X’Inhu l-“Evanġelju ta’ Ġuda”?
F’APRIL tal-2006, il-ġurnali madwar id-dinja kien fihom l-istorja xokkanti li grupp taʼ studjużi kien qed jippubblika test antik li kien għadu kif ġie skopert, jismu l-“Evanġelju taʼ Ġuda.” Dawn l-artikli qalu li l-istudjużi jħossu li dan it-test ibiddel kompletament il-mod kif inhu meqjus Ġuda, id-dixxiplu li ttradixxa lil Ġesù. Skont dawn l-istqarrijiet, Ġuda fil-fatt kien eroj, l-appostlu li l-iktar fehem lil Ġesù u li tah biex jinqatel għax Ġesù talbu jagħmel dan.
Huwa awtentiku dan it-test? U jekk iva, jikxef xi għarfien li qabel kien mistur rigward persuni storiċi bħal Ġuda l-Iskarjota, Ġesù Kristu, jew il-Kristjani tal-bidu? Għandu jeffettwa l-fehma tagħna tal-Kristjanità?
IS-SEJBA TAL-“EVANĠELJU TAʼ ĠUDA”
Għadu mhux ċert kif instab l-“Evanġelju taʼ Ġuda.” Minflok ma ġie skopert u dokumentat minn arkeoloġi, id-dokument feġġ f’daqqa waħda fis-suq tal-antikitajiet madwar l-1980. X’aktarx li nstab fl-Eġittu fl-1978 f’qabar abbandunat, forsi f’xi għar. Kien wieħed minn erbaʼ testi separati f’kodiċi (tip taʼ ktieb antik) miktub bi lsien il-Kopti (lingwa li ġiet mill-Eġizzjan tal-qedem).
Wara li l-kodiċi tneħħa mill-klima xotta tal-Eġittu, fejn kien ilu preservat għal sekli sħaħ, hu beda jiddeterjora malajr. Il-kodiċi ntwera fuq fuq lil xi studjużi fl-1983; iżda l-prezz li ntalab kien esaġerat u ma sar ebda bejgħ. Minħabba li għaddew ħafna snin mingħajr ma nżamm f’post adattat u għax ġie traskurat, il-kodiċi saritlu iktar ħsara. Fl-2000 inxtara minn mara Żvizzera li tbigħ l-antikitajiet. Eventwalment, hi tatu lil grupp t’esperti internazzjonali. Dawn ħadmu bl-appoġġ tal-Fondazzjoni taʼ Meċenas għall-Arti tal-Qedem u tas-Soċjetà Ġeografika Nazzjonali u ġew inkarigati bil-biċċa xogħol iebsa taʼ restawr u tgħaqqid mill-ġdid tal-kodiċi, li ftit minnu issa kien iddeterjora f’biċċiet żgħar. Dan it-tim kellu jiddetermina wkoll kemm kellu żmien il-kodiċi u jittraduċi u jinterpreta dak li kien fih.
Metodu li bih issir magħrufa d-data t’affarijiet antiki (Carbon-14 dating), wera li l-kodiċi x’aktarx
hu minn tat-tielet jew ir-rabaʼ seklu W.K. Madankollu, l-istudjużi assumew li t-test tal-Kopti tal-“Evanġelju taʼ Ġuda” kien ġie tradott mill-Grieg oriġinali ħafna iktar qabel. Meta kien dan iż-żmien u ċ-ċirkustanzi oriġinali li fihom l-“Evanġelju taʼ Ġuda” nkiteb?L-“EVANĠELJU TAʼ ĠUDA” —EVANĠELJU NJOSTIKU
L-ewwel darba li ssemma li kien jeżisti xogħol imsejjaħ l-“Evanġelju taʼ Ġuda” kien fil-kitbiet taʼ Irenew, awtur li kien jistqarr li kien Kristjan u li għex fl-aħħar snin tat-tieni seklu W.K. F’xogħol li jismu Against Heresies (Kontra l-Ereżiji), Irenew jikteb dwar wieħed mill-ħafna gruppi li t-tagħlim tagħhom hu oppona: “Huma jiddikjaraw li Ġuda t-traditur . . . biss, billi kien jaf il-verità iktar mill-oħrajn, aġixxa skont il-misteru tat-tradiment. Permezz tiegħu, l-affarijiet kollha, kemm dawk tal-art kif ukoll tas-sema, kienu b’hekk imwaddbin f’konfużjoni. Huma jivvintaw storja bħal din u jagħtuha l-isem tal-Evanġelju taʼ Ġuda.”
