Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tistaʼ Tagħżel li Jkollok Futur taʼ Suċċess—Kif?

Tistaʼ Tagħżel li Jkollok Futur taʼ Suċċess—Kif?

KIF jistaʼ jkollok ħajja li tkun verament taʼ suċċess? Mod wieħed hu billi tuża l-​abbiltà rimarkevoli li għandek biex tqis il-​konsegwenzi li jistaʼ jkun hemm fuq medda taʼ żmien tad-​deċiżjonijiet li tieħu issa.

Huwa minnu li tistaʼ ssibha bi tqila biex tieħu deċiżjonijiet li jkunu taʼ benefiċċju għalik tul ħajtek kollha. Għala? Għax ħafna nies madwarna jridu kollox mal-​ħaġra t-​tajn. Pereżempju, għandek mnejn tirrealizza li meta tapplika l-​pariri Bibliċi tistaʼ tiġi megħjun tibni relazzjonijiet b’saħħithom fil-​familja. (Efesin 5:22–6:4) Iżda biex tagħmel hekk, trid tinvesti l-​ħin fil-​familja tiegħek regolarment waqt li tirreżisti l-​pressjoni biex tkun mitluf iżżejjed fix-​xogħol, ir-​rikreazzjoni, jew id-​divertiment. Bħal f’ħafna oqsma tal-​ħajja, trid tagħżel bejn il-​pjaċiri tal-​mument u s-​suċċess li jiġi fuq medda taʼ żmien. Kif tistaʼ ssib is-​saħħa meħtieġa biex tagħżel triq għaqlija? Ħu dawn l-​erbaʼ passi li ġejjin.

1 Ġib Quddiem Għajnejk ir-​Riżultat tad-​Deċiżjonijiet Tiegħek

Meta tiffaċċja deċiżjoni, ġib quddiem għajnejk ir-​riżultati b’mod realistiku kemm jistaʼ jkun. Il-​Bibbja tagħti l-​parir: “Min hu prudenti jara l-​gwaj u jinħeba.” (Proverbji 22:3) Jekk tqis il-​konsegwenzi bl-​onestà kollha, x’aktarx li tħossok motivat biex tevita triq li tistaʼ tkun taʼ ħsara. Mill-​banda l-​oħra, meta ġġib quddiem għajnejk il-​benefiċċji fuq tul taʼ żmien li jiġu minn deċiżjoni għaqlija, tistaʼ ssaħħaħ id-​determinazzjoni tiegħek biex taġixxi.

Staqsi lilek innifsek: ‘X’se jkun ir-​riżultat tad-​deċiżjoni tiegħi minn hawn u sena oħra, jew saħansitra minn hawn u 10 snin jew 20 sena oħra? X’se jkun l-​effett fuq il-​benesseri emozzjonali u fiżiku tiegħi? L-​għażla tiegħi kif se teffettwa lill-​familja tiegħi u lil oħrajn li huma għeżież għalija?ʼ Iktar importanti minn hekk, staqsi: ‘Id-​deċiżjoni tiegħi se togħġob lil Alla? Kif se teffettwa l-​ħbiberija tiegħi miegħu?’ Minħabba li l-​Bibbja hi ispirata minn Alla, tistaʼ tgħinek tagħraf x’inhu dak li jogħġbu u tiġbidlek l-​attenzjoni għan-​nases li għandu mnejn ma tintebaħx bihom.—Proverbji 14:12; 2 Timotju 3:16.

2 Eżamina l-​Għażliet Int Stess

Minflok ma jieħdu d-​deċiżjonijiet tagħhom huma stess, ħafna wħud sempliċement jimitaw lin-​nies taʼ madwarhom. Iżda stil partikulari taʼ ħajja mhux se jwassal għas-​suċċess minħabba l-​fatt li jkun popolari. Eżamina l-​għażliet int stess. Pereżempju, ejja nieħdu lil Natalie. a Hi tispjega: “Xtaqt li jkolli żwieġ hieni. Iżda stajt nara li dan ma kienx se jkun possibbli bil-​mod kif kont qed ngħix. Fl-​iskola, sħabi kollha kienu żgħażagħ intelliġenti ħafna. Madankollu, huma kienu kontinwament jieħdu deċiżjonijiet ħżiena fil-​ħajja personali tagħhom. Kont dejjem narahom maʼ xi tfajla jew ġuvni differenti. Bħalhom, jien ħriġt maʼ diversi ġuvintur. Dan l-​istil taʼ ħajja ġabli ħafna wġigħ taʼ qalb.”

Natalie bdiet tistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Hi tgħid: “Fost ix-​Xhieda rajt żgħażagħ ferħanin u żwiġijiet b’saħħithom. Għalkemm ma kienx faċli għalija, bil-​mod il-​mod biddilt il-​valuri tiegħi u l-​istil taʼ ħajti.” X’kien ir-​riżultat? “Dejjem xtaqt niżżewweġ lil xi ħadd li tassew nammira,” tgħid Natalie. “Maż-​żmien, iżżewwiġt raġel li jħaddan l-​istess twemmin reliġjuż tiegħi. Inħoss li Alla tani ħajja tal-​familja aħjar milli qatt stajt nimmaġina.”

