) Ġesù mhux talli ma ċaħadx li x-​Xitan għandu qawwa fuq l-​umanità imma talli kkonferma dan billi tkellem dwaru bħala “l-​ħakkiem tad-​dinja,” u ddeskrivieh bħala “qattiel” u “giddieb.”—Ġwanni 14:30; 8:44, Għaqda Biblika Maltija.

Xi 60 sena wara l-​laqgħa taʼ Kristu max-​Xitan, l-​appostlu Ġwanni fakkar lill-​Kristjani dwar l-​influwenza qawwija tax-​Xitan billi qal li “d-​dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​Ħażin.” Ġwanni qal ukoll li dan il-​wieħed ħażin “qed iqarraq bl-​art abitata kollha.” (1 Ġwanni 5:19; Rivelazzjoni 12:9) Biċ-​ċar, il-​Bibbja tirreferi għal spirtu inviżibbli bħala “l-​ħakkiem tad-​dinja.” Imma kemm hi mifruxa l-​influwenza tiegħu fuq l-​umanità?

Il-​Ħakkiem tad-​Dinja Jagħti l-​Qawwa lill-​Imseħbin Tiegħu

Meta l-​appostlu Pawlu kien qed jitkellem dwar il-​ġlieda tal-​Kristjani għall-​fidi, hu b’mod ċar identifika l-​agħar għedewwa tagħhom. Bla tidwir mal-​lewża qal: “Aħna ma nissarawx kontra d-​demm u l-​laħam, imma kontra l-​gvernijiet, kontra l-​awtoritajiet, kontra l-​ħakkiema dinjin taʼ dan id-​dlam, kontra l-​forzi taʼ l-​ispirti mill-​agħar fil-​postijiet tas-​sema.” (Efesin 6:12) B’hekk, din il-​ġlieda mhix kontra bnedmin oħra għax mhijiex “kontra d-​demm u l-​laħam” imma “kontra l-​forzi taʼ l-​ispirti mill-​agħar.”

Skont il-​maġġuranza tat-​traduzzjonijiet moderni tal-​Bibbja, “il-​forzi taʼ l-​ispirti mill-​agħar” imsemmijin hawn ma jirreferux għall-​ħażen inġenerali imma għal persuni spirti setgħanin mill-​agħar. Xi verżjonijiet jittraduċuha bħala “l-​qtajjaʼ spiritwali tal-​ħażen fil-​postijiet tas-​sema” (Revised Standard Version), “l-​armata spiritwali tal-​ħażen fis-​smewwiet” (The Jerusalem Bible), u “l-​forzi sovrumani tal-​ħażen fis-​smewwiet” (The New English Bible). Għaldaqstant, ix-​Xitan ilu jeżerċita l-​qawwa tiegħu permezz taʼ anġli ribellużi oħra li abbandunaw “il-​post xieraq fejn kellhom jgħammru” fis-​sema.—Ġuda 6.

Il-​ktieb Bibliku profetiku taʼ Danjel juri kif dawn il-​“ħakkiema dinjin” ilhom jikkontrollaw id-​dinja sa mill-​qedem. Peress li l-​profeta Danjel kien tassew inkwetat dwar il-​Lhud sħabu li fis-​sena 537 Q.E.K. rritornaw Ġerusalemm mill-​eżilju tagħhom f’Babilonja, hu talab għan-​nom tagħhom għal tliet ġimgħat. Anġlu, mibgħut minn Alla biex jassigura lill-​profeta, qallu għala kien dam biex wasal. Hu qal: “Il-​prinċep tat-​territorju rjali tal-​Persja waqaf kontrija għal wieħed u għoxrin ġurnata.”—Danjel 10:2, 13.

Min kien dan ‘il-​prinċep tal-​Persja’? Ovvjament, l-​anġlu ma kienx qed jirreferi għas-​sultan Persjan Ċiru, li f’dak iż-​żmien kien iħares b’mod favorevoli lejn Danjel u l-​poplu tiegħu. Iktar minn hekk, kif setaʼ sempliċi sultan uman jieqaf kontra ħlejqa spirtu għal tliet ġimgħat meta anġlu wieħed dam lejl wieħed biss biex jeqred 185,000 gwerrier qalbieni? (Isaija 37:36) Dan il-​prinċep ostili tal-​Persja setaʼ jkun biss aġent tax-​Xitan, jiġifieri, demonju li ngħata kontroll fuq il-​qasam tal-​Imperu Persjan. Iktar tard fir-​rakkont, l-​anġlu t’Alla qal li kien se jerġaʼ jkollu jiġġieled kontra “l-​prinċep tal-​Persja” u kontra prinċep demoniku ieħor, “il-​prinċep tal-​Greċja.”—Danjel 10:20.

X’nistgħu nikkonkludu minn dan? Sempliċement li tassew hemm “ħakkiema dinjin” inviżibbli, prinċpijiet demoniċi li bejniethom jikkontrollaw id-​dinja taħt l-​awtorità tal-​kap tagħhom, Satana x-​Xitan. Imma x’kienet il-​mira tagħhom s’issa?

Il-​Ħakkiem tad-​Dinja Juri Xi Jsarraf

Fl-​aħħar ktieb tal-​Bibbja, ir-​Rivelazzjoni, l-​appostlu Ġwanni jirrakkonta kif Ġesù, bħala Mikiel l-​arkanġlu, jegħleb lix-​Xitan u d-​demonji tiegħu u jitkellem dwar il-​konsegwenzi diżastrużi li rriżultaw mit-​tkeċċija tagħhom mis-​sema. Naqraw: “Gwaj għall-​art . . . għax ix-​Xitan niżel għandkom u għandu rabja kbira, għax jaf li żmien qasir baqagħlu.”—Rivelazzjoni 12:9, 12.