“Mhuwiex Evanġelju li nkiteb fi żmien Ġuda stess minn xi ħadd li attwalment kien jafu”
Irenew kien speċjalment iffokat fuq li jġib fix-xejn tagħlim differenti tal-Kristjani Njostiċi, * li sostnew li kellhom għarfien speċjali. Kien hemm ħafna gruppi Njostiċi, u kull grupp kellu l-interpretazzjoni tiegħu stess taʼ dak li ħaseb li kienet il-verità. L-Injostiċi ppromwovew il-kitbiet tagħhom stess, li żdiedu matul it-tieni seklu W.K.
Evanġelji Njostiċi bħal dawn spiss sostnew li l-appostli prominenti taʼ Ġesù fehmu ħażin il-messaġġ tiegħu u li hemm tagħlim sigriet li Ġesù għallem u li kien mifhum minn ftit magħżulin biss. * Ftit minn dawn l-Injostiċi emmnu li d-dinja li ngħixu fiha kienet ħabs. B’hekk, l-“alla ħallieq” tal-Iskrittura Ebrajka kien attwalment alla inqas importanti li kien jopponi lil allat perfetti varji. Huma emmnu li xi ħadd b’għarfien speċjali kien se jifhem li bniedem jeħtieġ jinħeles mill-ġisem fiżiku tiegħu.
L-“Evanġelju taʼ Ġuda” hu bbażat fuq din il-fehma. Jibda bil-kliem: “Dan hu s-sigriet li Ġesù ta lil Ġuda l-Iskarjota, matul tmint ijiem, li spiċċaw tlett ijiem qabel ma ċċelebra l-Qbiż.”
Kien dan il-kodiċi l-istess wieħed li Irenew kien kiteb dwaru u li għal sekli sħaħ kien maħsub li kien mitluf? Marvin Meyer, membru tal-ewwel tim li analizza u ttraduċa dan il-kodiċi, jgħid li “d-deskrizzjoni qasira [taʼ Irenew] taqbel sew mat-test Kopti li għandna llum imsejjaħ l-Evanġelju taʼ Ġuda.”
ĠUDA F’DAN L-EVANĠELJU —DIBATTITU FOST L-ISTUDJUŻI
Fl-“Evanġelju taʼ Ġuda,” Ġesù jiddieħaq bid-dixxipli tiegħu meta huma juru nuqqas t’għarfien xieraq. Iżda Ġuda hu l-uniku wieħed mit-12-il appostlu li juri li jifhem l-identità vera taʼ Ġesù. B’hekk, Ġesù jaqsam miegħu privatament “il-misteri tas-saltna.”
L-ewwel tim taʼ studjużi li ttraduċa l-“Evanġelju taʼ Ġuda” kien effettwat b’dak li Irenew kien qal. Fit-traduzzjoni tagħhom, Ġuda hu ffavorit minn Ġesù bħala d-dixxiplu li kien se jifhem il-misteru u “jilħaq” is-“saltna.” L-appostli, li kienu ġew żgwidati, kellhom jagħżlu lil xi ħadd minflok Ġuda, iżda dan imbagħad kellu jsir it-“tlettax-il spirtu” li kellu “jkun aħjar [mill-appostli l-oħrajn] kollha” għaliex Ġesù qal li Ġuda kellu jgħinu jinħeles mill-ġisem fiżiku tiegħu.”