3 Qis l-​Effetti fuq Tul taʼ Żmien

Sabiex tevita li tara biss sa mnieħrek, jeħtieġ ukoll ikollok viżjoni ċara tal-​futur li tixtieq u pjan taʼ kif tasal għalih. (Proverbji 21:5) Tillimitax ħsibijietek għas-​70 jew 80 sena taʼ ħajja normali taʼ bniedem. Minflok, immaġina lilek innifsek tgawdi l-​futur dejjiemi li tiddeskrivi l-​Bibbja.

Il-​Bibbja tispjega li permezz tas-​sagrifiċċju tal-​fidwa taʼ Kristu Ġesù, Alla għamel provvediment għall-​bnedmin biex jiksbu l-​ħajja taʼ dejjem. (Mattew 20:28; Rumani 6:23) Alla jwiegħed li dalwaqt se jitwettaq l-​iskop oriġinali tiegħu għall-​bnedmin u għall-​art. Dawk li jħobbu lil Alla se jkollhom l-​opportunità li jgawdu ħajja taʼ dejjem fuq art restawrata f’ġenna mill-​isbaħ. (Salm 37:11; Rivelazzjoni 21:3-​5) Int jistaʼ jkollok dan il-​futur jekk tqis kif id-​deċiżjonijiet li tieħu issa se jeffettwawk fil-​futur.

4 Aħdem Biex Tilħaq il-​Miri Tiegħek

Kif tistaʼ tirsisti għal dan il-​futur imwiegħed? Ibda billi tieħu għarfien dwar Alla. (Ġwanni 17:3) Għarfien eżatt mill-​Bibbja se jibni l-​fiduċja tiegħek li l-​wegħdi t’Alla għall-​futur se jsiru realtà. Fiduċja bħal din tistaʼ ssaħħek biex tagħmel kwalunkwe bidla meħtieġa sabiex tikseb l-​approvazzjoni t’Alla.

Ikkunsidra l-​esperjenza taʼ Michael. Hu jirrakkonta: “Bdejt nabbuża mill-​alkoħol u mid-​drogi meta kelli 12-​il sena. Kont nagħmel parti minn klikka u ma kontx nistenna li ngħix iktar minn 30 sena. Ir-​rabja u l-​frustrazzjoni li kelli wassluni għal diversi attentati taʼ suwiċidju. Kont qed nittama li l-​ħajja toffri iktar minn hekk, iżda ma kontx naf xiex.” Waqt li Michael kien għadu jmur l-​iskola sekondarja, wieħed minn sħabu tal-​klikka beda jistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Michael qabel li jagħmel l-​istess.

Dak li Michael tgħallem mill-​Bibbja biddel il-​mod kif kien jimmaġina l-​futur tiegħu. “Tgħallimt li fil-​futur, l-​art se tiġi restawrata f’ġenna u li n-​nies se jgħixu fil-​paċi, ħelsin mill-​ansjetà. Bdejt nara dan bħala l-​futur tiegħi. Il-​mira tiegħi saret li nibni relazzjoni tajba maʼ Ġeħova. Imma ma kienx kollox ward u żahar għax anke wara li bdejt nistudja l-​Bibbja, skirt diversi drabi u kelli x’naqsam maʼ tfajla.”

Michael kif setaʼ jegħleb l-​ostakli u jirnexxilu jbiddel l-​istil taʼ ħajtu? Hu jgħid: “Dak li studjajt il-​Bibbja miegħu ħeġġiġni naqra l-​Bibbja kuljum u nissieħeb m’oħrajn li riedu jogħġbu lil Alla. Irrealizzajt li sħabi tal-​klikka kienu għadhom jinfluwenzawni. Għalkemm għalija kienu qishom taʼ ġewwa, ma bqajtx nagħmilha magħhom.”

Michael għamel miri li setaʼ jilħaqhom fi ftit żmien u prijoritajiet li għenuh jilħaq il-​mira ikbar li kellu—dik li jġib ħajtu fi qbil mal-​livelli t’Alla. Int tistaʼ tagħmel l-​istess. Ikteb kemm il-​mira tiegħek li tintlaħaq fuq tul taʼ żmien u kemm il-​passi li trid tieħu biex jgħinuk tilħaqha. Għid lil dawk li se jappoġġawk x’inhuma l-​miri tiegħek u itlobhom jgħinuk tara kemm tkun għamilt progress.

Toqgħodx titnikker biex titgħallem dwar Alla u tapplika d-​direzzjoni tiegħu f’ħajtek. Ħu passi issa biex tibni mħabbtek għal Alla u għall-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. Meta tiddeskrivi individwu li japplika l-​prinċipji tal-​Bibbja, il-​Kelma t’Alla tgħid: “Jirnexxi f’kulma jagħmel.”—Salm 1:1-​3.

[Nota ta’ taħt]

a L-​ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.