Ix-​Xitan kif wera rabja kbira? L-​istess bħalma kriminali ddisprati jimxu mar-​regola ‘aħkem jew eqred,’ ix-​Xitan u d-​demonji tiegħu huma determinati li jwasslu għall-​qerda lill-​art u l-​abitanti tagħha flimkien magħhom. Peress li jaf li żmien qasir baqagħlu, ix-​Xitan qed juża wieħed mill-​elementi ewlenin tas-​soċjetà umana taħt idejh—in-​negozju kbir—biex jippromwovi xiri sfrenat u bla kontroll. Dan l-​ispirtu jwassal għat-​tnaqqis tar-​riżorsi naturali u l-​qerda tal-​ambjent madwar id-​dinja, u b’hekk jhedded l-​eżistenza tal-​umanità.—Rivelazzjoni 11:18; 18:11-​17.

Sa mill-​bidu tal-​istorja umana, il-​kilba tax-​Xitan għall-​poter dehret ukoll fil-​politika u r-​reliġjon. Il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni jpinġi lill-​qawwiet politiċi bħala bhejjem salvaġġi li lilhom ix-​Xitan ta “awtorità kbira.” Ukoll jiddeskrivi l-​alleanza sfaċċata bejn il-​politika u r-​reliġjon bħala adulterju spiritwali moqżież. (Rivelazzjoni 13:2; 17:1, 2) Aħseb ftit dwar l-​oppressjoni, it-​tjassir, il-​gwerer, u t-​taqbid etniku li ġraw matul is-​sekli u li wasslu għat-​telfien taʼ miljuni taʼ ħajjiet. Jistaʼ xi ħadd bl-​onestà kollha jgħid li l-​ġrajjiet xokkanti u li jkexkxu li ħammġu l-​istorja umana huma biss l-​attività normali tal-​bnedmin? Jew kienu r-​riżultat tal-​manipulazzjoni minn forzi spirti mill-​agħar li ma jidhrux?

Il-​Bibbja biċ-​ċar tidentifika u tikxef il-​wieħed li qed jimmanuvra l-​mexxejja umani u l-​qawwiet tad-​dinja. Is-​soċjetà umana, kemm jekk taf u kemm jekk le, turi l-​personalità tal-​ħakkiem tagħha u timita r-​regola tiegħu taʼ ‘aħkem jew eqred.’ Imma l-​umanità kemm se ddum issofri taħt il-​ħakma tax-​Xitan?

L-​Aħħar Nifs tax-​Xitan

L-​attività taʼ Kristu fuq l-​art fl-​ewwel seklu ħabbret id-​daqqa tal-​mewt għax-​Xitan u d-​demonji tiegħu. Meta d-​dixxipli taʼ Ġesù rrakkontaw kif kienu keċċew demonji li ma jidhrux, hu qalilhom: “Bdejt nara lil Satana diġà mwaqqaʼ bħal sajjetta mis-​sema.” (Luqa 10:18) B’dan il-​kliem, Ġesù kien qed jifraħ bir-​rebħa futura tiegħu fuq il-​ħakkiem tad-​dinja li kienet se ssir meta Ġesù jmur lura s-​sema bħala Mikiel l-​arkanġlu. (Rivelazzjoni 12:7-​9) Studju bir-​reqqa tal-​profeziji Bibliċi juri li din ir-​rebħa seħħet fis-​sema fl-​1914 jew ftit wara. a

Minn dik is-​sena ’l hawn, ix-​Xitan jaf li ftit baqaʼ żmien qabel il-​qerda tiegħu. Għalkemm ‘id-​dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tiegħu,’ miljuni taʼ nies illum ma ġewx imqarrqin mill-​attentati ddisprati tiegħu biex jikkontrollahom. Il-​Bibbja fetħitilhom għajnejhom għall-​identità vera tiegħu u l-​pjanijiet tiegħu. (2 Korintin 2:11) Huma jiksbu tama mill-​kliem taʼ Pawlu lill-​Kristjani sħabu: “L-​Alla li jagħti l-​paċi dalwaqt jgħaffeġ lil Satana taħt saqajkom.” bRumani 16:20.

Ix-​Xitan dalwaqt se jieħu l-​aħħar nifs tiegħu! Taħt il-​ħakma kollha mħabba taʼ Kristu, il-​bnedmin ġusti se jbiddlu l-​art, il-​banketta simbolika għal saqajn Alla, f’ġenna. Il-​vjolenza, il-​mibegħda, u r-​regħba se jkunu spiċċaw darba għal dejjem. Il-​Bibbja tgħid: “L-​affarijiet taʼ qabel ma jitfakkrux.” (Isaija 65:17) X’serħan se jkun għal kull min jinħeles mill-​ħakkiem sigriet taʼ din id-​dinja u l-​awtorità tiegħu!

[Noti taʼ taħt]

a Għal iktar dettalji dwar din id-​data, ara l-​appendiċi tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? stampat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, paġni 215 sa 218.

b Kliem Pawlu hawnhekk jidwi l-​ewwel profezija Biblika mniżżla f’Ġenesi 3:15 u jipponta lejn il-​qerda li fl-​aħħar mill-​aħħar se jkollu x-​Xitan. Sabiex jiddeskrivi l-​ġrajja, Pawlu uża kelma Griega li tfisser “li tkisser, triegħed, tfarrak f’biċċiet billi tisħaq.”—Vine’s Complete Expository Dictionary of Old and New Testament Words.

[Kumment f’paġna 9]

Taħt il-​ħakma kollha mħabba taʼ Kristu, il-​bnedmin ġusti se jbiddlu l-​art f’ġenna