Awturi li l-kotba tagħhom jinbiegħu ħafna, bħal Bart Ehrman u Elaine Pagels, li huma wkoll studjużi prominenti tal-Kristjanità tal-bidu u
tal-Injostiċiżmu, malajr ippubblikaw l-analisi u l-kummentarji tagħhom stess tal-“Evanġelju taʼ Ġuda” li kienu simili ħafna għat-traduzzjoni li saret. Madankollu, ftit wara dan, studjużi oħrajn, bħal April DeConick u Birger Pearson, urew tħassib. Huma beżgħu li l-pubblikazzjoni tat-test qadim ġiet mgħaġġla sempliċement biex tiġbed l-attenzjoni tal-midja. Huma ħassew ukoll li l-proċedura normali biex jiġi rivedut it-test ma ġietx segwita.Ħadd mill-istudjużi li analizza din il-kitba ma jsostni li fiha informazzjoni storika eżatta
DeConick u Pearson ħadmu b’mod individwali u t-tnejn ikkonkludew li ftit mis-sezzjonijiet importanti tal-fdalijiet tal-kodiċi kienu ġew tradotti ħażin mill-istudjużi taʼ qabel. Skont it-traduzzjoni mill-ġdid tat-test li għamlet DeConick, Ġesù sejjaħ lil Ġuda t-“Tlettax-il Demonju,” u mhux it-“tlettax-il spirtu.” * Ġesù jgħid ukoll lil Ġuda ċar u tond li hu mhux se jitlaʼ fis-“saltna.” Minflok ma jkun “aħjar” mid-dixxipli l-oħrajn, Ġesù jgħid lil Ġuda: “Int se tagħmel agħar minnhom ilkoll.” Imbagħad ibassar li Ġuda se joqtol il-ġisem taʼ Ġesù. Mill-ħarsa taʼ DeConick, il-kittieba Njostiċi tal-“Evanġelju taʼ Ġuda” kienu qed iwaqqgħu għaċ-ċajt lill-appostli kollha. Il-konklużjoni finali taʼ DeConick u Pearson hi li f’dan l-“Evanġelju taʼ Ġuda,” Ġuda mhux eroj.
X’NISTGĦU NITGĦALLMU MILL-“EVANĠELJU TAʼ ĠUDA”?
Kemm jekk l-istudjużi kienu jqisu lil Ġuda taʼ dan l-evanġelju bħala eroj u kemm jekk bħala demonju, ħadd minn dawk li analizza din il-kitba ma jsostni li fiha informazzjoni storika eżatta. Bart Ehrman jispjega: “Mhuwiex Evanġelju miktub minn Ġuda, jew wieħed li hemm miktub fih li nkiteb minnu. . . . Mhuwiex Evanġelju li nkiteb fi żmien Ġuda stess minn xi ħadd li attwalment kien jafu . . . Mela mhuwiex ktieb li jagħtina iżjed informazzjoni dwar dak li fil-fatt ġara fi żmien Ġesù.”
L-“Evanġelju taʼ Ġuda” hu kitba Njostika mit-tieni seklu W.K., li oriġinarjament kienet miktuba bil-Grieg. L-istudjużi xorta waħda għadhom mhumiex ċerti jekk dan l-“Evanġelju taʼ Ġuda,” li m’ilux li nstab, huwiex identiku għall-kitba li Irenew irrefera għaliha. Iżda, l-“Evanġelju taʼ Ġuda” juri ċar li kien hemm żmien meta Kristjani foloz introduċew it-tagħlim tagħhom stess u dan ġegħelhom jinqasmu fi gruppi differenti. Minflok ma jnaqqas mill-mertu tal-Bibbja, l-“Evanġelju taʼ Ġuda” fil-fatt jikkonferma twissijiet mill-appostli, bħal dik tal-appostlu Pawlu mniżżla f’Atti 20:29, 30: “Jien naf li wara t-tluq tiegħi . . . minn fostkom stess iqumu rġiel li jitkellmu affarijiet mgħawġin biex jiġbdu lid-dixxipli għal warajhom.” ”
^ par. 10 Xi ħadd Injostiku huwa segwaċi tal-Injostiċiżmu—moviment reliġjuż u filosofiku, li jinkludi l-elementi tal-mistiċiżmu, il-paganiżmu, il-filosofija Griega, il-Ġudaiżmu, u l-Kristjanità.
^ par. 11 Dawn l-evanġelji spiss huma msemmijin għal dawk li hu maħsub li fehmu aħjar it-tagħlim veru taʼ Ġesù, bħalma hu l-każ tal-“Evanġelju taʼ Tumas” u l-“Evanġelju taʼ Marija Maddalena.” B’kollox, madwar 30 kitba tal-qedem bħal dawn ġew identifikati.
^ par. 18 L-istudjużi li jqisu lil Ġuda bħala demonju f’dan it-test—wieħed li fehem l-identità taʼ Ġesù aħjar mid-dixxipli l-oħrajn—jinnotaw kemm dan hu fi qbil mal-mod kif id-demonji stqarrew eżattament l-identità taʼ Ġesù fir-rakkonti tal-Evanġelju tal-Bibbja.—Marku 3:11; 5:7.